Legislature:
Category:
Reset
Active:

Tħaffir taż-żejt

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’ġara mit-tħaffir taż-żejt li kellu jsir 130 kilometru ’l barra mill-kosta ta’ Malta u li kellu jsir mill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Jista’ jgħid għaliex ma seħħx dak li kien qal hu fis-7 ta’ Marzu 2014 u ċjoè li fil-postijiet fejn se jsiru l-bjar, hemm ċans kbir li hemm ammont ta’ żejt fi kwantitajiet kummerċjali?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li t-tħaffir tal-bir Ħaġar Qim beda f’Mejju tas-sena li għaddiet u spiċċa f’Lulju. Kif diġa għidt f’okkażjonijiet oħra l-bir ġie abbandunat wara li laħaq il-fond kuntrattwali minħabba li ma kienx hemm indikazzjoni ta’ idrokarburi. Tajjeb niċċara dak li kont għidt jien fis-7 ta’ Marżu waqt il-konferenza organizzata minn ‘The Economist - Business Roundtable with the Government of Malta’. Jien kont għidt: “We have no doubt that the sedimentary basins offshore Malta possess good, drillable structures analogous with existing producing fields in the Central Mediterranean, and in these geological structures there is very probably petroleum in commercial quantities. The presence of these petroleum bearing structures can only be proven by drilling exploration wells’. Dan il-kumment ma kienx marbut speċifikament mal-bir Ħaġar Qim iżda kien kumment ġeneriku li juri li ġaladarba Malta hija imdawwra bi bjar li jipproduċu ż-żejt jew il-gass, u ġaladarba l-istess ġeoloġija testendi fl-ibħra Maltin hemm ċans kbir li anke fl-ibħra tagħna tinstab materja prima fi kwantitajiet kummerċjali. Fl-isfond tal-bir Ħaġar Qim jiena biss infurmajt lill konferenza li dalwaqt ser jitħaffer il-bir u irringrazzjajt lill kumpaniji għall-impenn tagħhom. Id-diskors tiegħi jinstab fuq is-sit elettroniku ta’ The Economist u qiegħed ukoll inpoġġi kopja tad-diskors fuq il-mejda tal-kamra. Barra minn hekk tajjeb li nirrepeti dak li jien kont għidt f’din il-Kamra nhar l’ 1 ta’ Diċembru 2014 rigward il-bir Ħaġar Qim, fejn jien kont għidt li “Minkejja li r-riżultat ta’ dan il-bir ma kienx wieħed pożittiv, il-Gvern ser ikompli bl-isforzi tiegħu biex jinkoraġġixxi kumpaniji taż-żejt jesploraw f’Malta. Biex inti ttella’ il-materja prima hemm bżonn li tħaffer iktar bjar u aħna qed nagħmlu minn kollox biex ikun hawn tħaffir ta’ iktar bjar, biex fl-aħħar il-materja prima titla”. Qiegħed inpoġġi kopja tad-diskors tiegħi fuq il-mejda tal-kamra.

Ftehim mal-Italja – tiftix għaż-żejt konġunt

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx jew jekk hux se jsir ftehim dwar tiftix għaż-żejt konġunt mal-Italja? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dan id-dokument?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li d-diskussjonijiet bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi għadhom għaddejjin.

