Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #2620 Sitting 28 2013-06-10 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsilli Lokali – xogħlijiet fuq ġonna u spazji pubbliċi

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 1842, fejn fit-tabella ta' xogħlijiet li saru hemm miktub li ħaddiema tal-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura għamlu xi xogħlijiet jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk dan jgħoddx biss għall-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar jew inkella għall-kunsilli lokali kollha? F'kull każ jista' jagħti tagħrif dwar fiex kien jikkonsisti x-xogħol li sar mill-ħaddiema msemmija, fejn sar u kemm ġie jiswa dan l-istess xogħol? Min se jħallas għal dan ix-xogħol?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li saru biss xogħlijiet mill-ħaddiema tal-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura fiż-żona turistika ta’ San Pawl il-Baħar matul ix-xatt. Ix-xogħol imsemmi li kien jikkonsisti f’railings u pavimentar ġie jiswa €11,000. Il-Ministeru kopra l-ispejjeż tal-ħaddiema (labour costs) waqt li l-Kunsill ħareġ l-ispejjeż tax-xiri taż-żebgħa.
Leg 12 PQ #2621 Sitting 28 2013-06-10 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Lukanda Selmun Palace

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar il-pjanijiet tal-Gvern għal dik li kienet il-lukanda Selmun Palace?

Response (VELLA, KARMENU)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 2326.
Leg 12 PQ #584 Sitting 27 2013-06-05 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu — kiri ta' vetturi

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 39, jista' l-Ministru jgħid: a) min hu intitolat juża dawn it-tliet vetturi li nkrew mill-Ministeru tiegħu mill-11 ta' Marzu 2013; b) mingħand min qed isir dan il-kiri u b'liema rata ta' ħlas; u ċ) jekk din l-għażla saritx wara talba ta' quotations u jekk iva, ġietx magħżula l-orħos offerta?

Response (VELLA, KARMENU)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari 380.
Leg 12 PQ #797 Sitting 27 2013-06-05 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu — informazzjoni dwar vetturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk mal-ħatra tiegħu kellux informazzjoni dwar x'vetturi kellu tali Ministeru? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid jekk hux kull vettura nstabet u jekk kenitx f'kundizzjoni tajba?

Response (VELLA, KARMENU)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-vetturi kollha ħlief waħda tal-għamla Mercedes li ingħatat lil xi Ministru ieħor nstabu f’dan il-Ministeru. Vettura li ngħatat għall-użu tal-Ministru, tat-tip Jaguar u li qabel l-Elezzjoni kienet tintuża mill-Ministru Austin Gatt kienet fi f’kundizzjoni ħażina ħafna bi grif, ħmieġ fuq it-tapezzerija, kif ukoll daqqiet. Nstabu ukoll żewġ vetturi oħra fejn waħda minnhom kellha problemi mekkaniċi (minhabba li kienet vettura qadima) liema problemi diġà kienu eżistenti qabel, u issa qiegħda tiġi evalwata jekk din il-vettura għandiex tissewwa.
Leg 12 PQ #1443 Sitting 27 2013-06-05 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsilli Lokali — allokazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-allokazzjoni totali (kemm f' dik li hi allokazzjoni diretta, il-vot ta' servizzi għall-kunsilli lokali, il-vot ta' inizjattivi speċjali, il-vot għat-toroq u l-vot ta' kofinanzjament għal proġetti tal-Unjoni Ewropea), għal kunsilli lokali fis-sena 2009, 2010, 2011 u 2012?

Response (VELLA, KARMENU)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 12 PQ #1446 Sitting 27 2013-06-05 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsilli lokali – nefqa fuq libreriji

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm nefaq kull kunsill lokali matul is-sena 2012 fuq il-librerija lokali kemm fejn hemm libreriji li huma devoluti lill-kunsill lokali kif ukoll fejn hemm librerija li twaqqfet u hija operata mill-kunsill lokali?

