Legislature:
Category:
Reset
Active:

Biennale di Venezia

Question

Jista’l-Ministru jikkonferma jekk Malta hijiex ser tipparteċipa fil-Biennale di Venezia hekk kif imwiegħed fil-Baġit 2016? Jista’ jindika x’sar issa biex Malta tkun ippreparata għal dan l-avveniment?

Response (BONNICI, OWEN)

Nikkonferma li Malta ser tieħu sehem fl-edizjoni tal-arti tal-Biennale ta’ Venezia tal-2017. Il-preparamenti bdew immedjatament wara li tħabret fil-baġit u l-proġett qed jitmexxa mill-Kunsill Malti għall-Arti li ser iservi wkoll bħala Kummissarju tal-Padiljun. Huwa kkonfermat ukoll li l-ispazju tal-Padiljun ta’ Malta ser ikun ġol-Arsenale li jinsab fiċ-ċentru tal-attivita’ tal-Biennale. Saret ukoll sejħa internazzjonali għall-għażla tal-kuratur jew tim kuratorjali li ġibdet interess minn ġurnali internazzjonali fil-qasam tal-arti. L-għażla ser issir minn ġurija internazzjonali sat-30’ ta’ April 2016. Il-parteċipazzjoni ta’ Malta fil-Biennale ta’ Venezja hi wegħda oħra elettorali għall-kultura mwetqa mill-Gvern u azzjoni mibnija fil-pjan strateġiku tal-Kunsill Malti għall-Arti.

Riformi fil-kamp ċivili

Question

Jista’ l-Ministru jelenka x’riformi saru fil-kamp ċivili u jgħid kif dawn se jgħinu biex jitnaqqas id-dewmien?

Response (BONNICI, OWEN)