Parking Policies

Question

B'referenza għall-artiklu li deher fuq it-Times Online nhar l-Erbgħa 21 ta' Jannar 2014, jista' l-Ministru jgħid x'konkluzzjonijiet wasal għalihom il-Gvern bħala reviżjonijiet li għandhom isiru fil-Parking Policy? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti kollha li jelenkaw il-proposti tal-Gvern? Jista' jagħti data indikattiva ta' meta jaħseb li se tibda l-implementazzjoni ta' din il-Parking Policy?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, kif ġie spjegat fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 12914, l-ewwel abbozz tal-parking policy il-ġdida hekk kif imfassal minn Transport Malta ġie konkluż. F’dan l-istadju, anki minħabba l-impatt li jista’ jkollu l-operat il-ġdid tat-trasport pubbliku, ġie deċiż li jitwaqqaf Interministerial Committee sabiex tiġi diskussa fid-dettal u b’mod lokalizzat kull proposta li ġiet mressqa minn Transport Malta. Wara li dan il-proċess jiġu konkluż, id-dokument se jiġi emendat skont ir-reviżjonijiet li jistgħu joħorġu mill-imsemmi Interministerial Committee, u sussegwentament tiġi finalizzata l-proposta tal-Gvern dwar il-Parking Policy.

Trasport pubbliku — rotot bil-minibuses

Question

Jista' l-Ministru jgħid fil-preżent, jiġifieri sad-data li qed issir din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il rotta ta' trasport pubbliku hemm li qegħdin isiru bil-minibuses? Jista' jgħid liema huma dawn ir-rotot?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li jien ninsab infurmat illi b’kollox hemm disa’ rotot li qegħdin jiġu operati permezz ta’ minibuses. Dawn huma is-segwenti: Numru tar-rotta Lokalitajiet 101 Manikata, Mellieħa, Ċirkewwa 102 Manikata, Mellieħa, Ċirkewwa 106 Mater Dei, B`Kara, Balzan, Attard, Ta' Qali, B'Kara 109 Baħrija, Rabat, Attard, Żebbuġ, Siġġiewi 122 Valletta, Floriana, Ħamrun, G'Mangia, Mater Dei 123 Valletta, Floriana, Ħamrun, Fleur De Lys, B`Kara, Swatar, Mater Dei 130 Valletta, Floriana, Valletta Waterfront 136 Valletta, Mater Dei, San Ġwann, Għargħur, Naxxar, Lija, B'Kara 401 Wardija, Burmarrad, Buġibba, Qawra

Siġġiewi – żona ta’ Kirċippu — nuqqas ta’ dawl f’bus stop

Question

Jista’ l-Ministru jara li ttieħdet azzjoni sabiex fil-bus stop fiż-żona ta’ Kirċippu fis-Siġġiewi jiġi installat dawl peress li preżentament m’hemmx dawl?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Il-Mellieħa – modifiki fis-sistema tat-traffiku ħdejn il-bus interchange

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kull korrispondenza li kien hemm bejn il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa u Transport Malta b’rabta mat-talba tal-istess kunsill sabiex tkun modifikata s-sistema tat-traffiku, fejn hemm il-bus interchange fil-Mellieħa, fiż-żona ta’ fejn qabel kien hemm l-istabbiliment tal-Belleview?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din it-talba kienet ġiet diskussa fl-ewwel minn sensiela ta’ laqgħat li kelli mal-Kunsill Lokali flimkien ma’ uffiċċjali minn Transport Malta.

Il-Mellieħa — bus interchange

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm pożizzjoni jew deċiżjoni min-naħa ta’ Transport Malta dwar it-talba li kien għamel il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, b’rabta mal-bus interchange (żona fejn qabel kien hemm il-Belleview) fl-istess lokalità fil-bidu tas-sena 2013?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi Transport Malta laqgħet it-talba illi kien għamel il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa u għaldaqstant ir-rotot kollha illi jgħaddu mill-inħawi mhux ser jibqgħu jagħmlu użu mill-Interchange tal-Mellieħa illi qiegħed fiż-żona fejn qabel kien hemm il-Belleview. Minnflok, ir-rotot ser jibdew jieqfu fi Triq il-Kbira kif kienu jagħmlu qabel ir-riforma tat-trasport pubbliku fis-sena 2011. Infurmat ukoll li ser isiru taħdidiet mal-operatur tat-trasport pubbliku bil-għan li dan it-tibdil jidħol fis-seħħ malajr kemm jista jkun.