Response (VELLA, KARMENU)

Qiegħed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba..
Leg 12 PQ #2325 Sitting 27 2013-06-05 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

San Pawl il-Baħar – Torri ta’ Wignacourt — tiswija

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jinbeda x-xogħol ta' restawr fuq it-Torri ta' Wignacourt f'San Pawl il-Baħar?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s-sejħa għall-offerti għar-Restawr tat-Torri ta’ Wignacourt flimkien mal-beach gun post li nstab matul ix-xogħlijiet fuq il-promenade giet ippubblikata fil-21 ta’ Mejju 2013 u tagħlaq fis-16 ta’ Lulju. Huwa maħsub li sabiex ma jinħoloqx inkonvenjent matul is-sajf, ix-xogħol ta’ restawr ma jibdiex qabel l-aħħar ta’ Settembru.
Leg 12 PQ #2326 Sitting 27 2013-06-05 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Lukanda Selmun Palace

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Gvern hux se jerġa' jibda juża l-lukanda Selmun Palace għal skop ta' turiżmu? Jekk iva, min hu mistenni li jibda jopera din il-lukanda u meta?

Response (VELLA, KARMENU)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministeru konċernat.
Leg 12 PQ #2475 Sitting 27 2013-06-05 Oral · Final From: KRISTY DEBONO To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu — servizz ta’ customer care

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hu jew id-dekasteru tiegħu hux qed jagħmlu kuntatt ma’ kunsilli lokali biex joffru servizzi ta’ customer care mill-uffiċċji tal-kunsilli lokali? Jekk iva, jista’ jindika ma’ liema kunsilli lokali sar dan il-kuntatt? Jekk fl-affermattiv jista’ jindika liema kienu dawk il-kunsilli lokali li rrispondew fil-pożittiv għal din it-talba? Liema rrispondew fin-negattiv u liema għadhom ma rrispondewx? Fil-lokalitajiet li rrispondew fil-pożittiv meta beda dan is-servizz? F’liema ħinijiet u f’liema ġranet qed ikun offrut dan is-servizz?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li la l-Ministeru, la s-Segretarjat Parlamentari u lanqas id-Dipartiment għall-Gvern Lokali ma għamlu t-tali kuntatt.
Leg 12 PQ #2550 Sitting 27 2013-06-05 Oral · Final From: ROBERT ARRIGO To: Ministeru għat-Turiżmu

Titjira tal-Air Malta — delay

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li t-titjira, li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, ġietx effettivament delayed minħabba l-persuna li dettalji dwarha ukoll qed jingħataw separatament? Jista’ jgħid jekk dan id-dewmien sewiex xi ħlasijiet żejda mill-Air Malta lill-ajruport Ingliż? Jista’ jgħid kemm ħallset il-persuna għal dan il-biljett fuq din it-titjira? Jista’ jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw ukoll separatament għadux qed jieħu ħsieb il-lukanda tiegħu fl-Ingilterra?

Response (VELLA, KARMENU)

Fir-rigward ta’ dan l-inċident, intalab rapport investigattiv wara li ġie ppreżentat rapport preliminari li jindika li d-dewmien fit-titjira ma kienx ikkawżat mill-persuna inkwistjoni. Dan id-dewmien ma kkawżax spejjeż addizzjonali għall-Air Malta. Il-biljett għat-titjira tal-persuna inkwistjoni inħareg skont ir-riżoluzzjoni 788 tal-IATA li titkellem dwar individwi li huma intitolati għall-trasport b’xejn jew skontat, eskluż l-ispejjeż tat-taxxi u dejjem subject to availability. Informazzjoni oħra mitluba hija ta’ natura personali.
Leg 12 PQ #2600 Sitting 27 2013-06-05 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Ministeru għat-Turiżmu