Il-Gvern embarka mill-ewwel fuq riforma ħolistika fil-qasam tal-Ġustizzja sabiex iwettaq wegħda kruċjali fil-manifest elettorali. Ma nħela ebda żmien u immedjatament appunta Kummissjoni ta’ esperti bil-għan li toħroġ proposti għal titjib fil-qasam tal-Ġustizzja u fil-fatt gew promulgati 450 proposta li issa qed jiġu implimentati b’mod spedit iżda ordnat. Uħud mill-proposti ġew varjati wara konsultazzjoni ulterjuri mal-istakeholders. Waħda mill-isfidi l-aktar kruċjali kien in-nuqqas ta' spazju fil-Qrati li kien qed joħnoq kull prospett ta’ żvilupp fir-riżorsi umani f’dan is-settur tant kruċjali fid-demokrazija. Dan il-Gvern investa f’refurbishment totali ta’ binja fil-Belt Valletta u f'Ottubru 2014 il- Binja St. Thomas More ġiet inawgurata. B’hekk inħoloq spazju fiżiku ġdid iwitti t-triq għal żieda, matul iż-żmien u b'mod studjati, tar-riżorsi umani. Eżempju ċar huwa li issa l-amministrazzjoni tal-Qorti tista’ tippjana u żżid tliet awli ġodda u b’hekk jiżdiedu s-seduti tal-qorti. Għadd ta’ sistemi teknoloġiċi u proċedurali ġodda ġew introdotti biex inaqqsu l-burokrazija u dewmien fil-Qrati Ċivili. Dawn jinkludu: 1. Informazzjoni mibgħuta lill-avukati u l-klijenti permezz ta' SMS b'xejn fil-każ ta differiment fil-Qrati Ċivili; 2. Servizz b'xejn ta’ emails mibgħuta lill-avukati bid-digrieti mill-Qrati Ċivili; 3. Servizz b'xejn ta’ emails mibgħuta lill-avukati bit- transcripts tal-istqarrijiet tax-xhieda; 4. Servizz b'xejn ta’ emails mibgħuta lill-avukati u lill-prokuraturi legali b'informazzjoni dwar jekk it-taħrika tax-xhieda tkunx pożittiva jew negattiva; 5. Aċċess online b’xejn għall-professjonisti legali għall-atti, warrants u informazzjoni dwar kawża fil-qorti ċivili; 6. Aċċess Online mingħajr ħlas mogħti liċ-ċittadin biex jara atti relatati mal-każ tiegħu; 7. Video-conferencing għall-kumpilazzjoni tax-xhieda f’awla waħda meta dan ikun hekk meħtieġ; 8. FAQ dwar il-portal web tal-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali; 9. E-filing tal-applikazzjonijiet għat-Tribunal għal Talbiet Żgħar u l-Appelli minn dawk id-deċiżjonijiet - estiż ukoll għal applikazzjonijiet quddiem it-Tribunal għar-Reviżjoni Amministrattiva. Parir kostanti kien illi wieħed isegwi para f’ġurisdizzjonijiet barranin u jitgħallem mill-esperjenza tagħhom. F’ġurisdizzjonijiet barranin, meta l-Ġudikatura tkun rinffaċċata b’backlog ta’ każijiet, il-Qorti tinvesti fl-ingaġġ ta’ avukati tal-qorti full time u ta’ esperjenza biex jghinu lill-imħallfin bir-riċerka u l-abbozzar preliminari tas-sentenzi. Il-Gvern iddeċieda li jimplimenta riforma simili. Fil-fatt fl-aħħar xhur, kull imħallef fil-Qrati Ċivili ngħata avukat full-time b’esperjenza magħżul mill-Ġudikatura nnifisha, bid-dmir li jassisti lill-imħallef fl-abbozzar ta' sentenzi b’performance indicators ċari; tfassil ta’ memoranda fuq kawżi pendenti, u jassisti lill-Imħallef fl-abbozzar ta' ordnijiet tal-qorti. Implimentajna rakkomandazzjoni speċifika li għandha twassal għal titjib fl-Għajnuna Legali. L- Ordni Dwar It-Twaqqif Tal-Aġenzija Tal-Għajnuna Legali (Avviż Legali 414 tal-2014) li ġiet adottata fit-28 ta’ Novembru 2014, stabbilixxiet għall-ewwel darba Aġenzija Għajnuna Legali (Għajnuna Legali Malta) li tkun responsabbli għal u li jamministra l-provvista tas-servizz tal-għajnuna legali fl-oqsma kollha fejn dan ikun meħtieġ. Matul l-2015, l-arranġamenti meħtieġa saru sabiex jinagħtaw ir-riżorsi meħtieġa għall-ġestjoni effettiva u effiċjenti tal-Aġenzija Għajnuna Legali. L-iżvilupp ewlieni huwa l-istabbiliment ta’ one-stop shop għal kull persuna li tixtieq tapplika għall-għajnuna legali. L-Aġenzija Għajnuna Legali, barra minn hekk, tkun responsabbli għall-ġestjoni tal-avukati ta' għajnuna legali u l-prokuraturi legali li joperaw f'Malta u Għawdex, inkluż il-ħlas ta' allowances tagħhom b’mod awtonomu mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali kif kien isir qabel. Il-Gvern investa wkoll fil-ħolqien ta’ direttorat ġdid, separat mill-Qorti, li jiffoka fuq il-Qasam tal-Ġustizzja. Waħda mill-funzjonijiet ta’ dan id-direttorat huwa li jkejjel il-performance tal-Qrati tagħna abbazi ta’ metodi stabbiliti fi ħdan il-Kunsill ta’ l-Ewropa (senjatament is-CEPEJ). Dan id-Direttorat applika it-tagħlim li ġej mis-CEPEJ għall-istatistika f’pajjiżna u b’hekk issa għandna kriterji oġġettivi sabiex wieħed ikun jaf fejn sejjer. L-istatistika ġiet imtejba u mqiegħda fuq is-sit pubbliku tal-Qorti sabiex kulħadd ikun jista’ josserva l-andament tal-Qrati tagħna. Għall-ewwel darba mill-2011, il-clearance rate u d-disposition time tal-Qrati Ċivili u Kriminali ġew kkalkulati, u fil-każ tal-qrati ċivil dawn saru disponibbli online. Barra minn hekk, qedgħin jiġu studjati parametri ta' effiċjenza fuq bażi trimestrali sabiex tiġi żgurata iskoperta bikrija ta' xejriet negattivi. Analiżi interna ta' tali dejta għenet biex jiġu identifikati oqsma li fihom kienu meħtieġa aktar riżorsi, kif ukoll, jiġu enfasizzati oqsma fejn kienu meħtieġa emendi legali. Dan wassal għal riżultati pożittivi. Fl-2014, it-tqabbil annwali tal-effiċjenza fil-qrati ċivili jindikaw li t-Tribunal għal Talbiet Żgħar u t-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva tjiebet ħafna fil-livelli ta' effiċjenza: Small Claims Tribunal Clearance Rate Disposition Time Pending Cases 2013 100% 445 days 1046 2014 123% 284 days 820 2015 123% 156 days 516 Administrative Review Tribunal Clearance Rate Disposition Time Pending Cases 2013 40% 2036 days 753 2014 149% 1408 days 683 2015 411% 495 days 418 Riżultat ieħor li wieħed jinnota fl-2015 kienet it-titjib fil-clearance rate tal-Qrati tal-Appell. Filwaqt li għadhom iridu jintlaħqu l-livelli mixtieqa ta' effiċjenza, dawn il-Qrati ta’ Sekonda Istanza kellha l-iktar rata għolja ta’ clearance rate f’dawn l-aħħar 4 snin, b'rata medja ta’ 80% għal Qorti tal-Appell (Superjuri) u rata ta’ 112% għal Qorti tal-Appell (Inferjuri). B'mod ġenerali, in-numru totali ta' każijiet pendenti fil-qrati kollha ċivili naqas ukoll minn 11,455 fl-2013 għal 10274 fl-2015. Fil- 15 ta’ Frar 2016, daħal fis-seħħ l-Att numru IV tal-2016 illi kompla jimplimenta partijiet importanti mir-riforma fil-qasam tal-ġustizzja, din id-darba dwar proċedura ċivili. Il-Gvern huwa kommess li jwettaq ir-riforma fil-qasam tal-ġustizzja sabiex iżid ir-rispett lejn id-drittijiet tal-pubbliku u sabiex iżid l-effiċjenza fil-Qrati. Wara li ra r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Bonello u wkoll ta’ diversi esperti oħra, il-Gvern ilu għal dawn l-aħħar sentejn u nofs jimplimenta liġi wara l-oħra biex gradwalment u mingħajr skossi żejda, jimplimenta riforma ħolistika fl-oqsma kollha tal-ġustizzja bil-prijorità tingħata lil dawk l-oqsma li l-aktar li jolqtu lill-ħajja ta’ kuljum. L-Att IV tal-2016 jittratta l-qasam tal-kawżi ċivili u dan kemm fit-Tribunal għal Talbiet Żgħar, kemm fil-Qorti tal-Maġistrati, kemm fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kif ukoll fil-Qrati fi grad ta’ appell. L-effett ta' din il-liġi kien li jitnaqqsu l-ispejjeż u tonqos il-burokrazija żejda. Il-Gvern iqis illi dan huwa pass ieħor importanti fit-twettiq tar-rakkomandazzjonijiet dwar ir-Riforma Ħolistika fil-Qasam tal-Ġustizzja li jeffettwaw il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadin u ta’ kull min hu preżenti f’ Malta jew jagħmel negozju ma’ Malta u li jkun involut f’ xi kawża ta’ natura ċivili f’ Malta. Il-miżuri li qed daħlu fis-seħħ huma dawn: PROĊEDURA ĊIVILI Żdiedet il-kompetenza tal-Qorti tal-Maġistrati fis-smiegħ ta’ kawżi Ċivili minn €11,646.87 għal €15,000; Qsar iż-żmien għal meta kawża fl-appell tiġi appuntata għas-smiegħ wara li jkunu ingħalqu l-proċeduri bil-miktub minn sitt xhur għal tlett xhur; Il-proċedura tal-ittra uffiċjali li tista’ ssir eżekuttiva skont l-Artikolu 166A tal-Kodiċi tal-Organizzazzjoni u l-Proċedura Ċivili saret disponibbli dwar talbiet sa €25,000 minflok €23,293.73. F’każ illi ittra uffiċjali li ssir skont l-Artikolu 166A ma tiġix notifikata lid-debitur sa żmien sitt xhur mindu tigi preżentata din tiddekadi. Madankollu dan se jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-kreditur li jippreżenta ittra uffiċjali oħra skont l-istess Artikolu 166A; Twessa’ l-poter tal-Qrati fi grad ta’ appell biex jagħmlu korrezzjonijiet fis-sentenzi appellati u fl-atti tal-kawżi sakemm il-kawża tmur għas-sentenza jekk dawn il-korrezzjonijiet ikunu ġustifikati. Issa huwa possibbli ukoll illi Qorti fi grad ta’ appell tikkorreġi sentenza li tkun tat hi stess u dan fuq talba b’ rikors ta’ waħda mill-partijiet li jrid isir fi żmien tletin jum mindu tkun ingħatat is-sentenza. Din il-miżura hija ntiża biex tikkontrolla t-tul tal-proċeduri minħabba teknikalitajiet u żbalji tal-pinna; Tneħħiet il-ħtieġa illi tinġieb l-awtorizzazjoni tal-Qorti f’każ ta’ tentattivi addizzjonali biex issir notifika ta’ att ġudizzjarju meta att ma jkunx ġie notifikat jew biex issir notifika wara