Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ċittadinanza Doppja

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' persuni li għandhom ċittadinanza doppja fil-preżent? Ma' liema pajjiżi għandhonm ċittadinanza doppja?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta' Maltin li lilhom ġie kkonfermat li jistgħu jżommu wkoll iċ-ċittadinanza ta' pajjiż ieħor huwa kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Status ta' Refuġjat

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fil-preżent kemm huwa n-numru ta' persuni li applikaw għall-istatus ta' refuġjat? Minn liema pajjiżi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta' persuni li applikaw quddiem l-Uffiċċju tal-Kummissarju għar-Refuġjati għal rikonoxximent ta' status ta' refuġjat fl-2004 u fl-2005 (sal-11 ta' Frar) huwa kif ġej: 2004 - 997 2005 - 158 Barra minn dawn, bħalissa hemm 306 persuna oħra li rreġistraw it-talba tagħhom li japplikaw, imma li l-applikazzjoni u l-intervista magħhom għad iridu jsiru. Peress li l-numru ta' applikanti għal status ta' refuġjat minn ċerti pajjiżi hu verament żgħir, inħoss li jkun iktar għaqli, speċjalment għall-aħjar ġid u/jew sigurta' ta' l-applikanti nfushom, iżjed u iżjed jekk fl-aħħar mill-aħħar it-talba tagħhom ma tiġix milqugħa, jekk ma jingħadx pubblikament mill-liema pajjiżi huma ġejjin l-applikanti.

Pulizija — Postijiet ta' Divertiment

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk membri tal-korp tal-pulizija jissorveljawx l-organizzazzjoni ta' attivitajiet li jsiru f'bars, diskoteki, eċċ., biex ikun żgurat li ma jkunx hemm żgħażagħ taħt l-eta' li qed jattendu u anke jixorbu xorb alkoħoliku, kif ukoll biex jaraw li ma jsirx tipjip fejn hu pprojbit mil-liġi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija regolarment tagħmel spezzjonijiet fi ħwienet tax-xorb u postijiet ta' divertiment, għalkemm kif wieħed jista' japprezza huwa impossibli li dawn isiru f'kull post f'kull ġurnata. Fil-fatt, ninsab infurmat illi b'riżultat ta' dawn l-ispezzjonijiet matul is-sena l-oħra inbdew 28 każ ta' proċeduri kriminali kontra 23 persuna responsabbli minn postijiet ta' divertiment li fihom instabu 96 persuni taħt is-sittax-il sena, filwaqt li kien hemm 4 persuni oħra li nbdew proċeduri kriminali kontra tagħhom talli biegħu xorb alkoħoliku lill-persuni taħt l-eta'. Kien hemm ukoll 45 persuna li tressqu fuq ksur tar-regolamenti l-ġodda dwar it-tipjip.

Pulizija — Paceville - Post ta' Divertiment

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-pulizija kenitx taf li nhar il-Ġimgħa 25 ta' Frar f'post ta' divertiment f'Paceville - ismu qed jintbagħat separtament - ġie organizzat disco li għalih attendew mijiet ta' żgħażagħ li fil-maġġoranza tagħhom kienu taħt l-eta'? Jista' l-Viċi Prim Ministru jinnota li anke d-dj - ismu qed jintbagħat separatament - għandu biss 14-il sena? Il-pulizija ħadu xi passi? Jekk iva, x'għamlu? Jekk le, għaliex? Peress li dawn il-parties jiġu organizzati b'mod regolari, tista' issir sorveljanza aktar stretta mill-pulizija biex ma tkomplix tinkiser il-liġi b'mod sfaċċat?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li għalkemm il-Pulizija regolarment tagħmel spezzjonijiet fi ħwienet tax-xorb u postijiet ta' divertiment, naħseb li l-Onorevoli Interpellant japprezza li huwa impossibli li dawn isiru f'kull post f'kull ġurnata. Fil-każ imsemmi, il-Pulizija ma kellix tagħrif li kellu jkun hemm dan id-disco. Minn stħarriġ li għamlet il-Pulizija ġie stabbilit li dakinhar kien ġie organizzat disco minn studenti ta' sixth form ta' skola lokali fil-post imsemmi li huwa liċenzjat bħala bar li jista' jibqa' miftuħ sa l-4.00am u mhux bħala post ta' divertiment. Għaldaqstant ser jittieħdu l-passi skond il-liġi.