Il-Mellieħa — Bus interchange

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-operatur il-ġdid tat-trasport pubbliku hux se jibqa’ jagħmel użu mill-bus interchange fil-Mellieħa, fiż-żona fejn qabel kien hemm l-istabbiliment tal-Belleview?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ingħatat f’ mistoqsija parlamentari numru 13845.

Il-Mellieħa – Manutenzjoni ta’ Triq il-Kortin

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li r-residenti li joqogħdu fi Triq il-Kortin, il-Mellieħa se jkollhom it-triq residenzjali tagħhom lesta b’wiċċ ġdid bit-tarmak matul is-sena 2015, liema triq kien inbeda l-proċess għall-bini mill-ġdid tagħha mill-amministrazzjoni preċedenti qabel l-2013 u li kienet tpoġġiet fil-lista ta’ toroq prijorità li kellhom isiru fil-Mellieħa?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill- Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 10962.

Ħal Qormi — Triq il-Ħammieri - culvert

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern huwiex beħsiebu jistalla culvert fi Triq il-Ħammieri Ħal Qormi li tagħti għall-Wied ta' Ħal Qormi minħabba l-ilmijiet kbar li jinżlu minn Triq il-Ħelsien u t-toroq tal-madwar?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li Triq Ħammieri hi waħda mit-toroq li tifforma parti minn kuntratt għal bini ta’ culverts ġewwa Ħal-Qormi.

Is-Siġġiewi – Triq li twassal għall-Malta Horse Sanctuary

Question

Jista’ l-Ministru jara l-possibbiltà li jiġi kkunsidrat l-użu ta’ fondi Ewropej jew dawk lokali sabiex titranġa t-triq li twassal minn Triq Lapsi (faċċata tad-Dar tal-Providenza) għall-Malta Horse Sanctuary, fil-limiti tas-Siġġiewi peress li t-triq qiegħda fi stat diżastruż, hija ta’ inkonvenjent għal dawk li jżuru il-Malta Horse Sanctuary?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, qed nifhmu li qed jirreferi għat-triq li mid-dar tal-Providenza tieħdok għaż-żona tal-qanpiena. Din it-triq mhiex parti mill-programm ta’ toroq rurali għall-aċċess tal-bdiewa u għaldaqstant fondi Ewropej minn dan il-fond ma jistgħux jintużaw. Fir-rigward ta’ fondi lokali, din la hi triq ġdida u lanqas qiegħda fl-iskema tal-MEPA u għaldaqstant xogħol f’din it-triq isir skont il-prijoritajiet li jirriżultaw.

Ħal Qormi — Triq l-Imdina - karreġġjata

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk Transport Malta għandhiex il-ħsieb terġa' tiftaħ il-karreġġjata li ngħalqet fi Triq l-Imdina Ħal Qormi? Sar xi studju dwar kif l-għeluq ta' din il-karreggjata affetwa t-traffiku f'din iż-żona?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li jien infurmat li l-intervent li sar fuq ir-roundabout ta’ Triq Manuel Dimech k/m Triq Mdina k/m Triq Ħal-Luqa kien pożittiv għax laħaq l-għan li jitnaqqsu l-inċidenti tat-traffiku fl-inkroċju bejn Triq Manuel Dimech k/m Triq Mdina (Marsa) u għaldaqstant l-intervent li sar mhux ser jitneħħa.

L-Imrieħel –bridge fil-bypass

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jinbeda x-xogħol ta’ bridge fil-bypass tal-Imrieħel? Kemm se jiswa u meta se jitlesta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li mistennija tinħareġ it- tender għall-imsemmi proġett fil-ġranet li ġejjin.

Proġett viċin iċ-Ċimiterju tal-Addolorata

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jinbeda x-xogħol fuq il-proġett ta’ ħdejn iċ-Ċimiterju tal-Addolorata? Kemm se jiswa u meta se jitlesta?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill- Onorevoli Interpellant tispeċifika jekk hiex qed tirreferi għall-proġett tal- Addolorata Junction.