kunsilli lokali – impjieg ta’ persuni b’diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhu l-pjan tiegħu biex il-kunsilli lokali jkunu jistgħu jingħataw il-fondi neċessarji biex iħaddmu magħhom ħaddiema fl-iskema li timpjega ħaddiema li jkunu ilhom jirreġistraw mal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ (ETC) għal tal-inqas 6 xhur u jkunu jinsabu wkoll fuq r-reġistru tal-persuni b'diżabilità tal-Korporazzjoni? Jista’ l-Ministru jikkonferma li diġà saru l-interviews mill-kunsilli lokali u l-persuni b'diżabilità qed jistennew lill-kunsill li jkollu l-flus mill-Gvern biex jidħlu jaħdmu f'din l-iskema?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-iskema li qiegħed jirreferi għaliha kienet imħabbra mill-Ministeru għall-Familja u s-Solidarjeta Soċjali. Id-Dipartiment għall-Gvern Lokali kien qiegħed biss jikkordina. Għaldaqstant jekk l-Interpellant jixtieq informazzjoni aktar elaborata nitolbu jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.
Leg 12 PQ #2604 Sitting 27 2013-06-05 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għat-Turiżmu

In-Nadur (Għawdex) — Triq ir-Ramla- asfaltar

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2240 li saret lill-Ministru għal Għawdex u mistoqsija parlamentari 1974 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura u issa ġew riferuti lilu u ċjoè: Peress li r-residenti ta’ Triq Ramla in-Nadur, liema triq mhux dik li tieħu għar-Ramla imma li tmiss ma’ Triq Binġemma u hija parti mill-housing estate, ripetutament jilmentaw bl-istat ħażin tat-triq u hemm ħofor fondi, jista’ l-Ministru jara li titqaxxar l-art fejn hemm dawn il-ħofor u tiġi asfaltata dik il-parti?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tan-Nadur li l-Kunsill jagħmel patching regolari u kull meta jinħass il-bżonn, fit-triq li rreferiet għaliha l-Onorevoli Interpellant. L-aħħar patching ta’ din ix-xorta sar f’Mejju li għadda. Intant il-Kunsill Lokali reċentement ħareġ tender sabiex it-triq in kwistjoni tingħata wiċċ ġdid, madankollu nfurmat li l-Kunsill mhux f’pożizzjoni finanzjarja li jagħmel dan ix-xogħol.
Leg 12 PQ #510 Sitting 26 2013-06-04 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għat-Turiżmu

Notte Bianca — data

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li d-data tan-Notte Bianca għal din is-sena se tiċċaqlaq mill-aħħar Sibt ta' Settembru għall-ewwel Sibt ta' Ottubru? Jista' jagħti r-raġuni?

Response (VELLA, KARMENU)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-attivita’ Notte Bianca m’għandiex data fissa. Il-Ministeru iħoss li għandu jimmassimizza l-attivitajiet kulturali kemm dawk fuq skala lokali kif ukoll dawk fuq skala nazzjonali, għaldaqstant fiċ-ċirkostanzi, il-Ministeru iħoss li d-data tal-ewwel Sibt ta’ Ottubru hija l-aktar data idonja.
Leg 12 PQ #1098 Sitting 26 2013-06-04 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu — impjegati detailed

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm, u min huma, l-impjegati li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, jew xi dipartiment jew entità li taqa’ taħtu, li huma detailed, jew għandhom permess, sabiex jagħmlu xogħol ma' xi entità non-governattiva (NGOs), inkluż xogħol ma' trade unions? Fuq liema bażi qed isir dan ix-xogħol u x’inhuma t-termini ta’ żmien? X’inhi r-remunerazzjoni, jiġifieri l-paga, allowances, overtime u dħul ieħor, li kull wieħed minn dawn l-individwi qed jirċievi u min joħroġ tali salarju?

Response (VELLA, KARMENU)

L-Awtorità Maltija tat-Turiżmu għandha sebgħa persuni li bħalissa huma detailed jew li ghandhom permess jaghmlu xoghol ma’ entitajiet / organizzajonijiet ohra. Dettalji ta’ kull wiehed qedin fl-informazzjoni li ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #1099 Sitting 26 2013-06-04 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għat-Turiżmu

