Legislature:
Category:
Reset
Active:

Tal-Qroqq — Pixxina Nazzjonali

Question

Jista’ il-Ministru jikkonferma li l-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq ilha magħluqa sa mit-tieni ġimgħa ta’ Diċembru 2004 minħabba l-vaganzi tal-Milied?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Kumpless Sportiv f'Tal-Qroqq kien magħluq għal vaganzi tal-Milied u tal-Ewwel tas-sena hekk :- Pixxina - Mill-20 ta' Diċembru, 2004 Squash Courts - Fil-24,25,26 u 31 ta' Diċembru 2004 u 1 u 2 ta' Jannar 2005 Fitness Centre - Mill-21 sal-28 ta' Diċembru 2004 minħabba xogħol ta' maintenance u fl-1 u 2 ta' Jannar 2005.

Pixxini sportivi — Persuna mħarrġa fil-First Aid

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk huwiex obbligatorju li f’kull pixxina fejn ikun hemm membri msieħba għandu jkun hemm imqar persuna waħda li tkun għassa li tkun taf il-First Aid għal li jista’ jinqala'?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li sal-lum mil-lat sportiv m'hemm xejn obbligatorju li f'kull pixxina irid ikun hemm persuna waħda li tkun għassa li tkun taf il-First Aid. Informat ukoll li fil-każ tal-Pixxina Nazzjonali matul ix-xahar tas-sajf kien hemm numru adakwat ta' Life Guards ikkwalifikati inkluż fil-First Aid. Fl-istess perjodu l-Sports Attendants ingħataw kors bażiku ta' life-saving/first aid. Dan hu kors ieħor organizzat mill-Institute tal-PE u Sport fl-Universita' ta' Malta.

Skejjel tal-Knisja — Ħlasijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fl-ewwel term ta’ l-iskola (sal-31 ta’ Diċembru 2004) kemm saru ħlasijiet lill-iskejjel tal-Knisja taħt il-ftehim bejn l-Istat u l-Knisja?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-ewwel term ta' l-iskola kien hemm daqshekk ħlasijiet :- Ottubru 2004 - Lm909,000 Novembru 2004 - Lm909,000 Diċembru 2004 - Lm859,825 Total -Lm2,677,825

Dipartiment ta' l-Edukazzjoni — Statementing board

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta ġie ffurmat u beda jiffunzjona l-istatementing board? Kemm tfal ġew statemented kull sena sa Diċembru 2004? Kemm sewa lid-dipartiment l-istatementing board kull sena?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Istatementing Board beda jaħdem fl-1998. Informat ukoll li minn meta ġie ffurmat u beda jiffunzjona , in-numru ta' tfal li ġew 'statemented' hu kif indikat hwan taħt :- Sena Numru ta' tfal 'statemented' 1998 58 1999 127 2000 153 2001 113 2002 215 2003 343 2004 302 Rigward it-tielet parti tal-Mistoqsija l-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tingħata f'xi Seduta oħra.

Green Leaders

Question

Jista' il-Ministru jgħid f'liema dipartimenti fil-ministeru tiegħu saret l-għażla ta' Green Leaders? Saret sejħa għall-applikazzjonijiet fid-dipartimenti konċernati? Xi kwalifiki għandhom dawn il-persuni? Kemm se jitħallsu ta' dan ix-xogħol? Hemm xi allowances marbuta ma' din il-pożizzjoni?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-green leaders ġew nominati mis-Segretarju Permanenti wara li ntalbu mis-Segretarju Permanenti Ewlieni fl-uffiċċju tal-Prim Ministru. M'hemm l-ebda ħlas jew allowances marbuta ma' dan l-inkarigu.

Skola San Ġużepp — Xogħol ta' refurbishing

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk kuntrattur li qiegħed jagħmel xogħol ta' refurbishing fl-ex skola San Ġużepp Ħaddiem tal-Marsa huwiex jitħallas doppjament ta' ċertu xogħol li qiegħed jagħmel fosthom tibjid doppju ta' ċerti klassijiet? Jista' jinvestiga ukoll jekk hemmx ċertu ħaddiema li qed jispiċċaw mix-xogħol fl-10.00 a.m.?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li dan il-bini ġie mgħoddi lill-amministrazzjoni tal-Ministeru għall-Familja u s-Solidarjeta', il-Mistoqsija trid issir lill-Ministeru konċernat.

Skola San Ġużepp — Instructor

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk huwiex il-ħsieb tad-dipartiment konċernat li jpoġġi l-persuna (instructor) - isimha qed jintbagħat separatament - bħala in charge tal-klandestini fl-ex skola San Ġużepp Ħaddiem tal-Marsa, meta din il-persuna kellha każ il-qorti minħabba allegat kliem u attitudni razzisti? Jassigura l-Ministru li b'ħatra bħal din ikun hemm trankwilita' u serenita' għall-klandestini fil-bini ta' l-ex skola msemmija?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-bini ta' l-iskola San Ġużepp Ħaddiem Marsa, m'għadux jaqa' taħt id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni iżda bħalissa huwa taħt ir-responsabilita' tal-Ministeru għall-Familja u Solidarjeta' Soċjali.

