Tista' il-Ministru tgħid jekk applikant li kien fil-passat ibbenefika minn skema Z ta' l-Awtorita' tad-Djar madwar sentejn ilu, jistax jerġa' japplika għal xi benefiċċju ieħor taħt l-istess skema?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Persuna li fil-passat ibbenefikat minn Skema Z ta' l-Awtorita' tad-Djar tista' terġa tibbenefika, kemm il-darba tissodisfa l-kundizzjonijiet ta' l-iskema dwar l-assi u t-talba tkun dwar xogħlijiet differenti minn dawk li tkun diġa' bbenefikat dwarhom.
Tista' il-Ministru tgħid meta d-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali se jibgħat il-housing inspector għal spezzjoni fil-fond li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament? Fil-preżent kemm għandha punti din l-inkwilina li tgħix f'post tal-gvern?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-applikazzjoni tal-persuna li għamel referenza għaliha l-Onor. Interpellant ser tiġi proċessata wara li d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali jirċievi d-dokumentazzjoni mitluba.
Bħalma f'Malta hemm entitajiet, bħal per eżempju r-Richmond Foundation, li jgħinu persuni bi problemi mentali biex isibu x-xogħol tista' il-Ministru tara li dan is-servizz jiġi estiż ukoll għall persuni minn Għawdex li għandhom l-istess kondizzjoni?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Is-suġġett tal-Mistoqsija ma jaqax taħt ir-responsabilta' tad-dekasteru tiegħi u għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru għas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunita'.
Iżda ta' min jgħid li l-entita' msemmija, bħal entitajiet oħra simili, hi organizzazjoni mhux governattiva u l-Gvern ma jiddettax fejn tipprovdi s-servizz.
Jista' il-Ministru jgħid kemm bejn Mejju 2003 u Mejju 2004 saru appelli lill-Arbitru tas-Sigurta' Soċjali? Kemm minnhom ġew mirbuħa mill-individwi u kemm minnhom ġie mogħti raġun id-dipartiment tas-Sigurta' Soċjali?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba.
Tista' il-Ministru ġentilment tgħid meta se jkunu lesti l-flats tal-Qawra minn block C1 sa C6 maħruġa mill-awtorita' tad-djar? Meta se jkunu ffirmati l-kuntratti u meta se jingħataw iċ-ċwievet?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-proġett indikat mistenni jitlesta bejn Settembru u Ottubru 2004. Mill-44 appartament li nħarġu għall-bejgħ, l-Awtorita' tad-Djar diġa ffinalizzat 32 kuntratt. Ovvjament iċ-ċwievet jingħataw meta l-proġett ikun lest.
Tista' il-Ministru tagħti breakdown tas-safar li sar mill-ministeru tagħha, mid-dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtha għall-ewwel ħames xhur tas-sena? Tista' tipprovdi l-istess informazzjoni għall-istess perjodu matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Waqt li ma jkolli l-ebda diffikulta sabiex nipprovdi lill-Onorevoli Membru bl-informazzjoni mitluba għal din is-sena u għas-sena li għaddiet, ma nara l-ebda bżonn li tingħata l-informazzjoni mitluba għal ħames snin wara xulxin. Il-ħin li jkun hemm bżonn sabiex tinġabar din l-informazzjoni jista jintuża aħjar.
Persuna b'diżabilita' — Talba għal reserved parking
Question
Tista' tiġi kkonsidrata mill-ġdid it-talba li għamlet il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, biex jitħalla juża r-reserved parking li kellu quddiem id-dar tiegħu għax għalkemm għandu garaxx fejn jipparkja l-karozza, il-mara tiegħu minħabba d-diżabilita' tagħha xorta jkollha bżonn tirkeb mill-karozza pparkjata quddiem il-bieb tad-dar u ma tistax tinżel fil-garaxx?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-għoti ta' permessi għal reserved parking jingħataw mill-Awtorita' għat-Trasport fuq kriterji maqbula bejn l-Awtorita' u l-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita'. Jekk il-persuna li tapplika jew il-Kunsill Lokali konċernat ma jaqblux mad-deċiżjoni meħuda mill-Awtorita', dawn jistgħu jitolbu li l-każ jitressaq quddiem Review Panel.
Ninsab infurmata wkoll li t-talba mill-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet ikkunsidrata mir-Review Panel li kkonferma d-deċiżjoni oriġinali ta' l-Awtorita' għat-Trasport li l-persuna konċernata ma tikkwalifikax għal permess għal reserved parking. Persuni li għandhom garaxx mad-dar tagħhom ma jikkwalifikawx għal reserved parking għax huma biss jistghu jipparkjaw quddiem il-garaxx u għalhekk diġa' jkollhom post fejn jistgħu jipparkjaw il-karozza ħdejn id-dar tagħhom.
