Legislature:
Category:
Reset
Active:

High Qaulity Frozen Beef and Veal

Question

Jista' il-Prim Ministru jispjega lill-Kamra għaliex minflok 10c levy fil-kilo fuq il-laħam taċ-ċanga tal-friża importat minn non EU countries illum il-Maltin u l-Għawdxin qed ikollhom iħallsu 12.8% dazju fuq il-valur tal-prezz tal-laħam, dazju ieħor ta' euro304.1 fuq 100kg u tariff quota ta' 20% skond it-TARIC code 0202309010 tal-high quality frozen beef and veal? Jista' jinformana liema huma dawk il-cuts tal-beef għall-konsumaturi u għal-lukandi, ristoranti, eċċ. li fuqhom se jibdew iħallsu dawn it-taxxi indiretti fuq dan il-prodott tal-ħajja ta' kuljum? Jista' jinforma lill-Kamra kemm minn din it-tariffa se jissussidja l-Gvern Malti u kemm se tissussidja l-Unjoni Ewropea?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 8951.

Ministri/segretarji parlamentari — Safar fuq xogħol

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm-il darba siefru fuq xogħol ministri u segretarji parlamentari matul is-sena 2004? Kemm minnhom siefru economy class u kemm minnhom business class/club class? X'kienet l-ispiża ta' l-entourage li ħadu magħhom? Kemm ġranet għamlu msiefrin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Is-safar tal-Ministri u tas-Segretarji Parlamentari huwa regolat f’ċertu dettal mill-Kodiċi ta’ Etika għall-Ministri u Segretarji Parlamentari u għalhekk nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħti ħarsa lejn din il-Kodiċi. F’dan il-kuntest ma nħoss li hemm ebda ġustifikazzjoni li tinġabar l-informazzjoni dettaljata mitluba mill-Onorevoli Membru. Però, jekk l-Onorevoli Membru għandu xi mistoqsija dwar xi safra partikolari, huwa fil-liberta li jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Kuntratturi — Ħlas għal xogħlijiet

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid x'inhu l-ammont totali li l-gvern għandu jagħti lill-kuntratturi għax-xogħol ta' bini, manutenzjoni, xiri ta' mediċini, makni u instrumenti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.

Bank Ċentrali — Karigi fl-istrutturi ta' l-impjiegi

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 9957 u cioe' jista' jgħid liema huma dawk il-karigi ġodda maħluqa fl-istrutturi ta' l-impjiegi tal-Bank Ċentrali? Minbarra bidliet fl-isem ta' dawn il-karigi, x'kondizzjonijiet ġodda (salarji, allowances, fringe benefits ....) hemm marbuta magħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Dipartiment/awtorita' governattiva — Servizz lill-klijenti

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid fejn jista' wieħed jirrikorri meta wara li jkun għamel użu jew ipprova jagħmel użu minn xi servizz ta' dipartiment/awtorita' tal-gvern, iħoss li s-servizz li ngħata kien wieħed fqir ħafna jew li saħansitra ġie njorat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jiena nfurmat illi “illum fil-Ministeri u l-Awtoritajiet wieħed jista’ jsib il-‘Customer Care Unit’ fejn jista’ jsir kull tip ta’ ilment dwar l-entità rispettiva. Minn hawn l-ilment jiġi dirett lill-uffiċjal jew sezzjoni speċifika. Minbarra hekk wieħed jista’ jidħol fuq il-‘website’ www.servizz.gov.mt u jagħmel l-ilment tiegħu elettronikament. Dan minn lok ċentrali jiġi trasmess lid-dipartiment jew awtorità konċernata.”

Dipartimenti/awtoritajiet governattivi — Diżorganizzazzjoni

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid x'inhu l-ħsieb tal-gvern biex inaqqas il-burokrazija u d-diżorganizzazzjoni ta' xi wħud mid-dipartimenti u awtoritajiet tal-gvern?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Green Leaders

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid f'liema dipartimenti fil-ministeru tiegħu saret l-għażla ta' Green Leaders? Saret sejħa għall-applikazzjonijiet fid-dipartimenti konċernati? Xi kwalifiki għandhom dawn il-persuni? Kemm se jitħallsu ta' dan ix-xogħol? Hemm xi allowances marbuta ma' din il-pożizzjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-green leaders ġew nominati mis-Segretarju Permanenti wara li ntalbu mis-Segretarju Prinċipali Ewlieni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. M’hemm l-ebda ħlas jew allowances marbuta ma’ dan l-inkarigu.

