Jista' il-Ministru jgħid għal liema raġuni r-riċerki mir-Reġistru Pubbliku qed isiru Malta biss meta qabel ta' Għawdex kienu jsiru f'Għawdex stess, bil-konsegwenza li issa r-riċerki qed idumu iktar?
Response (BORG, TONIO)
Mindu ġiet adottata s-sistema ġdida ta` riċerki garantiti fl-1999, ir-riċerki mir-Reġistru Pubbliku dejjem kienu jsiru f`post ċentrali. Fuq kollox, iż-żmien li matulu d-Dipartiment huwa marbut li jipprovdi r-riċerki uffiċjali huwa l-istess kemm għal Malta u kemm għal Għawdex.
Persuni li tressqu l-qorti fuq moħqrija ta' l-annimali
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm ittellgħu persuni l-qorti fuq każi ta' moħqrija fuq annimali? X'weħlu dawk li nstabu ħatja?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Ottubru 2003, kien hemm 11-il persuna li ttellgħu l-Qorti mill-Pulizija dwar moħqrija fuq annimali. Minn dawn 2 ġew liberati filwaqt li l-każi l-oħra għad m`humiex deċiżi.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ittellgħu persuni l-qorti minħabba reati li saru waqt attivitajiet sportivi din is-sena? Fejn saru dawn ir-reati?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Ottubru 2003, kien hemm 42-il persuna li ttellgħu l-Qorti mill-Pulizija dwar reati waqt attivitajiet sportivi, liema reati ġew kommessi waqt ir-regatta fil-Port il-Kbir, il-korsa taż-żwiemel fil-Marsa, il-Pixxina Nazzjonali f`Tal-Qroqq, il-Paviljun ta` l-isports f`Ta`Qali u fil-football grounds ta` Kordin, Ta` Qali, Sannat, Kerċem, Xewkija u Rabat.
Jista' il-Ministru jgħid kemm inqabdu minorenni f'postijiet ta' divertiment fejn ma jistgħux jidħlu, din is-sena u fejn?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Ottubru 2003, kien hemm 33-il persuna taħt is-sittax-il sena li nstabu mill-Pulizija f`postijiet ta` divertiment ġewwa San Ġiljan u Wied il-Għajn.
Jista' il-Ministru jgħid jekk ġewx ittappjati telephones u/jew mobile phones din is-sena?
Response (BORG, TONIO)
Bħalma dejjem sar taħt amministrazzjonijiet differenti, l-informazzjoni mitluba ma tiġix mogħtija u dan fl-interess pubbliku. Nirreferi wkoll għal Tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari 8273 fl-aħħar Leġislatura u għal Mistoqsija Parlamentari 2040 fit-Tmien Leġislatura.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-fond block 2, Two Gate Str, Senglea huwiex milqut mil-liġi possession and use? Jekk fin-negattiv, jista' jinxtara u x'inhi l-proċedura ta' xiri?
Response (BORG, TONIO)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġibiet li jien tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Nru. 2020 u Nru. 2031, ninsab infurmat illi l-fond Blk 2, Two Gate Str., Senglea jinsab fuq proprjeta` li ttieħdet b`titolu ta` pussess u użu.
Jista' il-Ministru jgħid kemm-il sejba ta' droga saret fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin, meta u kemm kien l-ammont misjub mill-1 ta' Ottubru 1998 sal-lum?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul il-perijodu bejn Ottubru 1998 u Ottubru 2003 kien hemm 27 okkażżjonijiet meta nsab xi materjal suspettuż ġewwa l-Ħabs. Il-każi kollha jiġu mistħarrġa mill-Pulizija u f`kull każ issir inkjesta Maġisterjali. Fir-rigward tal-ammonti misjuba, id-dipartiment ma jkollox din l-informazzjoni għalkemm f`ħafna każi dak li jinsab ikun traċċa. Il-każi seħħew kif jidher hawn taħt:
Bejn Ottubru 1998 u Diċembru 1998
xejn
1999
7 sejbiet
2000
3 sejbiet
2001
7 sejbiet
2002
1 sejba
2003
9 sejbiet
Jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' gwardjani fil-ħabs ta' Kordin? Kemm-il ingaġġ sar s'issa, meta sar u kemm daħlu f'kull każ? Wara l-aħħar sejħa, jista' il-Ministru jgħid meta se jiġu ngaġġati?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta` persuni fi grad ta` gwardjan fil-Faċilita` Korrettiva ta` Kordin huwa mija u sitta u ħamsin (156).
Mill-1994 sal-lum kien hemm ħames ingaġġi u ieħor li s-sejħa tiegħu saret f`Diċembru ta` 2002.