l-ħinijiet legali. Din il-miżura hija ntiża biex tnaqqas l-ispejjeż u l-ħela ta’ żmien biex atti tal-Qorti jiġu notifikati u d-dewmien fil-proċeduri li dawn iġibu magħhom; Ir-Reġistru Elettorali u r-Reġistru tal-Kumpaniji se jkunu aċċessibbli fil-Qorti lill-uffiċjali tal-Qorti u lill-Avukati u lill-Prokuraturi Legali u dan ukoll sabiex iħaffef l-effiċjenza tan-notifiki; Ingħata il-poter lill-Qorti tal-Appell biex meta tara li appell huwa frivolu tkun tista’ tiċħdu fil-ġurnata tal-ewwel smiegħ; Il-partijiet fil-kawżi fl-appell se jiġu mogħtija l-fakultà li b’nota jiddikjaraw lill-Qorti li qed joqogħdu fuq l-atti li hemm fil-kawża u li ma jkunx meħtieġ illi jkollhom udjenza għat-trattazzjoni tal-kawża. F’dan il-każ il-Qorti fi grad ta’ appell tgħaddi għad-deċiżjoni tal-kawża fi żmien sitt xhur mindu ssir dik in-nota; Twal iż-żmien permissibbli taħt l-Artikolu 257 tal-Kodici ta’ Organiżżazzjoni u Proċedura Ċivili biex it-titoli eżekuttivi jiġu esegwiti mingħajr il-ħtiega ta’ awtoriżżazzjoni ulterjuri mill-Qorti; Iddaħħlu dispożizzjonijiet biex ikun hemm aktar preċiżjoni fid-deskrizzjonijiet tal-proprjetà li tiġi evalwata għall-iskop li tinbiegħ subbasta u dan bl-iskop li dan il-proċess isir iżjed efficjenti u ma jixxekkilx minħabba nuqqas ta’ preċiżjoni fl-istadju tal-valutazzjoni. Min jokkupa tali proprjetà se jkun obbligat illi jagħti l-informazzjoni mitluba lilu taħt piena li jinstab ħati ta’ disprezz tal-Qorti u jeħel multa; L-avviżi tal-bejgħ subbasta se jkollhom isegwu ċerti ħtiġijiet għal dak li għandu x’jaqsam mad-dettall tagħhom; ¯died minn erba’ xhur għal sena ż-żmien li fih min jixtri proprjetà mis-subbasta jista’ jitlob l-iżgumbrament ta’ min ikun qed jokkupa dik il-proprjetà; Issa hemm terminu ta’ sena biex wieħed jagħmel kawża biex jħassar bejgħ subbasta; Iddaħħal reġistru manwali u eventwalment wieħed elettroniku, b’aċċess sorveljat, tal-persuni interdetti jew inabilitati sabiex il-kapacità ta’ persuna li tittrasferixxi proprjetà tkun tista’ tiġi verifikata aktar faċilment; Il-Qorti issa hija obbligata li jekk tkun se tqajjem kwistjoni f’ kawża minn rajha (ex-officio) tagħti l-opportunità lill-partijiet fil-kawża biex jagħmlu s-sottomissjonijiet tagħhom fuq dik il-kwistjoni. Dan biex jiġi evitat li l-kawzi jagħtu lok għal kawżi oħra fuq punti ta’ smiegħ xieraq; Iddaġġlet dispożizzjoni illi meta Qorti, Bord jew Tribunal jiddeċiedi illi huwa ma għandux kompetenza biex jisma’ kawża dik il-kawża ma tispiċċax iżda tiġi riferita lill-Qorti jew Bord jew Tribunal li għandhom il-kompetenza biex jisimgħuha. Dan ifisser illi ma jkollhomx isiru spejjeż biex il-parti konċernata tħallas l-ispejjeż tal-kawża fejn ikun ġie deċiż illi ma hemmx kompetenza u terġa’ tħallas biex terġa’ tiftaħha quddiem il-Qorti jew il-Bord jew Tribunal kompetenti u dan ukoll bir-riskju li dan jerġa’ jiddikjara li ma huwiex kompetenti; Iddaħħlu ukoll emendi biex jissimplifikaw il-proċedura għall-ħruġ ta’ mandati ta’ inibizzjoni biex ma tinbiegħx proprjetà waqt kawża; KODIĊI ĊIVILI Saru ukoll emendi għall-Kodiċi Ċivili sabiex ikun hemm mezz tar-reġistrazzjoni volontarja tat-tmiem tal-prokuri li jingħataw bejn persuni fiżiċi sabiex ma jibqax meħtieġ illi kull darba illi persuna tirrevoka prokura lil xi ħadd ikollha tinnotifika lin-nutara kollha bi spejjeż kbar; Il-kompetenza tat-Tribunal għal Talbiet Żgħar żdiedet minn €3,494.06 għal €5,000; Id-deċiżjonijiet fit-Tribunal għal Talbiet Żgħar se jkollhom, kemm jista’ jkun jingħataw ex-tempore. Il-Gvern huwa favur dan l-iżvilupp ta’ deċiżjonijiet ex-tempore u jqis illi huwa f’loku illi dan l-iżvilupp jibda minn dan it-Tribunal; ĠUSTIZZJA AMMINISTRATTIVA Ġie ċċarat illi l-ġurisdizzjoni ġenerali biex ssir revizjoni ġudizzjarja ta’ atti amministrattivi tirrisjedi fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili filwaqt illi t-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva se jibqa’ jikun kompetenti biex jeżamina l-validità ta’ dawk l-atti amministrattivi li jinħarġu taħt dawk il-liġijiet li l-ligi tirrendih kompetenti dwarhom. L-aħħar Justice Scoreboard li ġie ppubblikat mill-Kummissjoni Ewropea kien ċertifikat ieħor tax-xogħol li qed isir biex il-qasam tal-Ġustizzja jimxi ‘l quddiem. Pajjiżna, il-familji Maltin u Għawdxin, in-negozji Maltin u Għawdxin u l-investituri li jiġu f’pajjiżna jixiriqilhom qasam tal-Ġustizzja effiċjenti, ta’ kwalita’ u li jissalvagwardja l-indipendenza u l-imparzjalita’ tal-Ġudikanti tagħna.