Diskors tal-budget — Noll tat-trasport pubbliku

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk il-Gvern hux se jimplimenta dak li kien intqal fid-diskors tal-budget u cioe` li l-istudenti jiġu eżenti miż-żieda fin-noll tat-trasport pubbliku u dan anke fid-dawl tal-protesti li l-istess studenti għamlu wara li dawn mhux qed jiġu eżentati skond kif kien tħabbar fl-istess diskors?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Insurances tal-Bdiewa

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 9647, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent, u cioe' jistax jinformana x'kienu r-raġunijiet li fl-ewwel disa' xhur tas-sena l-insurances tal-bdiewa għolew bi 13.25% kif dikjarat mid-dipartiment ta' l-istatistika? Jista' jinforma lill-Kamra f'ċifra ta' flus kemm hija din it-13.25% żieda fuq l-insurances li qed iħallsu aktar il-bdiewa u raħħala?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jidher li l-persentaġġ li kkwota l-Onorevoli Interpellant jirrappreżenta l-bidla ta’ Settembru 2004 fuq Settembru 2003 u mhux tibdil matul l-ewwel disa’ xhur tas-sena 2004. Peress li qatt ma sar stħarriġ fuq il-ħlas ta’ insurances mill-bdiewa u raħħala, ma jistgħux jingħataw raġunijiet għall-bidla li kien hemm. L-estimi ta’ l-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-iStatistika f’dan ir-rigward huma bbażati fuq il-medja li jħallas kulħadd fuq insurances. Għall-istess raġuni, li qatt ma sar stħarriġ speċifiku, ma tistax tiġi kkalkolata ċifra ta’ flus.

Fuel għall-Bdiewa

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 9646, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent u cioe' jinformana x'kienu r-raġunijiet li fl-ewwel disa' xhur tas-sena l-fuel għall-bdiewa għola bi 18% kif dikjarat mid-dipartiment ta' l-istatistika? Jista' jinforma lill-Kamra f'ċifra ta' flus kemm hija din it-18% żieda fuq il-prezz tal-fuel li qed iħallsu aktar il-bdiewa u raħħala?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 9797 f’din l-istess seduta. It-tweġiba li tajt hija l-istess għar-rigward tal-fuel.

Frott Frisk Lokali

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 9645, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent, u cioe' jista' jinformana x'kienu r-raġunijiet li fl-ewwel disa' xhur tas-sena l-prezz tal-bdiewa għall-frott frisk lokali naqas fil-livell ta' 40.91% jew 53.72 punt? Jista' jinforma lill-Kamra xi jfisser f'termini ta' flus għall-bdiewa dan il-persentaġġ u dawn il-punti mħabbra mid-dipartiment ta' l-istatistika?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jidher li l-persentaġġ li kkwota l-Onorevoli Interpellant jirrappreżenta l-bidla ta’ Settembru 2004 fuq Settembru 2003 u mhux tnaqqis matul l-ewwel disa’ xhur tas-sena 2004. Ir-raġuni li kien hemm waqa’ fil-prezzijiet ta’ frott frisk kienet li żdiedet il-provvista ta’ dan il-frott mill-bdiewa b’27 fil-mija, u allura huwa naturali li jaqa’ l-prezz. Fil-fatt, fl-ewwel disa’ xhur tas-sena 2004 għaddew mill-pitkalija 2,164,640 kilo frott frisk filwaqt li fl-istess perjodu tas-sena 2003 għaddew 1,704,721 kilo. Fl-ewwel disa’ xhur tas-sena 2004 il-bdiewa daħħlu Lm866,854 filwaqt li fl-istess perjodu tas-sena 2003 daħħlu Lm924,458. Din il-figura ma tinkludix sussidji li l-bdiewa jkunu rċevew matul il-perjodu peress li l-metodoloġija internazzjonali li juża l-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-iStatistika biex jinħadem l-indiċi tesiġi li ma titteħidx kunsiderazzjoni tal-valur ta’ sussidju li jitħallas lill-bdiewa.

Prezz tal-Patata Lokali

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 9642, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent, u cioe' jistax jinformana x'kienu r-raġunijiet li fl-ewwel disa' xhur tas-sena l-prezz tal-bdiewa għall-patata lokali naqas fil-livell ta' 62.96% u/jew 83.25 punt? Jista' jinforma lill-Kamra xi jfisser f'termini ta' flus għall-bdiewa dan il-persentaġġ u dawn il-punti mħabbra mid-dipartiment ta' l-istatistika?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Kif ingħad fit-tlett tweġibiet preċedenti, il-persentaġġ li kkwota l-Onorevoli Interpellant jirrappreżenta l-bidla ta’ Settembru 2004 fuq Settembru 2003 u mhux tnaqqis matul l-ewwel disa’ xhur tas-sena 2004. Ir-raġuni li kien hemm waqa’ fl-indiċi kienet iż-żieda qawwija fil-produzzjoni tal-patata. Din żdiedet minn 4,632,672 kilos fl-ewwel disa’ xhur tas-sena 2003 għal 8,590,566 kilo fl-istess perjodu tas-sena 2004. Fl-ewwel disa’ xhur tas-sena 2004 il-bdiewa daħħlu Lm1,325,794 filwaqt li fl-istess perjodu 2003 huma daħħlu Lm749,871.

