Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 26626?
Response (GALEA, LOUIS)
Kopja tal-ftehim iffirmat bejn id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u l-MITTS dwar l-għoti ta' aċċess għall-Internet fl-iskejjel tal-Gvern qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm skejjel din is-sena li matul is-sajf se jikru parti mill-faċilitajiet tagħhom lill-organizzazzjonijiet li jgħallmu l-Ingliz lill-barranin? Liema huma dawn l-iskejjel? F'kull każ x'faċilitajiet se jikru? Lil min se jikruhom? B'liema rata ta' ħlas f'kull każ?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub ma laħaqx wasal fil-Ministeru fil-ħin meħtieġ biex jintbagħat fl-Uffiċju ta' l-Iskrivan tal-Kamra, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kif qed jiġu stabbiliti r-rati ta' ħlas li qed jintalbu mill-kapijiet ta' skejjel lill-organizzazzjonijiet li jikru klassijiet u uffiċini mill-iskejjel biex jgħallmu l-Ingliz lill-barranin?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub ma laħaqx wasal fil-Ministeru fil-ħin meħtieġ biex jintbagħat fl-Uffiċju ta' l-Iskrivan tal-Kamra, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm iltaqa matul din is-sena skolastika l-kumitat li twaqqaf ma' l-iskejjel tal-knisja biex jiddieċiedi x'għandu jsir dwar studenti li s'issa kien qed jitneħħew mill-iskejjel tal-knisja u jintbagħtu fi skejjel tal-Gvern? X'deċiżjonijiet ħa dan il-kumitat?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Kumitat imsemmi mill-Onor. Membru iltaqa' b'kollox 6 darbiet iżda għadu ma wasalx biex jikkonkludi r-rapport għalkemm sar ħafna xogħol.
Jista' l-Ministru jara x'passi ttieħdu u x'prevenzjonijiet ser jittieħdu sabiex l-istudenti subien li jattendu l-iskola li tinsab viċin il-power station tal-Marsa ma jibqgħux soġġetti għall-irwejjaħ u gassijiet emessi, tant li kellhom jiġu evakwati u meħuda Ta' Qali darbtejn f'dawn l-aħħar ġranet?
Response (GALEA, LOUIS)
Id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni issegwi din il-kwestjoni b'mod regolari sew ma' l-awtoritajiet tas-saħħa pubblika u ta' l-ambjent kif ukoll mal-Korporazzjoni Enemalta nnifisha.
Jista' l-Ministru jgħid jekk mill-1995 kienx hawn kapijiet ta' skejjel primarji u sekondarji ta' l-Istat li ngħataw cultural leave"? Jekk fl-affermattiv jista' jgħidilna min huma dawn il-kapijiet, ta' liema skola kienu kapijiet meta ngħataw il-cultural leave, is-sena meta ngħataw il-leave u għal kemm-il xahar?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li kull talba għal 'cultural leave' li tirċievi din id-Diviżjoni tintbagħat b'rakkomandazzjoni lid-Dipartiment tal-Kultura li wara li jkunu tawha l-'clearace' jgħaddu t-talba lill-Management and Personnel Office għall-approvazzjoni.
Kull impjegat għandu d-dritt għal massimu ta' għaxart ijiem biss (ġranet ta' xogħol) 'cultural leave' f'kull sena kalendarja.
Minn verifika tar-'records' tal-Kapijiet ta' l-iskejjel instab li tnejn minnhom għamlu użu minn 'cultural leave' mill-1995. Dawn huma:
Joseph Huber - Skola Primarja Xagħra - mill-4 sas-6 ta' Novembru 1998
Carmel Gatt - Skola tal-Mużika Johann Strauss - mill-10 sa' l-14 ta' Novembru 1997.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari nru. 26606?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba hi kif se nsemmi:
Dipartiment/ Avukati/Ditti ta' Retainers/terms tal-
Entita` Avukati Kuntratt
Fondazzjoni għall- Dr Hugh Peralta LL.D. Lm300 fis-sena
Istudji Internazzjonali
Public Broadcasting Dr Joseph Refalo Lm 1000 fis-sena
Services
Mediterranean Dr Tonio Grech Lm 2,500 fis-sena - kuntratt
Conference Centre ta' 5 snin.
