Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu nies u ttellgħu persuni li allegatament jiksru l-liġi tal-copyright matul is-sena 1999? X'reat allegatament wettqu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li matul l-1999 il-Pulizija ressqet 23 persuna il-Qorti akkużati b`reati kontemplati f`artikolu 298B tal-Kodiċi Kriminali.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-ministeru jew dipartmenti li jaqgħu taħtu għandhomx informazzjoni dwar xi computers tal-gvern li matul is-sena 1999 intlaqtu minn xi virus? Jekk iva, kemm kienu u fejn?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li matul l-1999 in-numru ta` computers rappurtati fil-Ministeru ta` l-Intern, jew f`xi dipartiment jew entita` li taqa` taħt id-dekasteru ta` l-Intern li ntlaqtu minn xi virus kien ta` 15.
Dawn ġew irrapurtati kif ġej : -
Dipartiment / Entita` Numru
--------------------- -----
Awtorita` ta` l-Ippjanar 1
Pulizija 14
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew irrapportati reati lill-pulizija matul is-sena 1999 ġewwa Paceville? X'tip ta' reati kienu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li matul l-1999, il-Pulizija ta` San Ġiljan, kellha 140 rapporti ta` reati li jidhru li seħħew ġewwa Paceville. Dawn ir-reati jinkludu vjolenza fuq il-persuna, attentat ta` vjolenza fuq il-persuna, serq u attentat ta` serq, ħsara volontarja, droga, falsifikazzjoni ta` dokumenti, frodi, reati sesswali u vjolenza fuq uffiċjali pubbliċi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'rigali fl-okkażjoni tal-Milied 1999 u l-bidu tas-sena 2000 mill-uffiċċju tiegħu u mid-dipartimenti, korporazzjonijiet u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu separatament? Jista' jgħid f'kull każ lil min ingħataw dawn ir-rigali? Jista' jgħid xi kriterji ntużaw biex ingħataw dawn ir-rigali lil dawn l-individwi?
Response (BORG, TONIO)
Ma ngħataw ebda rigali fl-okkażjoni tal-Milied 1999 u l-bidu tas-sena 2000 mill-uffiċċju tiegħi u mid-dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru ta` l-Intern.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 12097 bl-informazzjoni li tkopri s-sena sħiħa?
Response (BORG, TONIO)
Dwar it-tagħrif mitlub għal perijodu mill-1 ta` Jannar ta` l-1999, sat-13 ta` Diċembru 1999, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 12097, filwaqt li għal perijodu mill-14 sal-31 ta` Diċembru, 1999, ninsab infurmat li l-imwiet fatali li seħħew kienu 2 u ġraw kawża ta` inċidenti tat-traffiku.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ħarġu permessi ġodda l-pulizija matul is-sena 1999 għal ftuħ ta' ħwienet ġodda? X'tip ta' ħwienet kienu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li matul l-1999 il-Pulizija ħarġet 441 liċenzja ġdida għall-ħwienet. Il-ġeneru ta` dawn il-liċenzji huma kif jidher fuq it-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid x'permessi kien hemm mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar biex persuni jidħlu f'raba' magħruf bħala "Tax-Xemgħa" f'limiti tal-Mellieħa u jaqilgħu kull m'hemm? X'passi ttieħdu jekk ma kienx hemm permess?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li mill-informazzjoni li għandha l-Awtorita` ta` l-Ippjanar, ma jidher li ħareġ ebda permess fir-raba` magħruf bħala 'Tax-Xemgħa' limiti tal-Mellieħa.
Minn stħarriġ li sar mill-Awtorita` ta` l-Ippjanar irriżulta li l-ħamrija fuq is-sit ġiet disturbata f`livelli ta` daqs varju u tpoġġew ukoll xi tyres qodma f`xi nħawi. Mill-istess stħarriġ ma rriżultax min hu responsabbli għal dan. Sid l-art għadu mhux magħruf u l-istħarriġ għadu għaddej. Sadanittant inħareġ Stop and Enforcement Notice kontra s-sid mhux magħruf u ġiet segwita l-proċedura imposta mill-liġi. L-istħarriġ jibqa` jsir sakemm ikun magħruf il-persuna jew persuni responsabbli.
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal l-ipproċessar għall-bini ta' skola mill-Fondazzjoni St. Michael fl-inħawi tal-Balal? X'qed iżomm lill-Awtorita ta' l-Ippjanar li toħroġ il-permessi meħtieġa? Meta huma maħsuba li joħorġu l-permessi kollha?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-applikazzjoni li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant hija suġġetta għal Enviornmental Impact Assessment. Dan l-istudju kien inbeda f`Awissu ta` l-1998 u l-ewwel rapport ġie mgħoddi lill-Awtorita` ta` l-Ippjanar u lid-Dipartiment għall-Ħarsien ta` l-Ambjent f`Settembru ta` l-1998.