Ottubru 1994 Ġew ingaġġati 46
Mejju 1995 Ġew ingaġġati 23
Marzu 1996 Ġew ingaġġati 34
Novembru 1996 Ġew ingaġġati 47
Ġunju 2000 Ġew ingaġġati 33
Diċembru 2002 Huwa maħsub li jiġu ngaġġati 35
Fir-rigward ta` l-aħħar sejħa għall-ingaġġ, wara li saru l-interviews, ir-riżultati intbagħtu għand l-uffiċċju tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.
Jista' il-Ministru jagħti breakdown tan-numru ta' persuni li hemm jaħdmu fil-faċilitajiet korrettivi? X'inhu l-grad tagħhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi dawk kollha li jaħdmu fil-Faċilita` Korrettiva ta` Kordin huma kif jidher hawn taħt:-
Direttur
1
Asst. Managers
4
Supervisors
5
Maġġuri
22
Uffiċjali Korrettivi
156
Għalliem (
educational co-ordinator
)
1
Skrivani
3
Accountant
1
Psikologa
1
Social Worker
1
Kuntistabbli
20
Surġenti
5
Minbarra dawn hemm persuni oħra li jagħtu s-servizzi tagħhom ġewwa l-Faċilita` bħal tobba, nurses, psikjatra, għalliema, spiżjar, sports co-ordinator, social worker u instructors.
Jista' il-Ministru jgħid f'dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena, kemm-il darba sar tnaqqis ta' remission minħabba azzjoni dixxiplinarja kontra priġunieri? X'kien l-ammont globali ta' remission mitlufa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi r-remission imnaqqsa matul is-snin 1999, 2000, 2001, 2002 u sa Ottubru 2003 kien kif jidher hawn taħt:
Sena
Numru ta` reati
Ammont imnaqqas
1999
47
1,470 ġurnata
2000
104
10,935 ġurnata
2001
90
2,905 ġurnata
2002
87
2,893 ġurnata
2003
39
2,910 ġurnata
Tajjeb wieħed ikun jaf li r-remission li jitlef priġunier tista` tiġi restitwita lilu kollha jew parti minnha skond l-imġieba tiegħu. Kull tlett xhur isir assessment tal-imġieba tiegħu u b`hekk jiġi deċiż tingħatax xi parti mir-remission li jkun tilef l-individwu.
Faċilita' Korrettiva ta' Kordin — Xogħol mill-priġunieri
Question
Jista' il-Ministru jgħid xi ħlas qed jingħata għax-xogħol li jagħmlu l-priġunieri fil-ħabs? Hemm biżżejjed xogħol għall-popolazzjon kollha ta' priġunieri fil-ħabs?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-priġunieri li jagħmlu xogħol produttiv fil-Faċilita` Korrettiva ta` Kordin jingħataw żewġ liri (Lm2.00) fil-ġimgħa.
Sfortunatament, għalkemm kontinwament isiru tentattivi biex jinstab xogħol biex aktar priġunieri jaħdmu waqt li jkunu fil-Faċilita`, xorta ma jinstabx xogħol biżżejjed għall-priġunieri kollha.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-rata ta' released prisioners li jerġgħu jaqgħu għall-kriminalita' u li allura jispiċċaw fil-ħabs mill-ġdid (l-aħħar ħames snin)? Dawn ir-reċedivi qed jitħallew dejjem u f'kull ħin separati minn dawk li jkunu first offenders jew dawk taħt arrest preventiv?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi r-rata ta` released prisoners li reġgħu lura għal kriminalita` u għalhekk jispiċċaw fil-ħabs mill-ġdid fis-snin 1998, 1999, 2000, 2001 u 2002 kien ta` 62%, 55%, 57%, 61% u 49% rispettivament.
Il-priġunieri irrespettivament ikunux sentenzjati jew arrestati ma jistgħux jinżammu kontinwament separati. Dan minħabba li l-priġunieri huma mħeġġa biex iż-żmien li jagħmlu fil-ħabs jiġi utilizzat għal ġid tagħhom infushom. Dan isir billi jattendu l-iskola għat-tagħlim akkademiku u jattendu fil-workshops biex jitgħallmu s-snajja. Ma huwiex possibli li tissepara l-priġunieri waqt dawn l-eżerċizzi.
Fil-każ ta` priġunieri ta` bejn il-ħmistax-il sena u l-wieħed u għoxrin sena, dawn jinżammu fis-sezzjoni tal-YOURS li hija separata kompletament mill-ħabs prinċipali. Anke f`din is-sezzjoni kemm dawk sentenzjati kif ukoll dawk arrestati jingħataw opportunitajiet ta` tgħallim u snajja. Billi l-ammont ta` priġunieri f`din is-sezzjoni huwa żgħir, dak kollu li jsir mill-priġunieri isir bħala team wieħed u kulħadd jipparteċipa u jagħti s-sehem tiegħu.