Ħal Lija — xogħlijiet fuq triq

Question

Billi fl-inħawi fejn qed isir ix-xogħol fuq is-sistema tad-drenaġġ f'Ħal Lija, u b'mod partikulari fit-triq alternattiva li qed tintuża bħalissa matul it-triq prinċipali, it-triq li qed tintuża qatt ma kienet maħsuba għall-vetturi kbar, bil-konsegwenza li l-istess triq sfrundat f'diversi partijeit tagħha, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessaarji biex din il-parti tat-triq li minnha għaddej it-traffiku preżentement, tiġi mogħtija wiċċ ġdid billi qed tkun sors ta' ħsarat lil bosta vetturi li jgħaddu minnha?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li la darba x-xogħol li qed isir f'parti minn Triq in-Naxxar , Lija / Iklin mill-WSC u dak li qed isir b'relazzjoni man-National Flood Releif Project (NFRP) jitlesta, Transport Malta ser tkun qiegħda tagħmel resurfacing ta’ din il-parti tat-triq. Xogħlijiet oħra jsiru skont il-prijoritajiet li jirriżultaw.

Transport Malta — Kuntratt

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt, jew kopja tiegħu, li Transport Malta iffirmat mal-Autobuses Urbanos de Leon u li, kif jiftakar il-Ministru stess, fl-ewwel jiem ta’ Jannar 2015 hu kien wiegħed li jqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra appena l-Kamra tirriżumi xogħolha fit-tieni ġimgħa ta’ Jannar 2015?

Response (MIZZI, JOE)