Issa li għadda kważi xahar u nofs mindu kellu joħroġ it-tender għax-xogħol ta' bdil ta' soqfa ta' l-asbestos f'Pembroke, tista' il-Ministru tgħid fiex wasal dan ix-xogħol?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tender li għamel referenza għaliha l-Onor. Interpellant qed tiġi aġġudikata u mistennija tingħata fi żmien qasir.
Tista’ il-Ministru tirrispondi l-mistoqsija parlamentari 4856 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa u Kura fil-Komunita' u li issa ġiet riferuta lilha u cioe' tista' tgħid jekk jeżistux kuntatti bejn il-Ministeru tagħha jew it-taqsima li tieħu ħsieb dawk il-pazjenti li jabbużaw mill-alkoħol u l-Alcoholics Anonymous? X'għajnuna tingħata?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-Aġenzija Sedqa u l-Alcoholics Anonymous għandhom relazzjoni tajba ħafna bejniethom li ilha teżisti minn mindu twaqfet l-Aġenzija fl-1994. Bħalissa Sedqa qed tipprovdi akkomodazzjoni f'bini tagħha biex żewġ gruppi ta' l-Alcoholics Anonymous jiltaqghu filgħaxijiet.
Ninsab infurmata wkoll li r-regolamenti ta' l-Alcoholics Anonymous ma jippermettux li tirċievi għajnuna finanzjarja minn kwalunkwe sors, ħlief mill-membri tagħha.
Kummissjoni għall-Promozzjoni ta' l-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel — Ħaddiema
Question
Tista' il-Ministru tgħid kemm hu n-numru ta' nies li hemm jaħdmu mal-Kummissjoni għall-Promozzjoni ta' l-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel? Tista' tgħid kemm mill-budget allokat għal din il-kummissjoni għal din is-sena intnefaq s'issa? Tista' tgħid fiex intnefaq?
Response (CRISTINA, DOLORES)
In-numru ta' persuni jaħdmu mall-Kummissjoni għall-Promozzjoni ta' l-Ugwaljanza bejn l-Irġiel u n-Nisa hu 7. L-ammont allokat din is-sena għal din il-Kummissjoni hu Lm72,000. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba fl-aħħar parti tal-Mistoqsija.
Tista' il-Ministru tara li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, titħallas l-ammont dovut lilha rappreżentanti għajnuna soċjali (tal-bolol) li hi intitolata għalihom u dan għall-perjodu ta' bejn l-1 ta' April 2003 u t-22 ta' Lulju 2003? Tista' il-Ministru tgħid għalfejn ittieħed dan iż-żmien kollu biex isir dan il-ħlas?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna minnu ndikata ġiet infurmata bil-każ tagħha.
Nies li qed jiġu kkurati minħabba abbuż ta' alkoħol
Question
Tista’ il-Ministru tirrispondi l-mistoqsija parlamentari 4855 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa u Kura fil-Komunita' u li issa ġiet riferuta lilha u cioe' tista' tgħid fil-preżent kemm hemm nies li qed jiġu kkurati minħabba abbuż ta’ l-alkoħol? Tista’ tgħid kemm minnhom huma nisa? Kemm minnhom għandhom bejn id-19 u l-25 sena? Kemm minnhom huma taħt it-18–il sena?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li preżentament l-Aġenzija Sedqa għandha 110 klijenti li qed jikkuraw ruħhom mill-abbuż ta' l-alkoħol, li minnhom 34 huma nisa.
In-numru ta' klijenti bejn id-19 u l-25 sena hu 8, filwaqt li hemm persuna waħda taħt it-18-il sena.
Sigurta' Soċjali — Persuni li bbenefikaw minn early retirement scheme
Question
Tista' il-Ministru tgħid kemm hawn persuni li bbenefikaw minn xi forma jew oħra ta' early retirement scheme is-sena l-oħra u din is-sena? Fejn kienu jaħdmu u xi grad kellhom?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-Att dwar is-Sigurta Soċjali ma jipprovdix għal Skemi ta' Irtirar Kmieni, liema skemi jiġu mnegħdija mill-azjendi li magħhom ikunu jaħdmu l-impjegati li jibbenifikaw minnhom.
Billi l-familja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, għamlet il-konvenju fuq ix-xiri ta' l-appartament tagħhom fis-sena 2000, tista' il-Ministru tagħti indikazzjoni meta mistenni jsir il-kuntratt tal-bejgħ tal-fond indikat?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-Awtorita' tad-Djar qed tistenna li tiġi stabbilita l-provenjenza ta' l-art li fuqha hi mibnija l-proprjeta' indikata mill-Onor. Interpellant biex tkun tista' tikkonkludi l-kuntratt tal-bejgħ ta' l-istess proprjeta'.