Charter għaċ-Ċittadini fil-Qorti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’qed isir għar-rigward tas-Citizen’s Charter għall-Qorti li kien propost fil-manifest elettorali u kif in-nies jistgħu jibbenefikaw minn dan iċ-Charter?

Response (BONNICI, OWEN)

Is-Citizens’ Charter jinsab f’stat avvanzat li jiġi ppubblikat għall-użu minn dawk kollha li jiffrekwentaw il-Qrati ta’ Malta u Ghawdex. Is-Citizens’ Charter huwa dikjarazzjoni bil-miktub dwar il-livell ta' servizz li ċ-ċittadini għandhom jingħataw mill-amministrazzjoni tal-qorti. Id-dokument jipprova jibbilanċja id-drittijiet taċ-ċittadini u l-obbligi tal-fornitur tas-servizz biex jkun hemm livell tajjeb ta' fiduċja u kunfidenza fis-sistema. B’impenn li l-amministrazzjoni tkun kapaċi tirrispondi għall-b¿onnijiet tal-utent tal-qorti, u d-dritt tal-pubbliku għal servizz effiċjenti, f'waqtu u cost-effective, dan s-Citizens’ Charter se jiżgura livell ogħla ta' trasparenza, responsabbiltà u governanza tajba filwaqt li jipprovdi liċ-ċittadini mezzi ta' kif jistgħu jfittxu rimedju jekk is-servizzi stabbiliti ma jintlaħqux. Is-Citizens’ Charter jipprovdi informazzjoni dwar ċertu serizzi li huma offruti mill-Qrati tal-Ġustizzja f’Malta kif ukoll f’Għawdex, flimkien ma’ informazzjoni ulterjuri li għandhom jgħinu liċ-ċittadin meta jiġi l-Qorti.

Qasam tal-konservazzjoni ta’ dokumenti — għajnuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ingħatatx għajnuna fil-qasam tal-konservazzjoni ta’ dokumenti u jekk iva lil min? Jekk iva, kemm kienu l-ammonti?

Response (BONNICI, OWEN)

Fis-sena 2015 il-Gvern ta’ Malta ħareġ żewġ sponsorships lil żewġ persuni, it-tnejn żgħażagħ promettenti ħafna, sabiex jiġu mħarġġa fil-konservazzjoni tal-kotba u tal-karta f’West Dean College l-Ingilterra . Il-kors inbeda miż-żewġ kandidati b’post graduate diploma f’ “Conservation of Books and Library Materials” (2016-2017) b’effett mit-28/9/2015 u li ser jintemm fil-11/7/2016. L-ammont imħallas għal dan il-kors li jinkludi ‘tuition fees’ u akkomodazzjoni (esklużi l-passaġġi tal-ajru) huwa ta’ 14,080 Sterlina kull wieħed. Il-Gvern huwa komess li jekk dawn iż-żewġ kandidati jtemmu b’suċċess din id-diploma, jagħtihom sponsorship ieħor fil-livell ta’ Masters Degree. B’hekk f’pajjiżna nkunu qed ninċentivaw bil-fatti li jkollna iktar restawraturi tajbin.

Skema “Adopt a Notary”

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il dokument ġie kkonservat bl-iskema Adopt a Notary?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm aktar minn 17,000-il volum fil-Arkivji Nutarili li jinsab fit-Triq San Kristofru, li ħafna minnhom ġew danneġġjati ħafna matul is-snin. L-eqdem dokument li hemm f’dan l-arkivju jmur lura għas-seklu 15. L-iskema “Adopt a Notary” għandha l-għan li ssib sponsors biex tiffinanzja l-restawr ta' xogħlijiet notarili tant prezzjużi għall-istorja ta’ Malta. Bejn Jannar 2015 u April 2016, b’kollox ġew konservati b’mod komplut erbatax (14)-il volum taħt l-iskema Adopt a Notary. Hemm sitta u erbgħin (46) volum ieħor in progress. Filwaqt li riċentament seba’ volumi oħra ġew identifikati għal bżonn ta’ konservazzjoni u ġew aċċettati minn sponsorsdifferenti. Aktar dettalji jinsabu fil-lista li qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra. Minn hawnhekk nixtieq nirringrazzja lil dawk kollha li taw l-appoġġ taghhom biex din l-iskema tkun success, kif ukoll lil dawk l-isponsors li ħadu l-inizjattiva biex jkunu parti mill-konservazzjoni tal-istorja ta’ pajjizna.