Jista' l-Ministru jifli l-possibbilta' li jsir monument għal Gran Mastru de la Valette fil-Belt Valletta?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-proposta ser tiġi konsidrata flimkien ma' diversi entitajiet pubbliċi oħra fid-dawl tal-proġett ta' Bieb il-Belt u ċ-Ċentru Nazzjonali ta' l-Arti li ser jinbena fuq is-sit tat-Tejatru Rjal.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kopja tal-ftehim li ġie milħuq bejn il-ministeru, jew id-diviżjoni ta' l-edukazzjoni, u l-istudenti universitarji dwar ix-xogħol fis-sajf?
Response (GALEA, LOUIS)
Ma jeżisti ebda ftehim li ntlaħaq bejn il-Ministeru jew id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u l-istudenti universitarji dwar ix-xogħol tas-Sajf u li jista' jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Din is-sena, il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni, permezz tal-Bord tal-Manteniment lill-Istudenti, li qed jagħmel hu li jiffaċilita l-ingaġġ ta' studenti universitarji li urew ix-xewqa li jaħdmu fis-sajf, f'postijiet offruti minn dipartimenti tal-gvern, korpi parastatali u kumpanniji privati.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm kwotazzjonijiet għall-manutenzjoni fl-olympic diving stand fil-pixxina nazzjonali, Tal-Qroqq? Min intgħażel u kemm kienet l-offerta tiegħu? X'kienu l-offerti l-oħra li ġew mitfugħa?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub ma laħaqx wasal fil-Ministeru fil-ħin meħtieġ biex jintbagħat fl-Uffiċju ta' l-Iskrivan tal-Kamra, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm offerti għal xogħlijiet fil-Marsa, avviż nru. CT41/2001? Jista' jgħid min intgħażel, kemm kienet l-offerta u x'inhuma r-raġunijiet l-oħra li dan intgħażel? Jista' jgħid kemm kienu l-offerti l-oħra?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub ma laħaqx wasal fil-Ministeru fil-ħin meħtieġ biex jintbagħat fl-Uffiċju ta' l-Iskrivan tal-Kamra, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu u tas-segretarjat parlamentari għall-isport li bħalissa qegħdin jittieħdu passi kriminali mill-pulizija kontrihom? Fejn jaħdmu? X'inhi r-raġuni li dawn ma tteħdux passi dixxiplinari interni fiċ-Ċivil kontrihom (anke quddiem il-PSC) minflok proċeduri kriminali? Fuq talba ta' min qed isiru l-passi kriminali kontrihom?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub ma laħaqx wasal fil-Ministeru fil-ħin meħtieġ biex jintbagħat fl-Uffiċju ta' l-Iskrivan tal-Kamra, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'miżuri ta' safety ittieħdu min meta beda xogħol ta' kostruzzjoni fil-Fellenberg biex jissalvagwardja s-saħħa ta' l-istudenti u l-għalliema?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-għalliem inkarigat mis-Saħħa u s-Sigurta` ġewwa l-Istitut tal-Fellenberg flimkien ma' l-awtoritajiet qegħdin kontinwament jimmoniterjaw is-sitwazzjoni. Fejn tinħass il-ħtieġa jsir ippjanar ta' xogħol mal-kuntrattur u jittieħdu l-passi kollha meħtieġa sabiex l-għalliema, studenti, viżitaturi eċċ., ikunu mħarsa minn kull periklu.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 26419 dwar kemm kien hemm uffiċjali pubbliċi minn skala 5 il fuq kif wkoll konsulenti mal-Gvern illi mill-ewwel ta' Jannar 2001 ġew mogħtija jew żieda f'xi allowance jew xi allowance ġdid kompletament u x'pozizzjoni qed jokkupaw dawn l-uffiċjali. Jista' jwieġeb din il-mistoqsija b'riferenza għad-dipartimenti w entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid min huma dawn l-uffċijali? Kemm ingħatat żieda jew kemm hija l-allowance l-ġdida għal kull uffiċjal? X'inhija r-raġuni għal din iż-żieda jew allowance li qed tingħata għal kull uffiċjali?