Tista' il-Ministru tgħid meta se jsir il-kuntratt ta' inkwilin ta' post tal-gvern biex jixtri l-fond tiegħu?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant applikat ma' l-Awtorita' tad-Djar fl-14 ta' Mejju 2004 biex tixtri l-post mikri lilha mingħand il-Gvern.
L-Onor. Interpellant jifhem li għadu kmieni wisq biex inkun f'pożizzjoni li ngħidlu meta se jsir il-kuntratt relatat ma' din it-talba.
Taħseb il-Ministru li wasal iż-żmien li jsir pjan nazzjonali ta' azzjoni fuq il-problema tad-droga abbużiva, li jkun pjan pro-attiv mhux reattiv? Minħabba d-diversita' ta' l-istrutturi fil-qasam tal-kura tad-droga, taħseb li wasal iż-żmien li ssir xi forma ta' struttura ċentrali li tkun tikkoordina l-istrutturi l-oħra fil-ħidma tagħhom?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Fil-preżent, il-Kummissjoni Nazzjonali dwar l-Abbuż mid-Droga, Alkohol u Dipendenzi Oħra, fi ħdan il-Ministeru tal-Familja u Solidarjeta' Soċjali, hi nvoluta fi proġett ta' twinning ma' l-Unjoni Ewropea bl-iskop li titwaqqaf sistema li tiġbor informazzjoni fuq l-użu tad-droga f'Malta. L-imsemmija Kummissjoni ġiet fdata bil-ko-ordinazjzoni, fuq livell nazzjonali, għall-ġbir u l-verifika ta' l-informazzjoni. Din l-informazzjoni mistennija li sservi bħala bażi biex fuqha jkun jista' jsir rapport nazzjonali, sa l-aħħar ta' Ottubru 2004, dwar l-użu tad-droga f'Malta u jipprovdi materjal biex sussegwentement jitfasslu Drug Policy u pjan ta' azzjoni fuq data miġbura skond standards Ewropej.
Ex ħaddiema ta' l-Airmalta — Aġġustament fil-pensjoni
Question
B'riferenza għall-Ftehim Kollettiv bejn it-Taqsima Port u Trasport tal-GWU u l-Air Malta li ġie ffirmat fil-11 ta' Ottubru 2002 u li jkopri l-perjodu 1 ta' April 2000 u 31 ta' Marzu 2004, Tista' il-Ministru tgħid meta se tiġi aġġustata l-pensjoni tal-ex ħaddiema ta' l-Air Malta (illum pensjonanti) u meta se jingħataw l-arretrati dovuti lilhom b'riżultat ta' dan il-ftehim?
Tista' tara li ma jkunx hemm dewmien żejjed biex dan il-proċess isir?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li x-xogħol preparattiv li qed isir fuq id-data tal-pensjonanti, ex ħaddiema ta' l-Airmalta, issa wasal fl-aħħar fażi tiegħu.
Ninsab infurmata wkoll li, kif jiġu kkonfermati lid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali l-iskali tas-salarji l-ġodda skond l-aħħar ftehim kollettiv tal-kumpanija msemmija, hu mistenni li r-reviżjoni tal-pensjonijiet relatati jiġu proċessati mingħajr dewmien.
Tista' il-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li l-pensjoni tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li għamlet żmien taħdem fil-Libja bejn il-perjodu 1980 sa l-1987 u li ħallset il-kontribuzzjonijiet hemmhekk, liema kontribuzzjonijiet kienu jgħoddu għal hawn, li sal-lum ma jirriflettux ruħhom fil-pensjoni tiegħu, meta se tiġi aġġustata l-pensjoni tiegħu wara dan iż-żmien kollu meta l-pensjonant imsemmi għalaq 71 sena u sitt xhur?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali kkomunika direttament bil-miktub dwar il-każ mal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant.
Tista' il-Ministru tgħid kemm inħarġu ċertifikati ta' mard mit-tobba s-sena l-oħra u tagħti breakdown ta kemm ħareġ ċertifikati kull tabib?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li matul is-sena 2003, id-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali rċieva total ta' 258,942 ċertifikat tal-mard, li jinkludu l-ewwel ċertifikat, intermediate u final.
Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba hi protetta bl-Att dwar il-Protezzjoni u l-Privatezza tad-Data u għalhekk tali nformazzjoni ma tistax tiġi ppublikata.