Segretarju Parlamentari għall-Kultura u l-Gvern Lokali — impjegati detailed

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm, u min huma, l-impjegati li jaqgħu taħt id-dekasteru tas-Segretarju Parlamentari għall-Kultura u l-Gvern Lokali, jew xi dipartiment jew entità li taqa’ taħtu, li huma detailed, jew għandhom permess, sabiex jagħmlu xogħol ma' xi entità non-governattiva (NGOs), inkluż xogħol ma' trade unions? Fuq liema bażi qed isir dan ix-xogħol u x’inhuma t-termini ta’ żmien? X’inhi r-remunerazzjoni, jiġifieri l-paga, allowances, overtime u dħul ieħor, li kull wieħed minn dawn l-individwi qed jirċievi u min joħroġ tali salarju?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Heritage Malta għandha persuna waħda li qiegħda fuq il-kotba tagħha imma li taħdem mal-Union Ħaddiema Magħqudin. It-terminu huwa mill-1 ta`Jannar 2013 sal-31 ta` Diċembru 2013. Il-paga hija ta’ €20,243 fis-sena u toħrog minn Heritage Malta. M’hemmx aktar ħaddiema fid-dipartiment u entitajiet taħt id-dekasteru konċernat li jaħdmu b’dawn il-kundizzjonijiet.
Leg 12 PQ #1344 Sitting 26 2013-06-04 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsilli Lokali — għajnuna għal-live streaming

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-kunsilli lokali hux se jingħataw għajnuna finanzjarja biex jkunu jistgħu jagħmlu live streaming tal-laqgħat tagħhom?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Kunsilli Lokali se jingħataw għajnuna finanzjarja biex ikunu jistgħu jagħmlu live streamin tal-laqgħat tagħhom.
Leg 12 PQ #1439 Sitting 26 2013-06-04 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsill Lokali — Għajnuna finanzjarja

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ħa kull kunsill lokali mis-somma ta' €200,000 li ġew imqassma kif spjegat fil-press release 934 maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni? Jista' l-Ministru jgħid taħt liema skema ġew imqassma dawn il-flus u meta ġiet imnedija kull skema li taħtha ngħatat din l-għajnuna? Jista' jelenka x-xogħol li għamel kull kunsill b'din l-għajnuna u meta tlesta l-istess xogħol?

Response (VELLA, KARMENU)

Qiegħed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 12 PQ #1440 Sitting 26 2013-06-04 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsilli Lokali – Għajnuna – Skemi ta’ aċċessibilità

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kunsilli lokali ġew megħjuna sena b' sena f' dawn l-aħħar ħames snin bl-iskemi biex itejbu l-aċċessibilità? Liema xogħol li wassal għal aktar aċċessibilità sar f' kull waħda minn dawn il-lokalitajiet li ġew megħjuna? Kemm kienet l-għajnuna mogħtija lil kull kunsill lokali sena b' sena fl-aħħar ħames snin taħt din l-iskema ta' aċċessibilità?

Response (VELLA, KARMENU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.
Leg 12 PQ #1441 Sitting 26 2013-06-04 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsilli Lokali – aċċessibilità

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-kunsilli lokali li l-uffiċċju tagħhom mhux aċċessibbli għal kulħadd skont il-linji gwida maħruġa mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b' Diżabilità? X'inhu jagħmel il-Ministeru biex jara li dawn l-uffiċċji frekwentati minn ħafna residenti jsiru aċċessibbli?

Response (VELLA, KARMENU)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 12 PQ #1442 Sitting 26 2013-06-04 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsilli Lokali – Skemi għal enerġija nadifa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kunsilli lokali ġew megħjuna sena b' sena f' dawn l-aħħar ħames snin bl-iskemi biex jsiru proġetti u inizjattivi ta' enerġija nadifa? Liema proġetti jew inizjattivi saru f'kull waħda minn dawn il-lokalitajiet li ġew megħjuna? Kemm kienet l-għajnuna mogħtija lil kull kunsill lokali sena b'sena fl-aħħar ħames snin taħt din l-iskema ta' enerġija nadifa? Kemm hu kkalkulat li tnaqqsu emissjonijiet permezz ta' dawn l-inizjattivi?

Response (VELLA, KARMENU)

Qiegħed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.