Twelid ta' Trabi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm twieldu tfal lil persuni taħt is-17-il sena is-sena l-oħra?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fir-Reġistru Pubbliku ma tinżammx statistika tat-tagħrif kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant. Din l-informazzjoni toħroġ mill-Uffiċċju Nazzjonali ta' l-Istatistika li ma jaqax taħt id-dekasteru tiegħi. Madankollu ġejt infurmat li l-istatistika relattiva tkun lesta għall-aħħar ta' Marzu 2005.

Manikata — Vetturi/Scrap

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu biex jitnaddfu minn Triq Manikata, Manikata u Triq il-Fuħħar, Manikata, il-vetturi u scrap ieħor wara li l-awtoritajiet, inkluż il-MEPA, ilhom jafu bihom? Jista' jieħu l-passi mmedjati peress li hemm ksur tal-liġi kontinwament quddiem kulħadd?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi minn spezzjoni li għamlet il-Pulizija instab li kien hemm truck, li huwa liċenzjat skond ir-regolamenti, mgħobbi b'karozzi imkissra u ftit il-bogħod minnu kien hemm karozza abbandunata. Fuq ordni tal-Pulizija dawn tneħħew mis-sid stess.

Dipartiment ta' l-artijiet — Bini ta' car parks u faċilitajiet kummerċjali f'Tas-Sliema

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid b'liema kondizzjonijiet finanzjarji se jingħataw l-art pubblika dawk li se jintgħażlu biex jibnu car parks u faċilitajiet kummerċjali f'Għar id-Dud u fi Qui-si-Sana?

Response (BORG, TONIO)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kundizzjonijiet li kien hemm mal-offerti u li sa jkun marbut bihom iċ-ċenswalista tal-carparks f'Għar id-Dud u fi Qui-Si-Sana. Iċ-ċens offert kull sena għal carpark ta' Għar id-Dud huwa ta' Lm152,000 revedibbli skond il-kundizzjoni numru 5 tal-kundizzjonijiet. Iċ-ċens offert kull sena għal carpark ta' Qui-Si-Sana huwa ta' Lm130,000 revedibbli skond il-kundizzjoni numru 4 tal-kundizzjonijiet. Hemm ukoll il-garanzija bankarja u l-penalitajiet kif ikontemplati fil-kundizzjonijiet numri 10 u 11 fil-każ ta' Għar id-Dud u l-kundizzjonijiet numri 8 u 9 fil-każ ta' Qui-Si-Sana.

Joint Office — Fidi ta' Ċens

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru ġentilment jara li l-applikazzjoni għall-fidi ta' ċens tal-joint office - dettalji dwarha qed jingħataw separatament - tiġi pproċessata peress li ilha pendenti mill-1996?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-applikazzjoni għall-fidi ta' ċens li ngħataw id-dettalji dwarha waslet fi stadju avvanzat u fi żmien qasir l-applikant jissejjaħ għal kuntratt ta' fidi.

Qrati — Żgumbrament ta' għalqa

Question

B'referenza għall-ittra li qed nehmeż separatament, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħidli x'passi ħadu jew qed jieħdu jew se jieħdu l-pulizija wara li fi tliet kawżi separati (kopji mehmuża) il-persuna li d-dettalji tagħha qed jidhru separatament tilfet il-kawżi kollha u ġiet ordnata mill-Qorti biex tiżgombra ruħha mill-għalqa msemmija?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi, kif jidher ukoll mill-kopji tas-Sentenzi li kienu mehmuża mal-Mistoqsija, il-Pulizija ħadet u ser tkompli tieħu l-passi meħtieġa skond il-liġi.