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid min huwa responsabbli bħalissa għat-tmexxija ta Dar il-Konferenzi għall-Mediterran? Jekk hemm bord tat-tmexxija minn min huwa kompost?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-Bord tat-Tmexxija huwa kompost minn:
· Dr Peter Fenech MA (Sussex) LL.D. - Chairman
· Major Alfred Cassar Reynaud - Deputy Chairman
· Mr Eugenio Privitelli MBA BA (Hons) ACCY MIA
CPAA AIDPM - Board Secretary
· Dr Conrad Thake BA (Hons (Econ) PhD - Member
· Dr Joseph P. Farrugi B.A. Hons (Econ) PhD - Member
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-persuna li d-dettalji tagħha qegħdin jingħataw separatament li ilha sentejn taħdem bħala purtinara part-time fl-iskola primarja ta' Ħaż-Żebbuġ hijiex se ssir full-time?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-applikazzjoni maħruġa fil-Gazzetta tal-Gvern għal ingaġġ ta' purtinara-każwali tipprovdi biss għal impjegati part-time.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 26584?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 23575.
Informat li mid-data ta' din ir-risposta waslna fi stadji varji tax-xogħlijiet ippjanati għas-sena kalendarja 2001. Din li se nsemmi hi lista ta' dawn ix-xogħlijiet.
Rampi
Xogħlijiet kompluti
Skola Primarja ta' Raħal il-Ġdid Lm 192
Xogħlijiet kważi kompluti
Skola Primarja tal-Ħamrun Lm3,899
Skola Primarja Sant Iermu l-Belt Lm8,052
Xogħlijiet li dalwaqt jibdew
Skola Sekondarja tal-Gżira Lm14,021
Skola Primarja Marsa Lm 7,362
Skola Sekondarja Subien Marsa Lm 2,745
Liċeo Sen Ġużepp Raħal il-Ġdid Lm 5,479
Skola Primarja Sliema Lm 4,634
Skola Primarja B'Bugia 'A' Lm 9.057
Skola Primarja B'Bugia 'B' Lm 4,290
Skola Primarja Senglea Lm 2,255
Skola Primarja Naxxar Lm 2,203
Lifts u Lift Shafts
Fir-rigward ta' lifts u lift shafts id-Diviżjoni ħadet ħsieb tmexxi għall-publikazzjoni tlett sejħiet għall-offerti għax-xogħlijiet li se nsemmi:
Kostruzzjoni u tlestija ta' lift shafts Lm19,539
u kmamar għall-magni ta' dawn il-
lifts f'diversi skejjel.
Din l-offerta għalqet imma kellha terġa toħroġ għaliex l-unika offerta li ġiet sottomessa kienet wisq għola mill-istima.
Provediment u installazzjoni ta' Lm17,955
passenger lift fl-iskejjel primarji u
sekondarji ta' Ħal-Tarxien
Din l-offerta mistennija tintrebaħ fi żmien qasir.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 26583, jista' issa jinforma ruħu x'kienu s'issa l-konkluzjoni tal-grupp li qed jaħdem fuq il-Gwida għall-Oppprtunitajiet Indaqs waqt l-eżamijiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bħalissa d-Direttur tal-Kurrikulu tinsab imsiefra u miniex f'pożizzjoni li ngħid x'deċiżjoni ħadet hi.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 26581?
Response (GALEA, LOUIS)
Id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni investigat. Informat li wara li d-Direttur Operations irċeviet ittra mingħand il-ġenituri tal-Kunsilli ta' l-Iskejjel A u B ta' B'Bugia, hija kellha laqgħat separati mal-ġenituri, mal-President u mas-Surmast u ma' l-aħħar tnejn flimkien. Minn dawn il-laqgħat ma deherx li kien hemm xi flus nieqsa.