Inserraħ ras l-Onorevoli Interpellant li kopja tal-kuntratt mitlub ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Inserraħlu rasu ukoll li jien niftakar sew x’ inkun għidt, daqs kemm niftakar sew li l-kuntratt li sar mal-kumpanija Arriva Malta Ltd ħa kważi ħdax-il xahar biex tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra minn meta kien ġie iffirmat. Infakkru li l-kuntratt kien ġie iffirmat nhar l-20 ta’ Novembru 2010 u tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra nhar it-3 t’Ottubru tas-sena ta’ wara. Infakkru ukoll li dan il-kuntratt kien tpoġġa fuq il-Mejda b’ xi informazzjoni imneħħija minnu hekk kif stqarr l-istess Ministru responsabbli mit-trasport ta’ dak iż-żmien. Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi għall-Mistoqsija Parlamentari numru 27764 ta’l-aħħar leġiżlatura biex jivverifika dan kollu. Madankollu nerġa inserraħ ras l-Onorevoli Interpellant li l-kuntratt mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra fil-mument opportun, ġaladarba l-poplu jkun infurmat sew b’dak kollu li jirrigwarda l-operat il-ġdid tat-trasport pubbliku. Għal dan il-għan f’ Marzu li ġej ser titniehda kampanja estensiva ta’ informazzjoni. Qed nagħmlu l-affarijiet kif għandhom isiru, biex ma nirrepetux l-istess żbalji li saru mill-Gvern preċedenti fil-perjodu meta l-Arriva ħadet f’ idejha l-operat tat-trasport pubbliku f’pajjiżna fl-2011. Għaldaqstant nixtieq infakkar ukoll lill-Onorevoli Interpellant fil-kampanja negattiva li ilha għaddejja min-naħa tal-Oppożizzjoni li l-uniku għan tagħha, kien u għadu, li tiżra’ d-dubji fost il-poplu. Infakkru fl-istorja maħluqa mill-Oppożizzjoni dwar ir-raġuni li wasslet lill-Arriva biex twaqqaf l-operat tagħha ġewwa pajjiżna. Infakkru li l-kumpanija Arriva kienet talbet €45 miljun f’sussidju biex topera rotot proposti mill-Gvern preżenti, liema rotot ser jiġu maħduma mill-operatur il-ġdid b’sussidju ta’ €29 miljun. Konna wasalna f’punt fejn l-Arriva Malta Ltd. riedet li tillikwida l-kumpanija. Għaldaqstant aħna għamilna dak kollu possibli sabiex impedejna milli dan iseħħ billi xtrajna il-kumpanija għal Euro u waqqafna kumpanija tranżitorja, il-Malta Public Transport Services Ltd. sakemm jintagħżel l-operatur il-ġdid. B’hekk salvajna l-impjiegi tal-ħaddiema u bqajna noffru servizz ta’ trasport pubbliku aħjar minn dak li sibna. Saret kritika distruttiva għall-aħħar min-naħa tal-Oppożizzjoni, minkejja li kull statistika miġbura kienet turi mod ieħor, fil-perjodu li l-operat tat-trasport pubbliku kien f’idejn il-kumpanija tal-Gvern. Matul dan il-perjodu kien hemm żieda fil-passiġġieri li jużaw it-trasport pubbliku, żieda fil-bejgħ ta’ biljetti, kif ukoll żieda fil-manutenzjoni tal-karozzi li wasslet għal inqas inċidenti. Rajna ukoll tnaqqis drastiku fl-ilmenti. Akkużaw lill-MPTS li kienet waqqfet ċertu Night Routes, meta fil-fatt dawn kienu twaqqfu żmien qabel, meta t-trasport kien għadu f’ idejn l-Arriva. L-istess ġara meta l-Arriva, f’lejliet l-ewwel tas-sena, fl-aħħar jiem tal-operat tagħha f’ pajjiżna, talbet €5 għal kull vjaġġ . Li ma qalitx l-Oppożizzjoni hu li l-ftehim iffirmat mill-istess Oppożizzjoni, dak iż-żmien fil-Gvern, kien jippermetti li jsir dan. Infakkru ukoll fl-istorja mibnija mill-Oppożizzjoni fir-rigward tal-kumpanija Skoċċiża McGill’s li qalu rtirat l-interess tagħha minħabba l-intoppi li sabet min-naħa tal-Gvern. Infakkar li meta l-kumpanija McGill’s kienet bagħtet rappreżentanti tagħha ġewwa pajjiżna biex jagħmlu laqgħat max-xufiera, il-Partit Nazzjonalista kien ipprova jagħti l-impressjoni li l-Gvern żamm din il-laqgħa mistura. Dan meta il-Ministeru tiegħi lanqas biss kien jaf b’din il-laqgħa aħseb u ara kemm stajna konna involuti f’din l-istess laqgħa. L-istess Partit Nazzjonalista kien qal li b’ McGill’s f’ Malta, kien ser ikollna Arriva oħra, u dan minħabba l-fatt li d-direttur maniġerjali ta’ din il-kumpanija qabel kien jaħdem mal-Arriva. L-istess ġara fil-konfront tal-kumpanija National Express. Il-Partit Nazzjonalista anke f’ dan il-każ, permezz