Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 9453 u 9722 u cioe' jgħid meta stabilixxa s-surcharge fuq id-dawl u l-ilma l-gvern b'liema mod ikkalkola l-prezz taż-żejt? F'liema żmien u b'liema valur tad-dolllaru kkalkola li nxtara dan iż-żejt?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-valur tal-prezz taż-żejt ta' meta ġiet stabbilita s-surcharge fuq id-dawl u l-ilma kien kif ġej :
Fuel Oil $196.50
Gas Oil $447
Dan kien ibbażat fuq dak li jissejjaħ "spot Platts CIF Med High" fil-5 ta' Novembru 2004. Ir-rata tal-kambju tad-dollaru mal-lira Maltija kien ta' 2.98.
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 9450 u 9721 u cioe' jgħid x'arranġamenti qed isiru mal-banek biex min għandu kontijiet pendenti tad-dawl u l-ilma jissellef mill-banek biex iħallas il-kontijiet? X'arranġamenti se jagħmlu l-banek ma' dawk il-persuni li jifilħu jħallsu biss sa ċertu livell għax jgħixu bl-assistenza soċjali biss?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista’ il-Ministru jara li jiġi nvestigat il-każ ta’ kont tad-dawl għoli ta’ familja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li l-arloġġ tad-dawl tal-kont imsemmi ġie mibdul u ttestjat fit-12 ta' Mejju 2004.
Mit-test instab li l-arloġġ kien qed jaħdem bil-mod. Għalhekk wara li ġew ikkunsidrati l-qari fuq l-arloġġ il-ġdid, l-Enemalta ddeċidew li l-kontijiet tad-dawl minn Jannar 2001 sa Mejju 2004, jiġu riveduti bir-rata ta' 19 units kuljum, bażat fuq il-konsum ta' l-arloġġ il-ġdid.
Wara din ir-reviżjoni l-kont ġie miżjud b'Lm226.91. Għalhekk il-bilanċ tela' għall-Lm379.50 (Lm226.91 + Lm152.59 kont li jkopri mit-12 ta' Mejju 2003 sat 28 t'Awwissu 2003).
Il-konsumatur ġie nfurmat b'din ir-reviżjoni fis-16 t'Ottubru 2004.
Ma dan kollu l-konsumatur jista' jiddiskuti din ir-reviżjoni direttament ma' uffiċċjal ta' l-Enemalta ħalli flimkien jaslu għal ftehim aħjar dwar konsum iżjed realistiku.
Jista’ il-Ministru jgħid meta jaħseb li l-impjegati tad-Dragonara Palace Casino se jieħdu l-kumplament tal-flus li għandhom jieħdu f’terminal benefits u government bonus 1984, days worked: 7 November to 28 November, 1984, Annual leave 1984, time-in-lieu 1984, Tronc 1984, Service charge 1984=Lm21,120 issa li l-lukanda Dragonara u l-lukanda Verdala nbiegħu u d-Dragonara Palace Casino ġie mikri? L-aħħar ħlas sar fl-1996.
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm tħallsu l-konsulenti b'mod individwali, li għamlu l-istima għall-Mimcol għax-shares fil-proġett tal-Forti Chambray?
Response (GATT, AUSTIN)
KPMG, bħala awdituri ta' Fort Chambray Company Limited kienu ġew ikkommisjonati sabiex jagħmlu valutazzjoni tal-ishma tas-sehem li għandha l-Malta Government Investments Limited fil-kumpanija.
Billi in-natura tal-istima kienet tinkludi wkoll stima tal-propjeta nkustjoni l-KPMG b'mod dirett qabdu lil TBA Periti, Perry Ltd u Frank Salt (Real Estate) Ltd biex jagħtu opinjoni ndipendenti u professjonali tal-valuri. Dawn tal-aħħar kienu ngaġġati direttament mill-KPMG liema ditta għamlet tajjeb għall-ħlas tagħhom.
Il-KPMG tħallsu l-ammont totali LM7,700 (excl VAT).
Jista' il-Ministru jgħid meta se tkompli l-iskema ta' l-early retirement scheme fil-Malta Shipyards wara li numru ta' ħaddiema kienu diġa' wrew ix-xewqa li jagħmlu dan ma' l-ewwel sejħa u li sal-lum għadhom hemm? Jista' jgħid jekk dan hux possibbli li jsir fil-futur qarib?
Response (GATT, AUSTIN)
B'referenza għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 9831, ninforma lill-Onor. Interpellant li m'hemmx ħsieb li terġa' tkun introdotta l-iskema ta' irtirar kmieni mix-xogħol.