Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Edukazzjoni – talbiet għal transfers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm talbiet għal transfers fi Frar 2013 fil-Ministeru tal-Edukazzjoni? Kien hemm xi late applications? Minn liema entitajiet u f'liema gradi kienu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi kellha 13-il talba għal transfer li ġew mitluba minn impjegati fi ħdan iċ-Childcare Centres fil-gradi ta' Childcare Centre Coordinators, Childcare Assistants u Programme Secretaries.L-entitajiet l-oħra ma kellhomx talbiet għal transfer. Rigward l-Universita' ta' Malta, din ma tagħmilx trasferimenti ta' membri tal-istaff tagħha barra mill-organizazzjoni. Ċaqliq relatat ma' pożizzjonijiet jew xogħol huwa bbażat fuq il-bżonnijiet u neċessitajiet tal-Universita'. Infurmat ukoll li fid-Direttorat Ġenerali għal Servizzi Korporattivi ma tinżammx statistika dwar talbiet għal trasferimenti.

Ministeru tal-Edukazzjoni – talbiet għal transfers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm talbiet għal transfers fl-aħħar ħames snin fil-Ministeru tal-Edukazzjoni? Minn liema entitajiet u f'liema gradi kienu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li fil-Kulleġġ Malti tal-Arti, Xjenza u Teknoloġija kien hemm tmintax-il talba għal transfer. Sebgħa minn dawn kienu nterni minn impjegati fi gradi amministrattivi jew klerikali. Tmien impjegati fi gradi akkademiċi li kienu jaħdmu fl-MCAST fuq bażi ta' 'attachment' talbu li jmorru lura fil-grad sostantiv tagħhom mad-Direttorat għal Servizzi Edukattivi. Impjegat amministrattiv ġie sekondat ma' Segretarju Parlamentari u żewġ impjegati amministrattivi oħra ġew sekondati ma' Kunsilli Lokali. Fl-Aġenzija Programmi tal-Unjoni Ewropeja kien hemm tlett talbiet għal transfer. Tnejn kienu fil-grad ta' Programme Officers u wieħed fi grad ta' Principal . Fid-Dipartiment għal Tagħlim Tul il-Ħajja kien hemm erba' talbiet għal transfer li kienu minn gradi amministrattivi u klerikali. Fil-Fondazzjoni Għal Servizi Edukattivi kien hemm għoxrin talba minn impjegati fil-gradi ta' Childcare Centre Coordinators, Childcare Assistants u Programme Secretaries. Fil-Korporazzjoni ta' Xogħol u Taħriġ kien hemm tlettax-il talba minn impjegati klerikali u maniġerjali. Fid-Dipartiment tal-Eżamijiet kien hemm għaxar talbiet minn impjegati fil-gradi klerikali u General Hand. Fid-Dipartiment għal Tagħlim Tul il-Ħajja kien hemm erba' talbiet minn Uffiċjal fi Grad 5 u tlieta oħra fi gradi klerikali. Infurmat ukoll li fid-Direttorat Ġenerali għal Servizzi Korporattivi ma tinżammx statistika dwar talbiet għal trasferimenti.

Bini ta’ skejjel ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra site plan li jindika s-sit ta’ fejn se jinbnew l-iskejjel ġodda diġà mħabbra?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 3741.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — ingaġġ ta’ konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm konsulenti ingaġġati fil-Ministeru u kemm tħallsu f’konsulenzi s’issa mid-9 ta’ Marzu 2013 ’l hawn?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li hemm 15-il persuna li tqabbdu jagħmlu xogħol ta’ konsulenza mal-Ministeru u fid-Direttorati tal-Edukazzjoni. Fil-każ ta’ tlieta (3) minnhom għadu ma sar l-ebda ħlas minn meta ġie ffirmat il-kuntratt. It-tagħrif l-ieħor mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — konferenzi u laqgħat

Question

Jista’ l-Ministru jelenka l-konferenzi u laqgħat li attenda barra minn Malta f’dawn l-aħħar sitt xhur?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Dipartiment tal-Edukazzjoni — LSAs

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi pjan li jiddaħħlu iktar learning support assistants fid-Dipartiment tal-Edukazzjoni? Jikkonferma l-Ministru b'dak li deher f'ġurnal indipendenti lokali dan l-ahħħr li hemm nuqqas ta’ 2000 LSA fis-sistema edukattiva? Jekk iva, f'kemm żmien beħsiebu jdaħħalhom jaħdmu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma jirriżultax li hemm nuqqas ta' 2000 learning support assistantsfis-sistema edukattiva. Il-vakanzi għal learning support assistants jiddependu fuq kemm tfal ser ikunu qed jingħataw statement of needs. Barra minn hekk, mhux il-każijiet kollha jkollhom bżonn għajnuna one-to-one.