tal-kelliema tiegħu, qal li kien diffiċli li taħdem mal-Gvern u li l-istess Gvern kien qed juża politika ta’ ħabi. Kontradizzjoni fl-għola livell, meta tqis li l-kumpanija li illum qed tmexxi t-trasport pubbliku f’ pajjiżna hija kumpanija sussidjarja ta’ l-istess National Express . Kampanja negattiva saret ukoll fuq żjara ta’ verifikazzjoni li saret ġewwa Spanja fuq l-operat tal-kumpanija Autobuses de Leon, bi klawsola fl- Expression of Interest kienet tippermetti li jsir dan. U dan sar peress li d-differenza fit-talba għas-sussidju mill-kumpanija Arriva, dik Spanjola u dik Maltija kienet waħda sostanzjali. Filwaqt li l-iSpanjoli talbu sussidju ta’ 29 miljun ewro, it-talba tal-Arriva kienet ta’ 45 miljun ewro u tal-Maltin kienet ta’ 40 miljun ewro. Ridna nivverifikaw li din id-differenza fit-talba ma jkolliex impatt negattiv fis-servizz offrut. L-Oppożizzjoni mill-ewwel ħarġet bl-attakki tagħha fuq din il-kumpanija Spanjola biex ibeżżgħu lill-poplu, fosthom li din hija kumpanija provinċjali u tħaddem ftit nies. Beżżgħu li ser ikun hemm tkeċċija ta’ ħaddiema mill-istess Spanjoli, kif ukoll li l-impjiegi tal-Maltin kien ser jiġi meħud mill-ħaddiema Spanjoli, meta l-fatti qed juru mod ieħor. Mhux talli ma tkeċċewx ħaddiema, iżda qed isiru sejħiet biex jiġu ingaġġati aktar ħaddiema ma’ dawk li diġa’ hemm. U l-Oppożizzjoni bl-aġir tagħha qed tkompli tippersisti bin-negattivita’ tagħha. Tant hu hekk, li ftit jiem ilu, fi programm fuq l-istazzjon televiżiv nazzjonali, waqt diskussjoni li kont preżenti għaliha jien, kien hemm rappreżentanta tal-Partit Nazzjonalista li ppruvat tiżvija u titfa’ d-dubji, speċjalment fejn jidħlu t-tariffi l-ġodda li ser jiġu introdotti f’ Lulju li ġej. Biex is-servizz u l-effiċjenza tat-trasport pubbliku tkompli titjieb il-Gvern ser jibqa’ impenjat li jnaqqas l-inkonvenjent ikkawżat mill-konġestjoni tat-traffiku. Anke hawn, l-Oppożizzjoni ma għamlitx dmirha sewwa kif kien mistenni li tagħmel. Bil-ftuħ ta’ Dock 7, indirizzajna b’mod konkret il-problema tat-traffiku fin-naħa t’ isfel ta’ Malta. Iżda anke hawn, l-Oppożizzjoni beżżet lill-poplu biex ma jużax Dock 7 għax skont huma, il-karozzi li kienu ser jagħmlu użu mid-Dock, ma kienux inxurjati. Baqgħu jinsistu li l-Bendy Buses għandhom jibqgħu jiċċirkolaw fit-toroq tagħna, meta kienu jafu li dawn kienu wieħed mill-fattur li kien qed jikkawża il-konġestjoni fit-traffiku, apparti l-inċidenti ta’ ħruq li kellhom l-istess karozzi, b’sogru għall- passiġġieri u għal sewwieqa oħra. L-istess Kap tal-Oppożizzjoni akkużana li s-sitwazzjoni tat-traffiku kienet marret għal agħar, iżda meta mistoqsi xi ħsieb għandu kif jista’ jsolvi din il-problema, it-tweġiba tiegħu kienet li hu qiegħed fl-Oppożizzjoni u r-risposti għandhom jiġu mingħand il-Ministru responsabbli u mhux mingħandu. Dan kollu juri li l-għan ewlieni tal-Oppożizzjoni kien li tfixkel il-ħidma tal-Gvern biex jinstab operatur ġdid tat-trasport pubbliku , minflok li tagħti is-sehem tagħha, kif kellha d-dmir li tagħmel. Kumbinazzjoni waqt id-diskors tal-budget, dak inhar il-UBS għamlu talba għall-mandat li temporanjament kien ġie milqugħ. Fil-bidu tas-seduta, l-Oppożizzjoni dehret sodisfatta li kien sar dan il-mandat, meta jien lanqas biss kont għadni naf li sar. Dan seta’ ipperikola il-ftehim milħuq mal-operatur il-ġdid. Tajjeb li nfakkar ukoll li dan il-mandat inqata’ favur il-Gvern, bl-Oppożizzjoni ma tantx turi li hija sodisfatta b’ din id-deċiżjoni. Madankollu, il-ħidma tal-Gvern kompliet għaddejja minkejja dawn l-intoppi kollha. Fassalna rotot ġodda wara konsultazzjoni miftuħa mal-pubbliku u mal-kunsilli lokali kollha, u dan mingħajr ma tfajna piż żejjed fuq il-poplu. Ħaddieħor nefaq miljun ewro fuq kampanja ta’ konsulenza u informazzjoni li wasslet biss għal kaos fil-pajjiż. Illum pajjiżna għandu operatur tat-trasport pubbliku ġdid u jien bħala Ministru ser nesiġi li l-istess operatur jimxi mal-ftehim biex ikollna servizz li jkun aċċettat mill-poplu Malti u Għawdxi kollu minkejja d-diffikultajiet li sibna.