Ħaxix Frisk

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 9644, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent, u cioe' jistax jinformana x'kienu r-raġunijiet li fl-ewwel disa' xhur tas-sena l-prezz tal-bdiewa tat-tadam lokali naqas fil-livell ta' 26.4% u l-faqqiegħ b'15.73% u l-qarabali naqas b'49.12%? Jista' jinforma lill-Kamra xi jfisser f'termini ta' flus għall-bdiewa dan il-persentaġġ u dawn il-punti mħabbra mid-dipartiment ta' l-istatistika?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Intenni li l-persentaġġ li kkwota l-Onorevoli Interpellant jirrappreżenta l-bidla ta’ Settembru 2004 fuq Settembru 2003 u mhux tnaqqis matul l-ewwel disa xhur tas-sena 2004. Ir-raġuni li kien hemm waqa’ fl-indiċi tad-tadam, tal-qara bagħli u tal-faqqiegħ kienet iż-żieda qawwija fil-produzzjoni ta’ dawn il-prodotti kif turi din it-tabella li ġejja: Prodott 2003* 2004* tunnellati tunnellati Tadam 9,983 11,088 Qara bagħli 210 291 Faqqiegħ** 6 8 * l-ewwel disa’ xhur f’kull każ ** li għadda mill-pitkalija Din il-produzzjoni akbar għenet biex jaqa’ il-unit price, u għalhekk il-bdiewa daħħlu Lm389,700 fl-ewwel disa’ xhur tas-sena 2003 filwaqt li l-figura għall-istess perjodu tas-sena 2004 kienet ta’ Lm332,867. Din il-figura ma tinkludix sussidji li l-bdiewa jkunu rċevew matul il-perjodu peress li l-metodoloġija internazzjonali li juża l-NSO biex jinħadem l-indiċi tesiġi li ma titteħidx kunsiderazzjoni tal-valur ta’ sussidju li jitħallas lill-bdiewa.

Ħaxix Frisk Lokali

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 9643, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent, u cioe' jistax jinformana x'kienu r-raġunijiet li fl-ewwel disa' xhur tas-sena l-prezz tal-bdiewa għall-ħaxix frisk lokali naqas fil-livell ta' 14.36% u/jew 12.26 punt? Jista' jinforma lill-Kamra xi jfisser f'termini ta' flus għall-bdiewa dan il-persentaġġ u dawn il-punti mħabbra mid-dipartiment ta' l-istatistika?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nerġa’ nippreċiża li l-persentaġġ li kkwota l-Onorevoli Interpellant jirrappreżenta l-bidla ta’ Settembru 2004 fuq Settembru 2003 u mhux tnaqqis matul l-ewwel disa’ xhur tas-sena 2004. Bħal fil-każ tat-tlett tweġibiet ta’ qabel, ir-raġuni li naqas il-prezz tal-bdiewa għall-ħaxix frisk hija li kien hemm produzzjoni akbar. Fil-fatt minn 3,443 tunnellati fix-xahar ta’ Settembru 2003 il-produzzjoni telgħat għal 3,747 tunnellati fix-xahar ta’ Settembru 2004. Naturalment din iż-żieda fil-produzzjoni kkawżat tnaqqis fil-prezzijiet. Fix-xahar ta’ Settembru 2003 il-bdiewa daħħlu Lm567,439 filwaqt li fix-xahar ta’ Settembru 2004 huma daħħlu Lm422,958. Din l-aħħar figura ma tinkludix sussidji li l-bdiewa jkunu rċevew peress li l-metodoloġija internazzjonali li juża l-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-iStatistika biex jinħadem l-indiċi tesiġi li ma titteħidx kunsiderazzjoni tal-valur ta’ sussidju li jitħallas lill-bdiewa.

CIMU — Offerti permezz ta' intel processors

Question

Wara l-passi li ħadet il-Kummissjoni Ewropea ma' pajjiżi membri oħrajn tal-UE, jista' il-Prim Ministru jgħid jekk iċ-CIMU irċeviex struzzjonijiet jew sejħiet min-naħa ta' l-istess kummissjoni biex ma tibqax toħroġ tenders - jekk huwa l-każ b'intel processors bħala pre-rekwiżiti Il-gvern qatt irċieva xi ilmenti jew struzzjonijiet mill-Kummissjoni Ewropea dwar il-procurement policies tiegħu fil-qasam ta' l-informatika?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 9979.

Għaqdiet sportivi — Għajnuna finanzjarja mil-lotterija

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm ingħatat għajnuna finanzjarja lill-għaqdiet sportivi mil-lotterija minn meta daħal fis-seħħ il-ftehim bejn il-gvern u l-Maltco, il-kumpannija li qed tmexxi l-lotteriji f'pajjiżna?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba ser tingħata f’xi seduta oħra.

Elezzjonijiet tat-12 ta' Ġunju

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża totali għall-elezzjonijiet li saru fit-12 ta' Ġunju, 2004 kemm għall-membru tal-parlament Ewropew kif ukoll għall-kunsilli lokali? Jista' ġentilment jindika dettaljatament kif u fiex intnefqu dawn il-flus?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni qed tiġi miġbura u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.