Jista' il-Ministru jgħid meta l-gvern jinstalla lift f'postijiet tal-gvern (housing qodma), il-kirja togħla? Min hu nkarigat biex iħallas għall-manutenzjoni tal-lifts u jekk inkwilin jiddeċiedi li ma jħallasx għall-manutenzjoni tal-lift, x'passi jittieħdu?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru ikkonċernat.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm uffiċjali kadetti jsegwu l-kors għal spetturi? Fiex inhuma gradwati? Meta bdew il-kors u meta se jiggradwaw għal spetturi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi hemm 25 kadetti li qed isegwu l-kors għal Spetturi fil-Korp tal-Pulizija. Il-kors beda fil-11 ta` Frar ta` din is-sena u huwa mistenni li jintemm għal bidu tas-sena d-dieħla. Il-kwalifiki li għandhom dawn il-kadetti jinkludu:
B.A. Communications
B.A. Legal & Humanistic Studies
B.A. Commerce
B.A. History of Arts
B.A. Arts
B. Pharm
B.A. Science
B.A. Education
Dip. Legal Procurator
Dip. Notary Public
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-applikazzjoni bin-numru A3872/97 ntavolata ma' l-uffiċċju konġunt, sal-lum għadha ma ġietx proċessata meta ma kien hemm u m'hemm l-ebda ntopp fiha?
Response (BORG, TONIO)
Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għat-talba ta` rikonoxximent ta` qbiela, jien infurmat li l-Uffiċċju Konġunt għadu qiegħed jistenna li jirċievi dokument mitlub lill-applikant fit-28 ta` Mejju 2003, sabiex ikun jista` jipproċessa t-talba tiegħu.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm proċessi ta' kawżi deċiżi qed jistennew sabiex tinħadmilhom it-taxxa (taxed bills of costs): 1) fit-Tribunal għal talbiet żgħar; 2) fil-Qorti tal-maġistrati (Malta); 3) fil-Prim'Awla tal-Qorti ċivili; u 4) fil-Qorti ta' l-appell?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi sat-13 ta` Novembru 2003, ma kien hemm l-ebda kawża deċiża, u li kienet intalbet it-taxxa għaliha sa dakinhar, li kienet qed tistenna sabiex tinħadmilha t-taxxa (taxed bill of costs) fil-Qrati tal-Maġistrati u fit-Tribunal għal Talbiet Żgħar.
Hemm biss 5 kawżi fil-Prim Awla li għadhom ma ġewx intaxxati. Dawk se jitlestu sa kmieni l-ġimgħa d-dieħla.
Ninsab infurmat ukoll illi sat-13 ta` Novembru 2003, kien hemm 10 kawżi deċiżi fit-Tribunal għal Talbiet Żgħar (Għawdex) li kienu qed jistennew sabiex tinħadmilhom it-taxxa.
Attivita' f'Dar il-Mediterran — Storbju minn mużika disco
Question
Jista' il-Ministru jinvestiga l-istorbju ta' mużika disco li kien hemm nhar il-Ħamis, 6 ta' Novembruf 2003 waqt attivita' li saret f'Dar il-Mediterran, il-Belt u li baqgħet sejra sat-3.00 a.m., meta skond il-liġi l-mużika suppost tieqaf fil-11.00 p.m.?
Peress li minkejja d-diversi mistoqsijiet parlamentari li saru fil-passat dwar dan l-inkonvenjent ta' storbju eċċessiv u l-ħsejjes miċ-chillers ta' air conditioners li ma jidhirx li huma mwaħħla fejn suppost, għadu ma sar xejn, jista' il-Ministru jieħu l-passi kollha biex jirrimedja s-sitwazzjoni mill-aktar fis possibbli?
Response (BORG, TONIO)
Kif diġa` kelli l-okkażżjoni nispjega, il-Pulizija tieħu passi kull meta jkun hemm xi lmenti. Fid-data msemmija mill-Onorevoli Interpellant, ninsab infurmat illi l-Pulizija ma kelliex rapporti simili. Dwar l-attrezzamenti f`dan iċ-ċentru, ġentilment nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.
Jista' il-Ministru jgħid kemm inqabdu persuni jdaħħlu annimali illegalment ġo pajjiżna illum? X'kienu il-ħlejjaq u kemm kienu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul din is-sena, it-Taqsima ta` l-A.L.E. tal-Pulizija, investigat 4 persuni li nstab li ippruvaw jimpurtaw f`Malta xi speċi ta` annimali illegalment. Il-kwantita` involuta hija kif ġej:-
Ġlud ta` għasafar 871
Ġlud ta` qtates 3
Ġlud ta` friefet il-lejl 5
Ġlud ta` Mongoose Eġizzjani 2
Ġlud ta` volpi 13
Ġlud ta` Gazelle 1
Ġlud ta` Monitor lizard 3
Green monkey 1