Xogħlijiet ta’ restawr

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet ta’ restawr qegħdin isiru preżentament u x’hemm ippjanat li jsir fis-sitt xhur li ġejjin?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li fil-preżent id-Direttorat tar-Restawr qiegħed iwettaq diversi proġetti ta’ restawr bir-riżorsi umani (Direct Labour) tal-istess Direttorat u kif ukoll permezz ta’ kuntratturi wara ħruġ ta’ sejħiet għall-offerti. Xogħol li qed isir bil-ħaddiema tad-Direttorat tar-Restawr fil-preżent jinkludi ir-restawr tal-faċċata prinċipali tal-Kon Katidral ta’ San Ġwann, fil-Belt Valletta; ir-restawr ta’ Dar it-8 ta’ Settembru, fil-Birgu; ir-restawr tal-faċċati fuq Triq u Sqaq l-Oratorju tal-Knisja Parrokjali ta’ Bormla u r-restawr tal-Loġġa tal-Palju (fis-Saqqajja), fir-Rabat. Fil-preżent għaddej ukoll xogħol ta’ manutenzjoni kontinwa u restawr fil-Palazzi tal-Granmastri tal-Belt, San Anton u Verdala, kif ukoll xogħol ta’ manutenzjoni fuq is-swar tal-Belt, l-Birgu u l-Imdina. Kwazi intemm u r-restawr tal-Kappella tal-Kunċizzjoni, fin-Naxxar. Għadu kif intemm ukoll xogħol ta’ restawr fuq il-Kappella ta’ Wejda fil-Mosta u r-restawr tal-Kappella tal-Mirakli, f’Ħal Lija. Hu maħsub ukoll li, fis-sitt xhur li ġejjin, jinbeda xogħol ta’ restawr fuq il-Kapella ta’ San Ġwann tal-Għargħar (f’San Ġwann), il-Kappella ta’ Santa Luċija (fil-limiti ta’ Sta.Luċija), il-Knisja tal-Madonna ta’ Porto Salvo (fil-Ħamrun), il-Bieb ta’ De Rohan (f’Ħaż-Żebbuġ) u statwa/niċċa ta’ Sant’Indrija (f’Ħal Luqa). Fil-preżent dawn il-proġetti, li intagħżlu permezz tal-iskema għall-Kunsilli Lokali li ġiet imnehdija s-sena l-oħra qegħdin, fil-fażi tal-applikazzjoni għall-permessi meħtiega mill-Awtorita’ tal-Ippjanar. Hu mistenni li jinbeda wkoll xogħol ta’ restawr fuq parti mis-swar ta’ Bormla, fiż-żona ta’ San Ġwann t’Għuxa. Id-Direttorat tar-Restawr qed jagħmel ukoll ħafna xogħol permezz ta’ tenders. Fil-fatt għadu kif beda xogħol estensiv ta’ restawr fuq is-swar tal-Furjana, in-naħa ta’ Marsamxett, u iktar tard din is-sena jibda xogħol fuq is-swar tal-Furjana tan-naħa tal-Port il-Kbir u is-swar li jdawwru l-Ġonna tal-Argotti. Għaddej ukoll xogħol fuq il-kampnari tal-Parroċċa ta’ Bormla u fuq Dar storika nru. 24 fi Triq l-Ifran, il-Belt. Għadu kin inbeda xogħol estensiv ta’ restawr fuq il-Knisja tal-Ġiżwiti fil-Belt u fuq il- Casino’ Notabile fil-konfini tal-Imdina. Hu maħsub ukoll li jinbeda xogħol ta’ restawr tal-faċċata ta’ Palazzo Ferreria fil-Belt u restawr tal-binja tal-Cafe Premiere biex isiru uffiċċji tal-Kunsill Lokali tal-Belt. Iktar tard din is-sena jinbeda ukoll proġett ta’ riabilitazzjoni taż-żona taħt is-swar tal-Posta ta’ Kastilja fil-Birgu, fejn se jsir ġnien pubbliku b’differenza. Nieħu l-opportunita’ li nirringrazzja lill-Periti u ħaddiema kollha f’dan id-Direttorat li tant qed jagħmel ġid lil pajjiżna.

Teatru Manoel – Chairman

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-pagamenti li saru liċ-Chairman tat-Teatru Manoel bejn l-2010 u l-2013 u issa, kemm qed jitħallas iċ-Chairman?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li iċ-Chairman tat-Teatru Manoel bejn 2010 u l-2013 kien jitħallas kif ġej: 2010 - Board Honoraria - €17,140.96 Allowance - € 2,482.04 2011 - Board Honoraria - €13,975.00 Allowance - € 3,165.96 2012 - Board Honoraria - €13,975.00 Allowance - € 3,165.96 2013 - Board Honoraria - €13,130.00 Allowance - € 3,130.08 Filwaqt li bejn l-2014 u 2016 il-pagamenti abbinati mal-posizzjoni ta’ Chairman tat-Teatru Manoel hija dik ta’ €13,130.08. Dan iffisser li kull sena mill-bidu ta’ din il-Leġislatura kien hemm tnaqqis ta’ 33% fil-pagamenti li saru lic-Chairman meta kkumparati mal-2010.

Bejgħ ta’ proprjetà

Question

Jista’ l-Ministru jagħti spjega dwar x’sar rigward il-proposta biex jitnaqqas iż-żmien biex proprjetà tinbiegħ wara li tkun għaddiet lill-werrieta u kif se taffettwa l-proprjetà vakanti f’pajjiżna?