Tneħħija ta’ stipendji

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-investigazzjoni fuq l-email li ħarġet mill-Maintenance Grants Section rigward it-tneħħija tal-istipendji fil-higher secondaries, ġietx konkluża? Jekk iva, x'kien l-eżitu u x'passi ttieħdu minn din l-investigazzjoni?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-investigazzjoni msemmija ġiet konkluża fl-aħħar tal-ġimgħa l-oħra u r-rakkomandazzjonijiet tal-bord tal-inkjesta se jiġu kkunsidrati.

Qasam sportiv — konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti li qed jassistu lilu jew lis-Segretarju Parlamentari fil-qasam sportiv? Jista' jgħid ukoll kemm qed jitħallas kull konsulent għas-servizzi tiegħu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi s-Segretarju Parlamentari għandu konsulent wieħed fuq sport li huwa s-Sur Mark Cutajar. Dan jitħallas €15,334 fis-sena u €1,000 oħra fis-sena bħala expense allowance.

Sport Promotion Unit

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-iSport Promotion Unit għadux jagħmel parti mill-Kunsill Malti għall-Isport? Jekk le, x'inhi r-raġuni?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-Isport Promotion Unit għadu jagħmel parti mill-Kunsill Malti Għall-Isport.

Kunsill Malti għall-Isport — chairman

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu r-rwol tal-persuna li okkupat l-uffiċċju taċ-chairman tal-Kunsill Malti għall-Isport mill-għada li tħabbret ir-riżenja taċ-chairman?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-persuna li għaliha qed issir referenza kellha rwol ta' koordinazzjoni tal-ħidma tal-Kunsill Malti għall-Isport mal-ħidma tas-Segretarju Parlamentari.

Pixxina Nazzjonali

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport dwar il-qagħda li tinsab fiha l-Pixxina Nazzjonali?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Birkirkara Tennis Club — art

Question

Jista' l-Ministru jikkjarifika jekk il-Birkirkara Tennis Club fi Sqaq it-Tiġieġ, Triq Dun Karm, Birkirkara bypass, Birkirkara hux proprjetà ta' terzi persuna jew entità private, inkella meta ngħatat l-art biex tintuża għal dan il-kumpless ingħatatx għal skop preċiż u ċjoè dak pubbliku/soċjali? B'liema kundizzjonijiet kienet ingħatat din l-art?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt datat is-16 ta' Ġunju 2004 bejn il-Gvern u l-Birkirkara Tennis Club rigward l-art in kwistjoni

Kulleġġ Santa Klara – skola co-ed

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi tħejjijiet qed isiru għall-iskola co-ed fil-kulleġġ Santa Klara? Saru xi preparamenti u taħriġ għall-għalliema biex jibdew jgħallmu bniet u subien? Saru xi preparamenti għat-tfal?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif dwar it-tħejjijiet u t-taħriġ li saru għall-għalliema u t-tfal għall-iskola co-ed fil-Kulleġġ Santa Klara qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Lingwa Għarbija bħala suġġett mgħallem

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm studenti li għażlu l-Għarbi biex jitgħallmuh fil-Form 1 u fil-Form 3? X’inhuma l-pjanijiet tal-Gvern biex iħajjar aktar studenti jagħżlu din il-lingwa?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-għadd ta' studenti fl-iskejjel tal-Istat li għażlu li jitgħallmu l-lingwa Għarbija huwa kif se nsemmi:- Form 1 - 18-il student fi ħdax-il skola differenti Form 3 - 7 studenti f'erba' skejjel differenti Form 3 - 15-il student f'seba' skejjel diferenti ilhom jitgħallmu din il-lingwa minn Form 1 Minbarra t-tisħiħ tal-Malti u l-Ingliż, il-Ministeru huwa favur li jissaħħaħ it-tagħlim tal-Għarbi u se jippromwovi t-tagħlim fost dawk li jitħajru jagħżluh. Fis-sena skolastika 2012/2013 fl-iskejjel Indipendenti kien hemm 16-il student li għażlu l-Għarbi fil-Form 1 u 14-il student li għażlu l-Għarbi fil-Form 3. Ma kienx hemm studenti fl-iskejjel tal-Knisja li għażlu dan is-suġġett fis-sena skolastika 2012/2013.

Lingwa Ċiniża

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandu l-gvern biex jibda l-istudju tal-lingwa Ċiniża f’Malta?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm il-pjan biex fiż-żmien li ġej iċ-Ċiniż jibda jiġi mgħallem fl-iskejjel sekondarji tal-gvern jekk ikun hemm biżżejjed studenti li jagħżluh bħala suġġett.