Aġenzija Appoġġ — Servizz lill-Qorti tal-Familja

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jispjega fid-dettal għaliex l-Aġenzija Appoġġ m'għadhiex tagħti servizz lill-Qorti tal-Familja? Peress li dan l-istat ta' fatt qed jikkrea problemi kbar lill-istess Qorti, jista' il-Viċi Prim Ministru jieħu passi biex din l-anomalija tiġi rimedjata?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Pulizija — Rapporti dwar serq

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew imwettqa serqiet matul Frar 2005? Jista' jikklassifika s-serq? Jista' jgħid kemm ġew solvuti serq matul Frar 2005?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul Jannar 2005 il-każi ta’ serq li ġew irrapurtati lill-Pulizija kienu kif jidher hawn taħt, filwaqt li matul l-istess xahar il-Pulizija solviet 37 każ ta’ serq. Hold up3 Pick Pocketing21 Snatch & grab15 Serq minn dgħajjes5 Serq ta’ dgħajjes4 Serq ta’ karozzi53 Serq minn karozzi293 Serq minn residenzi88 Serq minn barijiet / lukandi34 Serq minn xtajtiet3 Serq minn fabbriki7 Serq minn ħwienet43 Serq ieħor214

Pulizija — Rapporti dwar reati

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew imwettqa reati matul Frar 2005? Jista' jikklassifika r-reati? Jista' jgħid kemm ġew solvuti reati matul Frar 2005?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub fl-ewwel u fit-tieni partijiet tal-Mistoqsija Parlamentari huwa kif jidher fit-Tabella ta’ hawn taħt. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi matul Frar 2005 kien hemm 75 persuna misjuba ħatja ta’ reati kriminali. Morals/honour of family2 Arson9 Attempted offences96 Bodily harm69 Computer misuse2 Crimes against public safety1 Damage230 Drugs9 Forgery3 Fraud6 Illegal Immigration17 Prostitution4 Sexual offences9 Theft783 Threats and private violence6 Violation of places of confinement*2 Violence against public officers12 * Escaped whilst admitted for treatment at SLH and later apprehended

Żwieġijiet bejn persuni ta' l-istess sess

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-gvern Malti huwiex lsest li jirrikonoxxi żwieġijiet bejn nies ta' l-istess sess li jkunu validi f'pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea?

Response (BORG, TONIO)

Il-liġi ta' Malta ma tipprovdix għar-rikonoxximent ta' żwiġijiet bħal dawk li għalihom qed tirreferi l-mistoqsija.

Joint Office — Technical Office

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema involuti fit-technical office tal-joint office? Min huma?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat fit-Technical Section ta' l-Uffiċċju Konġunt hemm jaħdmu: Grad Numru Perit 1 Principal Technical Officer 1 Senior Technical Officer 2 Technical Officer 1 Senior Tradesman 2

Joint Office — Technical Office

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet tekniċi fi djar li s-sid tagħhom huwa l-joint office mill-ħaddiema tat-technical office fis-snin 2000, 2001, 2002, 2003, 2004 u din is-sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li n-numru ta' spezzjonijiet tekniċi li saru fi djar/artijiet amministrati mill-Uffiċċju Konġunt kien kif ġej: Sena Numru 2000 1,204 2001 701 2002 796 2003 1,257 2004 764 2005 (sat-28 ta' Frar) 59 Il-maġġoranza ta' l-ispezzjonijiet saru bl-iskop li titlesta pjanta għar-reġistrazzjoni tal-proprjeta' konċernata fir-Reġistru tal-Artijiet.