Response (BONNICI, OWEN)

Permezz tal- Att XIV tal-2016 li jemenda l-Kodiċi Ċivili u li daħal fis-seħħ fl- l-1 ta’ April 2016, naqas għal tliet snin iż-żmien fejn dawk li jkollhom il-maġġoranza tal-ishma fi proprjetà miżmuma in komun u jiddeċiedu li jridu jbiegħu dik il-proprjetà jkunu jistgħu jitolbu lill-Qorti tapprova il-bejgħ propost minnhom, diment li dan ikun taħt kondizzjonijiet ġusti u reali. Iż-żmien ta’ tliet snin applika b’effett immedjat, li jfisser li dawk il-proprjetajiet li ilhom mill-1 ta’ April 2013 jew qabel in komun jibbenefikaw minn din il-liġi l-ġdida. Qabel id-dhul fis-seħħ ta’ din il-liġi, il-perjodu ta’ żmien li wieħed kien irid jistenna qabel il-maġġoranza tal-ishma tkun tista’ titlob lill-Qorti biex tbiegħ kien ta’ għaxar snin jew, f’ċerti każijiet, ħames snin. Il-proprjetà li tibqa’ vojta, speċjalment minħabba kwistjonijiet jew piki bejn werrieta jew minħabba nuqqas ta’ interess min-naħa tas-sidien, hija problema kbira fil-pajjiż illi tnaqqas il-proprjetà fis-suq u allura tikkontribwixxi għall-għoli tal-prezzijiet, għat-telqa f'ċerti bliet u rħula, u għal pressjoni għal iktar kostruzzjoni. L- għan ta’ dawn l-emendi kien li tonqos il-proprjetà vojta, mitluqa u mhux użata billi jiġi faċilitat il-bejgħ tagħha anke meta jkun hemm nuqqas ta’ qbil bejn is-sidien. Il-Gvern permezz ta’ din il-miżura ħa pass kuraġġjuż biex jaffronta din il-problema filwaqt li jirrispetta d-drittijiet ta’ dawk kollha involuti.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — qasam tar-relazzjoni mal-media - impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid mid-9 ta’ Marzu 2013 sad-data li fiha qed issir din il-mistoqsija parlamentari, kemm ġew impjegati persuni fil-qasam ta’ relazzjoni mal-media, jew ta’ konsulenza fl-istess qasam, jew bħala persons of trust fl-istess qasam, inkluż xogħol ta’ kitba jew preparazzjoni ta’ materjal ieħor għall-media (inkluż laqgħat u attivitajiet ta’ konsultazzjoni pubblika), kemm full-time, kemm part-time, kif ukoll permezz ta’ ħlas ta’ għoti ta’ servizzi, fid-dekasteru kollu tiegħu? Kemm tħallsu f’dan il-perjodu? Jista’ jgħid min huma?

Response (BONNICI, OWEN)

Din l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.

Mediterranean Conference Centre — impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema mal-Mediterranean Conference Centre mit-13 ta' Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? F'liema gradi ġew impjegati dawn il-ħaddiema? X'pagi u perkaċċi oħra għandhom? Minn liema lokalitajiet ġejjin?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministeru konċernat.

Iż-Żurrieq – Vjal l-Indipendeza – traffiku — junction

Question

Peress li t-traffiku kollu li jkun għaddej minn Vjal l-Indipendenza fiż-Żurrieq fid-direzzjoni lejn il-Mitħna tax-Xarolla minflok għadu jgħaddi minn Vjal l-Indipendenza qed jiġi ddevjat minn Triq Ġwann Camilleri, jista’ l-Ministru jara li l-junction bejn dawn iż-żewġ toroq, u ċjoè Vjal l-Indipendenza u Triq Ġwann Camilleri, jiġu ddisinjati biex, b'mod speċjali Triq Ġwann Camilleri ma tibqax perikoluża għar-residenti li joqogħdu f'din t-triq?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali taż-Żurrieq li ser jiddiskuti t-talba tal-Onor. Interpellant fis-seduta li jmiss tal-Kunsill nhar l-20 ta’ April.

Iż-Żurrieq – Vjal l-Indipendenza – zebra crossing

Question

Jista’ l-Ministru jara li ssir zebra crossing fi Vjal l-Indipendenza ż-Żurrieq kantuniera ma’ Triq Ġwann Zammit?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali taż-Żurrieq li ser jiddiskuti t-talba tal-Onor. Interpellant fis-seduta li jmiss tal-Kunsill nhar l-20 ta’ April.

LESA – Triq Mons Mikiel Azzopardi – speed cameras

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta l-Local Enforcement System Agency (LESA) se tagħmel speed cameras fi Triq Mons. Mikiel Azzopardi (il-bypass tas-Siġġiewi) biex jiġu evitati aktar inċidenti fatali? X' inhuma l-pjanijiet? Meta se jitwettqu?