Il-Mellieħa – iż-żona tal-Għadira — proġett

Question

Jista' l-Ministru jindika jekk hemmx deċiżjoni dwar liema proġett se jiġi attwat għaż-żona tal-Għadira fil-Mellieħa anke għall-fatt tal-ħsara li qed issir lill-bajja ma' kull ġurnata li tgħaddi?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jispeċifika għal-liema proġett qiegħed jirreferi.

Malta Public Transport Services Ltd – company secretary

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi kwalifiki u esperjenza għandu l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament sabiex inħatar company secretary tal-kumpanija tal-Gvern Malti Public Transport Services Ltd f’Novembru 2014? Jista’ jgħid x’remunerazzjoni għandu għal din il-funzjoni?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kwalifiki u l-esperjenza li għandu l-individwu li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament huma dawk meħtieġa biex iservi fil-ħatra ta’ company secretary tal-Malta Public Transport Services Ltd.

Ħal Tarxien – Xogħlijiet fuq triq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi n-natura tax-xogħlijiet li saru dan l-aħħar fit-triq li minn Ħal Tarxien tieħu għal Bulebel u jgħid jekk il-Gvern hux beħsiebu jasfalta din it-triq sakemm tibqa’ tagħti għaż-Żejtun u anke għal Tal-Barrani peress li tinsab fi stat diżastruż? Jista’ jgħid jekk humiex se jittieħdu passi biex dik il-parti ta’ din it-triq li toħroġ għal Tal-Barrani tingħata d-dawl peress li kontinwament tintuża aktar bħala miżbla b’mod abbużiv milli bħala triq?

Response (MIZZI, JOE)

Nifhem li għall-ewwel parti tal-mistoqsija, fejn l-Onorevoli Interpellant qed tistaqsi dwar xogħlijiet li saru riċenti, qed tirreferi għal Triq San Anard, Tarxien. Dawn huma xogħlijiet li saru minn entita’ privata. Fir-rigward ta’ asfaltar ta’ toroq arterjali u distributorji, ix- xogħol isir skont il-prijoritajiet tar-reġjun. Filwaqt illi fil-każ tad-dawl fi Triq li miż-Żejtun toħorgok għal tal-Barrani, qed nifhem li qed tirreferi għal Triq il-25 ta’ Novembru. Din it-triq ma taqax taħt ir-responsabilta’ ta’ Transport Malta u għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Interpellant tirreferi din il-parti tal-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

San Pawl il-Baħar – speed bumps/sleeping police

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru speed bumps/sleeping police f’San Pawl il-Baħar mill-2013 sad-data li titwieġeb din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jikkonferma li dawn l-ispeed bumps/sleeping police f’San Pawl il-Baħar huma kollha legali?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li jien ninsab infurmat li, minn riċerka li saret fl-arkivji tal-Awtorita’ tat-Trasport, irriżulta li ma ġew approvati l-ebda round topped road humps fis-sena 2013, ġiet approvata round topped road hump waħda fi Triq Konventwali fis-sena 2014 u ma ġiet approvata l-ebda round topped road hump fis-sena 2015. Il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar jimplimenta tali round topped road humps wara li dawn jiġu approvati mill-Awtorita’ tat-Trasport.