Ġustizzja u Intern — Għotjiet

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti lista ta' l-għotjiet li ngħataw mill-ministeru tiegħu u l-entitajiet li jaqgħu taħtu lill-għaqdiet non-governattivi bejn l-2000 u l-2004 u x'hemm ippjanat għal din is-sena? X'inhuma l-kriterji li jingħataw l-għotjiet? X'verifiki jsiru dwar kif jintnefqu dawn il-flus?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi tagħrif dwar l-għotjiet li ngħataw mid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ġustizzja u l-Intern lill-għaqdiet non-governattivi bejn l-2000 u l-2004 u x’hemm ippjanat għal din is-sena huwa s-segwenti: Dipartiment tas-Servizzi Korrettivi Għaqda li bbenefikat 2000 Lm 2001 Lm 2002 Lm 2003 Lm 2004 Lm 2005 Lm Welcome Home 5,000 5,000 5,000 5,000 5,000 5,000 Prison Fellowship 3,000 3,000 3,000 3,000 3,000 3,000 Dawn l-għaqdiet jagħtu rendikont ta' kif nefqu l-għotjiet mogħtija lilhom permezz tar-rapport annwali tagħhom kif ukoll permezz tax-xogħol li kontinwament jagħmlu mal-priġunieri matul is-sena, bħal tqassim ta' djarji, t-shirts, xiri ta' apparat u riċevimenti żgħar li jsiru darba fix-xahar. Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili Għaqda li bbenefikat 2000 Lm 2001 Lm 2002 Lm 2003 Lm 2004 Lm 2005 Lm (a) Red Cross Society Malta 6,000 6,000 6,000 3,000 3,000 6,000 (b) International Society of the Red Cross 3,864 3,991 4,261 4,299 4,563 4,000 (a) Din l-għaqda tagħti rendikont ta' kif intefqu l-għotjiet mogħtija lilha permezz tar-rapport annwali tagħha kif ukoll permezz tar-rendikont tax-xogħol li jagħtu lill-komunita' u lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili f'organizzazzjoni ta' Training Courses. (b) Din hi l-kontribuzzjoni ta' Malta bħala membru fl-International Society of the Red Cross. Il-verifiki jsiru mill-awdituri privati tal-għaqdiet imsemmija kif ukoll mid-dipartiment permezz tar-rendikont li jagħtu f'għeluq is-sena.

Barranin jaħdmu Malta

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn barranin jaħdmu Malta? Ma jidhirlux li r-rata ta' impjieg ta' barranin hija għolja żżejjed meta kkomparata mal-popolazzjoni u ċ-ċirkostanzi ta' gżiritna? Jista' jikkonferma jekk hemmx studenti barranin li qed jistudjaw Malta u li għandhom permess tax-xogħol?

Response (BORG, TONIO)

Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 10885. Dwar it-tieni parti, nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru ikkonċernat. Dwar it-tielet parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat, li skond il-policy attwali, studenti barranin li ma jkunux Ċittadini ta’ l-Ewropa, ma jingħatawx permess biex jaħdmu Malta.

Pulizija — Rapporti ta' serq

Question

Matul is-sena 2004 , jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fil-Mellieħa, l-Imġarr, ir-Rabat u l-Imtarfa kemm kien in-numru ta' serqiet minn djar privati, karozzi u stabbilimenti kummerċjali rappurtati lill-pulizija? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għall-aħħar ħames snin, sena b'sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub huwa kif ġej: 2000 2001 2002 2003 2004 Mellieħa Serq minn residenzi 46 32 36 22 31 Serq minn vetturi 210 74 59 49 64 Serq ta’ vetturi 9 5 14 10 16 Mġarr Serq minn residenzi 4 3 3 6 1 Serq minn vetturi 15 6 15 6 9 Serq ta’ vetturi 5 1 4 4 0 Mtarfa Serq minn residenzi 1 1 2 4 0 Serq minn vetturi 1 4 2 8 5 Serq ta’ vetturi 1 4 6 2 1 Rabat Serq minn residenzi 10 13 22 24 18 Serq minn vetturi 106 103 119 103 107 Serq ta’ vetturi 25 31 22 19 15