Għawdex — MCAST - kors tal-bini

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex kors tal-bini li kien hemm isir fl-MCAST tax-Xewkija, Għawdex, liema kors suppost kien ta' 69 siegħa ġie mwaqqaf wara 56 siegħa?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-avviż li kien deher fil-ġurnali kien indikat ċar li l-kors kien ser ikun ta' 45 siegħa kif miftiehem bejn l-MCAST u l-BICC. Żdiedu wkoll numru ta' siegħat għall-parti prattika tal-kors.

Universita' — Ħaddiema li siefru fuq xogħol

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ħaddiema ta' l-Universita', inklużi heads of department, professuri, lecturers, etc. siefru fuq xogħol matul is-sena 2004? Kemm minnhom siefru economy class, kemm club/business class?

Response (GALEA, LOUIS)

Ma nifhimx l-utilita' tat-tagħrif li jirrikjedi ċertu ħin biex jinġabar u għaldaqstant nitlob l-Onor. Membru jkun speċifiku jekk hemm xi kontroll li jaħseb li għandu jsir.

Skejjel ta' l-Istat/tal-Knisja — Facilitators

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm facilitators fl-iskejjel tal-gvern u tal-Knisja tul is-snin 1994 sa Diċembru 2004? Kemm kienet l-ispiża totali ta' dawn il-facilitators kull sena? Kemm hemm tfal fl-iskejjel governattivi u tal-Knisja li għandhom facilitator?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Universita' — Studenti li bbenefikaw mill-istipendju

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' studenti universitarji li bbenefikaw mill-istipendju fl-aħħar ħames snin (sena b'sena?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' studenti universitarji li bbenefikaw mill-għotja tal-manteniment fl-aħħar ħames snin akkademiċi kienu hekk :- Sena Skolastika Numru ta' Studenti Ottubru 1999 - Ġunju 2000 4218 Ottubru 2000 - Ġunju 2001 4573 Ottubru 2001 - Ġunju 2002 4705 Ottubru 2002 - Ġunju 2003 5034 Ottubru 2003 - Ġunju 2004 5280

Ċentru Malti tar-restawr — Studenti

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm studenti fiċ-ċentru Malti tar-restawr u x'inhuma l-korsijiet li qegħdin isegwu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li matul l-2004-2005, fiċ-Ċentru tar-Restawr l-istudenti kienu mqassmin kif ġej :- Korsijiet Vokazzjonali fir-Restawr tal-Ġebel (Heritage Skills Certificate Course) 42 Kors Preparatorju IKONOS 179 B.Cons. (4 minnhom iggradwaw f'Novembru) 33 M.Cons. 5 Ph.D. 1 Kors fil-Kura tal-Patrimonju (Certificate Course in Caring for Your Treasures & Historic Buildings) 21 Total 281

MCAST — Studenti

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li sal-lum l-istudenti li jattendu l-MCAST, speċjalment dawk li qed jattendu l-MCAST ġewwa n-Naxxar, għadhom ma tħallsux l-istipendju dovut lilhom ta' Diċembru/Jannar, meta ntqal lilhom li dan kien se jingħatalhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-istipendju dejjem jitħallas b'xahar lura biex tinħadem fuq l-attendenza. Skond l-iskeda uffiċjali l-istipendju dovut lill-istudenti ta' Diċembru 2004 jitħallas fit-28 ta' Jannar 2005 u l-istipendju dovut lill-istudenti għal Jannar 2005 jitħallas fil-25 ta' Frar 2005.

Impjiegi — Nies qiegħda

Question

Billi qed isiru ħafna allegazzjonijiet f'ċerti oqsma tal-gazzetti lokali, jista' il-Ministru jagħti rendikont ta' kemm kienet ir-rata u l-ammont tan-nies qiegħda fi żmien is-sentejn ta' gvern Laburista bejn l-1996 u l-1998?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li nill-istatistika li żżom l-ETC jirriżulta li r-rata u l-ammont tan-nies li kienu jirreġistraw għax-xogħol fi żmien is-sentejn ta' amministrazzjoni Laburista bejn l-1996 u l-1998 kienu hekk :- Diċembru Ammont tan-nies qiegħda Rata tan-nies qiegħda 1996 7072 5.0% 1997 7693 5.5% 1998 7910 5.6%

UE — Programmi edukattivi u kulturali

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hu kkalkolat li qegħdin jattendu studenti Maltin fl-isferi kollha tal-qasam edukattiv fil-programmi edukattivi u kulturali ta' l-Unjoni Ewropea?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li huwa kkalkolat li mill-Programm Socrates attendew 108 studenti mill-iskejjel Primarji, Sekondarji u Post-Sekondarji fuq proġetti approvati mill-Programm Comenius u 102 studenti pparteċipaw fil-Programm Erasmus matul l-ewwel semestru ta' din is-sena skolastika. Aktar studenti mistennija jipparteċipaw fil-Programm Erasmus matul it-tieni semestru ta' din is-sena skolastika pero dan in-numru għadu mhux definit. Ninsab informat ukoll li t-total sa issa jammonta għall-210 studenti mill-iskejjel Primarji, Sekondarji, Post-Sekondarji u Terzjarji.