F`Settembru ta` l-1998, l-Awtorita` talbet aktar kjarifiki minħabba xi problemi li kien hemm u fil-fatt l-applikant issottometta pjanti ġodda fejn l-art in kwestjoni ġiet irduppjata peress li d-daqs oriġinali kien żgħir wisq biex jakkomoda skola tat-tip propost.
F`Novembru ta` l-1999, l-applikant issottometta r-rapport li kien intalab f`Settembru ta` l-1998 u dan qiegħed jiġi evalwat mill-Awtorita` u mid-Dipartiment għall-Ħarsien ta` l-Ambjent.
Meta dan ir-rapport jiġi approvat, ikun meħtieġ li jsir public hearing u wara l-applikazzjoni tiġi determinata mill-Bord ta` l-Awtorita`.
Wieħed għandu jiġbed l-attenzjoni tal-Onor. Membru għall-fatt li meta din l-art ġiet allokata b`riżoluzzjoni parlamentari fl-1997 lill-applikanti, ma saret l-ebda konsultazzjoni ma` l-Awtorita` tal-Ippjanar.
Terġa`, ir-riżoluzzjoni parlamentari in kwestjoni skadiet wara 3 xhur, f`Jannar 1998 u ma ġietx imġedda.
Dwar dan l-aħħar punt, il-Gvern se jerġa` jipproponi riżoluzzjoni oħra li jkollha validita` ta` sena sabiex il-kuntratt jilħaq isir.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-policy dwar dħul f'pajjiżna ta' armi li jkunu collector's items, għadhiex l-istess jiġifieri jekk jistgħu jidħlu?
Response (BORG, TONIO)
Il-Policy dwar importazzjoni ta` armi li jkunu antiki, biex jinżammu għal skop ta` kollezzjoni, għadha kif kienet minn Jannar ta` l-1997.
Infakkar l-Onor. Interpellant li l-Amministrazzjoni preċedenti kienet iddeċidiet li l-armi kollha tan-nar manifatturati qabel l-1940 jiġu meqjusa bħala 'antiques'.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm residenti fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin u ta' liema nazzjonalita' huma?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li n-numru ta` priġunieri fil-Faċilita` Korrettiva ta` Kordin fid-19 ta` Jannar, 2000, kien ta` 213.
Dawn ġejjin minn dawn il-pajjiżi : - Malta, Libja, Italja, Tuneżija, Alerġija, Renju Unit, Eġittu, Palestina, Jugoslavja u mis-Sirja.
Peress li b'att vandalu fi Triq Santa Tereża, Żabbar immirat lejn uffiċjal ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar sofriet intortament familja li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, jista' l-Ministru jikkonsidra talba għal kumpens?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Awtorita` ta` l-Ippjanar ma għandha l-ebda ħjiel li l-att vandalu li seħħ fi Triq Santa Tereża, Żabbar, kien immirat lejn uffiċjal tagħha u għaldaqstant l-Awtorita` mhux f`pożizzjoni li tikkunsidra talba għal kumpens.
Jista' l-Ministru jkompli jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 12088 għall-perijodu ta' Diċembru, 1999?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li matul Diċembru ta` l-1999, il-Pulizija kellha 89 rapport ta` serq minn bars, hotels u retail outlets. Ninsab infurmat ukoll li fl-istess perijodu tressqu l-Qorti 9 persuni in konnessjoni ma` dan it-tip ta` reat.
Jista' l-Ministru jkompli jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 12087 għal perijodu tax-xahar ta' Diċembru 1999?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li matul Diċembru 1999, il-Pulizija kellha rapport wieħed ta` hold-up u żewġ rapporti ta` attentat ta` hold-up li għadhom qed jiġu nvestigati.
Jista' l-Ministru jkompli jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 12085 għal perijodu tax-xahar ta' Diċembru 1999?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li matul Diċembru ta` l-1999, il-Pulizija kellha 277 rapport ta` serq minn vetturi. Ninsab infurmat ukoll li fl-istess perijodu tressqu l-Qorti 2 persuni in konnessjoni ma` dan it-tip ta` reat.
Jista'l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 12348?
Response (BORG, TONIO)
Fir-rigward tal-Mistoqsija Parlamentari Nru. 12348, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopji tal-permessi kif inħarġu fid-data tal-ħruġ tagħhom, kif ukoll is-site plans relatati għat-tlett applikazzjonijiet li saret referenza għalihom fl-istess Mistoqsija.