Skejjel primarji – studju ta’ lingwa barranija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid hemmx xi pjanijiet sabiex l-istudenti tal-primarja jibdew jitgħallmu lingwa barranija? Fil-każ li iva, liema lingwa barranija?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat illi l-Qafas tal-Kurrikulu Nazzjonali għal Kulħadd - 2012 għandu jwassal ukoll għall-iżvilupp ta' bilingwiżmu u multilingwiżmu fost l-istudenti sa minn eta' żgħira. Minbarra l-iżvilupp simultanju tal-Malti u l-Ingliż, il-Qafas tal-Kurrikulu Nazzjonali għal Kulħadd - 2012 jipproponi kors ta' għarfien tal-lingwi lejn l-aħħar tas-snin taċ-ċiklu tal-primarja. Qed ikun suġġerit li l-iskejjel jieħdu d-deċiżjoni tagħhom dwar liema lingwa/lingwi għandhom jiddaħħlu. It-tagħlim ta' żewġ lingwi oħra barra l-ilsien nattiv sa minn eta' żgħira, hu marbut mal-iżvilupp tal-multilingwiżmu (Konklużjonijiet ta' Barċellona, 2002) tal-Unjoni Ewropeja.

Tfal autistic – użu tal-iskejjel filgħaxija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif l-inizjattiva li tfal autistic ikunu secluded u jużaw l-iskejjel filgħaxijiet tinkwadra fil-politika tal-inklużjoni?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-proposta ġiet milqugħa mill-Ministeru wara talba mill-ġenituri ta' tfal bl-awtiżmu stess, biex noffru spazju adattat u sigur għal uliedhom. Dawn it-tfal jistgħu jilgħabu ma' tfal oħra, mhux bilfors b'dijanjosi ta' awtiżmu, f'dawn l-ispazji. Kif intqal mill-ġenituri tagħhom stess, fil-passat tfal bl-awtiżmu mhux dejjem setgħu jgawdu spazji pubbliċi. Dawn l-ispazji huma miftuħa għal pubbliku kollu, b'mod partikolari għal tfal b'awtiżmu u allura l-argument li huma secluded mhux minnu anke għaliex hi għażla tal-familja jekk imorrux jew le u kull familja għad għandha ċ-ċans li tuża postijiet pubbliċi oħrajn. Hekk it-tfal ikollhom ċans ikunu ma' tfal oħra xorta skont il-bżonnijiet tal-familji.

Kulleġġ St Thomas Moore – bini ta’ skejjel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk inbidlux il-pjanijiet għall-Kulleġġ St Thomas Moore partikolarment għal dawk it-tfal li kienu se jmorru fl-iskola ġdida li kellha tinbena f’Raħal Ġdid u li issa mhux se tinbena?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-pjanijiet ta' formazzjoni tal-Kulleġġi għadha qed tiġi kkonsultata. Meta l-pjan ikun finalizzat jiġi mħabbar.

Persuni li jaħdmu bi qligħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn persuni jaħdmu bi qligħ mal-Gvern u fil-privat? Kemm hawn persuni li jaħdmu fuq bażi part-time? Jista’ jipprovdi tabella li turi l-ammont ta' ħaddiema part-time għal dawn l-aħħar ħames snin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li n-numru ta' persuni li kienu qed jaħdmu bi qligħ sa l-aħħar ta` Mejju 2013 mal-privat kien ta` 113,170 persuna u mal-Gvern kien ta` 31,181 persuna. Fil-figuri tal-Gvern m`hemmx inklużi kumpaniji parastatali jew Awtoritajiet. Il-persuni li kienu jaħdmu part-time (bħala l-uniku xogħol tagħhom), sa l-aħħar ta` Mejju 2013 kien ta` 32,662. Rigward l-aħħar ħames snin, it-tagħrif hu kif ġej: SENA Persuni jaħdmu part time (bħala l-uniku xogħol tagħhom) Diċembru 2012 31,974 Diċembru 2011 29,785 Diċembru 2010 28,103 Diċembru 2009 27,052 Diċembru 2008 25,828

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – Spejjeż ta’ Media Events

Question

Jista’ l-Ministru jgħid mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum, xahar b’xahar, kemm ġew organizzati PR u media events mill-Ministeru tiegħu? Kemm kienet l-ispiża ta’ kull attività u kemm kienet in-nefqa totali ta’ dawn l-attivitajiet? Min kienu l-kuntratturi li ħadmu fuq dawn l-attivitajiet u jekk dawn intgħażlux wara sejħa pubblika?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f'seduta oħra.