Response (BONNICI, OWEN)

L- Aġenzija LESA sa llum ma rċieviet l-ebda talba jew applikazzjoni biex tiġi installata Speed Camera fil-Bypass tas-Siġġiewi. Fid-dawl ta’ dan l-Aġenzija LESA ser tiddiskuti dan is-suġġett mal-Awtorita kompetenti, Transport Malta, fil-futur qarib biex wieħed jistabilixxi x’inhi l-aħjar azzjoni u deċiżjoni li għandha tittieħed.

Qorti Ċivili – Avukat tat-Tfal

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li għal dawn l-aħħar sentejn baqa’ ma’ kienx mimli l-post vakanti għat-tielet kariga ta’ Avukat tat-Tfal fil-Qorti Ċivili (Reġistru tal-Familja)?

Response (BONNICI, OWEN)

Is-sejħa li kienet saret ma wasslitx għall-mili tal-post. Se jerġa’ jkun hemm sejħa fil-jiem li ġejjin bil-għan li l-post jimtela’.

Qorti Ċivili – Reġistru tal-Familja – avukati

Question

Jista’ l-Ministru jindika meta u jekk hux beħsiebu jaħtar aktar avukati biex jaħdmu fil-qasam tar-Reġistru tal-Familja fil-Qorti Ċivili?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispjega x’irid ifisser bil-frażi “ħatra ta’ aktar avukati biex jaħdmu fil-qasam tar-Reġistru tal-Familja fil-Qorti Ċivili.”

Ċitazzjonijiet mogħtija mill-wardens

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm ingħataw, sa issa, lokalità lokalità, ċitazzjonijiet mill-wardens kemm ilhom li waqgħu taħt l-organizzazzjoni tal-Gvern?

Response (BONNICI, OWEN)

Din l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f'seduta oħra.

Deployment ta’ wardens

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema sistema qed tiġi wżata għal dak li jikkonċerna deployment ta' wardens fid-diversi toroq u lokalitajiet li għandna madwar Malta? Kif qegħdin jiġu prijorizzati dawn l-istess postijiet?

Response (BONNICI, OWEN)

L-Aġenzija LESA qed tagħmel laqgħat ma’ kull Sindku ta’ Malta u Għawdex fejn fihom jiġu diskussi u identifikati l-prioritajiet ta’ Infurzar Lokali mressqa mill-istess Sindki u Kunsilli Lokali. Dawn il-postijiet identifkati qed jingħataw prijorita’ fir-rotta tal-Gwardjan ta’ kuljum kif rikjest mill-istess Kunsill Lokali. Issir komunikazzjoni ta’ kuljum mar-Regional Enforcement Officer dwar il-bżonnijiet ta’dik il-ġurnata fil-lokal. Il-LESA b’ mod regolari tassessja ukoll l-ilmenti taċ-ċittadin illi jidħlu dirett għand l-Aġenzija fejn jintalab Infurzar Lokali f’siti partikolari u tieħu l-azzjoni meħtieġa.

San Pawl il-Baħar – Triq Porzjunkula u Triq il-Frejgatina — ċitazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm ingħataw ċitazzjonijiet mill-1 ta' Ottubru sal-lum fi Triq Porzjunkula u Triq il-Frejgatina, San Pawl il-Baħar (Qawra)? Kif inhuma mqassma dawn l-istess ċitazzjonjiet xahar b’xahar, u kontravenzjoni kontravenzjoni?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni mitluba qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ċitazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 22457 u jgħid kemm ingħataw ċitazzjonijiet f’Ottubru, f’Novembru u f’Diċembru 2015 f’kull lokalità, meta mqabbla mal-istess xhur tas-sena 2014 u s-sena ta’ qabel 2013?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni mitluba qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra. Infakkar li l-LESA assumiet ir-responsabbilta’ tal-infurzar lokali b’effett mill-1 ta’ Ottubru, 2015. Dan ifissser li x-xhur ta’ Ottubru, Novembru u Diċembru 2015 kienu l-ewwel xhur taħt ir-responsabbilta’ tal-Aġenzija l-ġdida. F’dawn it-tliet xhur li fihom il-LESA assumiet ir-responsabbilta’ tal-infurzar lokali komparati mal-istess tliet xhur fis-sena ta’ qabel kien hemm 31 raħal li fihom kien hemm tnaqqis fl-ammont ta’ ċitazzjonijiet u 37 raħal li fihom kien hemm żieda marġinali fl-ammont ta’ ċitazzjonijiet. Naturalment il-ħidma tal-LESA se tkompli tikkonsolida fix-xhur li ġejjin biex jintlaħqu l-miri li ġew impoġġija.

Kunsilli Lokali — Direct Orders

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 23110 u 22734 u jgħid kemm kien l-ammont ta’ direct orders mill-Kunsilli Lokali ta Malta u Għawdex, sena b’sena mill-2010 sal-2015? Jista’ jgħid liema kienu dawk li qabżu t-threshold ta’ direct order u x’kien l-ammont tagħhom u għaliex sar hekk?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.