Iz-zoning ta` l-areas li fihom inħarġu dawn il-permessi hu kif ġej : -
Applikazzjoni Zoning
------------- ------
PA 5172/87 Inside Scheme - terraced houses
PA 5130/93 Outside Scheme
PA 2640/93 Outside Scheme
Ġejt infurmat ukoll li minbarra l-applikazzjonijiet għal swali tat-tiġijiet indikati hawn fuq, jirriżulta li kien hemm ħames applikazzjonijiet oħra għal reception hall, li għalkemm fl-applikazzjonijiet ma kienx indikat li ser jintużaw bħala swali tat-tiġijiet, hu mifhum li dawn ser jintużaw għal dan l-iskop.
Iz-zoning ta` l-areas li fihom saru dawn il-ħames
applikazzjonijiet hu kif ġej : -
Applikazzjoni Zoning
------------- ------
PA 4106/93 Inside Scheme - terraced houses
PA 5884/94 Inside Scheme - terraced houses
PA 2777/97 Outside Scheme
PA 4740/94 Existing Building Scheme
PA 7386/96 Outside Scheme
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopji tal-permessi u s-site plans dwar erba` mill-applikazzjonijiet indikati hawn fuq, filwaqt li dwar l-applikazzjoni PA 7386/96 qed inpoġġi biss is-site plan peress li l-applikazzjoni ġiet approvata fis-16 ta` Diċembru, 1999, kienet suġġetta għal multa, li tħallset u ġiet rċevuta mill-Awtorita` ta` l-Ippjanar fid-19 ta` Jannar, 2000; għalhekk s`issa il-permess għadu mhux maħruġ.
Jista' l-Ministru jikkonferma li l-Awtorita' ta' l-Ippjanar ikkummissjonat studju dwar bini ta' medium u high rise blocks fl-area ta' Buġibba/Qawra? Jekk fl-affermattiv, jista' jpoġġi kopja ta' dan l-istudju fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Awtorita` ta` l-Ippjanar ma kkummissjonat l-ebda studju dwar l-għoli ta` bini fil-Qawra u Buġibba, pero` qegħda tikkunsidra l-effett li dan jista` jkollu fuq il-'policies' li qegħdin jiġu formulati fil-Pjan Lokali tal-Majjistral ta` Malta.
Jista' l-Ministru jgħid kemm jammontaw in-numru ta' vetturi li ġew mogħtija permezz ta' donazzjoni lill-Ministeru, dipartimenti, korporazzjonijiet u entitajiet oħra li jaqgħu taħtu mill-1987 sa l-1996? Jista' jgħid x'tip ta' vetturi u ditta jew marka huma? Minn min ġew mogħtija? F'liema sena ġew mogħtija?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fil-perijodu speċifikat mill-Onor. Interpellanti, in-numru ta` vetturi li ġew mogħtija permezz ta` donazzjoni lill-Ministeru ta` l-Intern, u d-dipartimenti u l-entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru ta` l-Intern kien ta` 3.
Dawn kienu ġew mogħtija lill-Pulizija bħala donazzjoni mill-Ġermanja; waħda fl-1993 u tnejn fl-1994 u kollha kienu tal-marka Volkswagen.
Ta` il-kumpanija li timporta l-karozzi tal-marka Daewoo tat b`donazzjoni 10 vetturi lill-Korp tal-Pulizija.
Jista' l-Ministru jgħid matul l-1999 kemm inqabdu makni tal-logħob - gambling machines - fi stabbilimenti ta' divertiment bħal, bars, restaurants, każini, eċċ? F'liema lokalitajiet instabu? X'passi ttieħdu kontra s-sidien ta' dawn l-istabbilimenti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li matul l-1999 il-Pulizija qabdet 35 kaxxi tal-logħob illegali minn dawn il-lokalitajiet : Qawra, Mellieħa, Valletta, Fgura, Tarxien, Żejtun, Floriana, Qormi, Paceville, Marsaxlokk, Buġibba, Marsa, Senglea u Marsascala. Ninsab infurmat ukoll li f`dan ir-rigward, tressqu l-Qorti 26 persuna.
Jista' l-Ministru jgħid matul ix-xahar ta' Diċembru li għadda 1999, u fl-ewwel għaxart ijiem ta' dan ix-xahar, kemm-il persuna taħt is-16-il sena nqabdet f'xi bar u/jew postijiet ta' divertiment kontra l-liġi? F'liema lokalitajiet? X'passi ttieħdu kontra s-sidien ta' dawn l-istabbilimenti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li għalkemm fil-perijodu speċifikat mill-Onor. Interpellant ma nqabdet ebda persuna taħt is-16-il sena fil-postijiet indikati fil-Mistoqsija, matul l-1999 inqabdu 127 persuna f`dawn il-postijiet.