Legislature:
Category:
Reset
Active:

Affarijiet Rurali u Ambjent — Karozzi tal-gvern

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hu l-ammont ta' karozzi tal-gvern li qegħdin jintużaw mid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Kemm minn dawn huma government owned u kemm huma mikrija? Fil-każ ta' dawk mikrija, jista' jgħid kemm huma mikrija u jekk humiex leased on contract? Min qed jagħmel użu minn dawn il-karozzi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ karozzi wżati mid-Diviżjonijiet/Dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent huma ta’ tnejn u ħamsin (52). Minn dawn erbgħa u għoxrin (24) huma Government-owned waqt li tmienja u għoxrin (28) huma mikrija. Fil każ tal-karozzi mikrija il-prezz huwa hekk: · Sebgħa u għoxrin (27) bit-Lm3.66 kuljum (inkluż il-V.A.T.) · Waħda (1) bil-Lm5.50 kuljum (inkluż il-V.A.T.) Il-karozzi huma wżati kif jidher hawn taħt: Diviż joni/Dipartiment Numru ta’ Karozzi Government-owned Numru ta’ Karozzi Mikrija Policy & Planning 1 0 Office of Review 1 0 Corporate Services Department 3 0 Taqsima tas- Servizzi Agrikoli u Żvilupp Rurali - Dipartiment ta’ l-Agrikoltura 11 16 Taqsima tas-Servizzi Agrikoli u Żvilupp Rurali – Plant Health Department 1 4 Taqsima ta’ l-Ikel u Attivita’ Veterinarja 2 8 Taqsima għall-Konservazzjoni u Kontrol tas-Sajd 5 0 Total 24 28

UE — Standards ambjentali

Question

Jista' il-Ministru jgħid xi studji jew kalkoli saru meta l-gvern Malti ddetermina li Malta tista' tiffranka bejn 24m euro u 130m euro jekk tapplika l-istandards ambjentali tal-UE?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-istudju li qed jirreferi għalih, jiġifieri “The Benefits of Compliance with the Environmental Acquis for the Candidate Countries” inħadem mill-Kummissjoni Ewropea għal kull pajjiż kandidat u jinstab fuq il-link http://europa.eu.int/comm/environment/enlarg/benefit_en.htm. Dan l-istudju jispjega fid-dettal kif ic-cifra ta’ bejn 24m u 130m euro ġiet maħduma.

MEPA — Twaħħil ta' antenna tat-telefon ċellulari

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-policy tal-MEPA meta tapprova li titwaħħal antenna tat-telefon ċellulari fuq bjut ta' djar privati? Tingħata konsiderazzjoni ta' dak li jgħid il-kunsill lokali u ċ-ċittadini fl-inħawi? Għaliex xorta ngħata permess li titwaħħal antenna simili fuq bejt ta' dar privata fi Triq Sant'Andrija, f'Ħal Lija minkejja oġġezzjoni f'waqtha tal-kunsill lokali? Jista' jassigura li fejn twaħħlet din l-antenna m'hemm l-ebda possibbilta' ta' ħsara lis-saħħa tan-nies speċjalment meta ftit metri 'il bogħod hemm skola tal-kindergarten?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li dwar applikazzjoni għall-antennas tat-telefon cellulari, il-MEPA tikkonsidra l-impatt estetiku ta’ dawn l-antennas kif ukoll kull materja oħra ta’ ppjanar ambjentali. Fil-fatt il-MEPA tikkonsidra kull kumment li tircievi mill-pubbliku u Kunsilli Lokali dwar kull applikazzjoni li jkollha. Il-permess f’dan il-każ ingħata b’kundizzjoni li jkun hemm l-approvazzjoni tad-Dipartiment tas-Saħħa.

Sussidji — UE - Sajjieda

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 432, jista' il-Ministru jgħid kif ingħata s-sussidju marbut ma sħubija fl-Unjoni lis-sajjieda part-time u full time? Kemm ibbenefikaw f' kull każ u kemm tqassmu flus?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nixtieq ninfurma lill-Onorevoli Interpellant li l-principju fundamentali għas-sajd fiż-żona ta' konservazzjoni ta' 25 mil huwa li jsir sajd kostali minn dghajjes li mhumiex ikbar minn 12-il metru, minn dawk il-bastimenti rreġistrati mad-Diviżjoni tas-Sajd u Konservazzjoni, b’eccezzjonijiet fuq it-tkarkir, is-sajd tal-lampuki u l-lampara. Biex jikkompensa lil dawk is-sajjieda Maltin u Għawdxin li se jintlaqtu b'xi waħda jew oħra minn dawn il-kundizzjonijiet li ġew negozjati mal l-UE, il-Gvern Malti introduca skema ta' għajnuniet maqsuma f'żewġ fażijiet. L-ewwel fażi hija għajnuna biex jarmaw il-bastimenti tas-sajd aħjar, għall-aktar sajd kompetittiv, filwaqt li t-tieni fażi hija għajnuna biex id-dgħajjes jirregolaw ruħhom skond il-kriterji ġodda ta' saħħa u sigurta` li ser jiġu mitluba lilhom fir-regolamenti l-ġodda tal-bastimenti tas-sajd li ser jiġu ppreżentati lil din il-kamra fi żmien qasir. Il-kategoriji li ġew ikkunsidrati kienu jinvolvu: a. Żewġ (2) Bastimenti tat-tkarkir ta' 24 metru u iktar, li se jkunu jistgħu jaħdmu biss 'il barra mill-25 mil; b. Disa’ (9) bastimenti tat-tkarkir ta' inqas minn 24 metru, u b'magni iktar minn 250 żiemel li se jkunu jistgħu jistadu biss f'fond ta' iktar minn 200 metru fiz-żona, u fejn iridu barra ż-żona; c. Tliet (3) bastimenti tat-tkarkir ta' inqas minn 24 metru, u b'magni ta', jew inqas minn, 250 żiemel, li se jkunu jistgħu jistadu fejn iridu kemm ġewwa u barra ż-żona; d. Tlieta u għoxrin (23) dgħajsa oħra, kollha ta' 12-il metru u iktar, li se jkunu jistgħu jistadu biss il barra minn 25 mil; e. Sitta’ u erbgħin (46) dgħajsa oħra, kollha ta' iktar minn 12-il metru, li se jkunu jistgħu jistadu għall-lampuki u bil-lampara fiż-żona; f. Ħamsa u tletin (35) dgħajsa oħra, kollha ta' bejn it-8 u l-11.99 metru, li se jkunu jistadu fejn iridu; g. Tnejn u sittin (62) dgħajsa oħra, kollha ta bejn is-6 u s-7.99 metri, li se jkunu jistgħu jistadu fejn iridu; Għal dan il-programm kienu ġew allokati madwar Lm 2.5 miljuni. S' issa saru 180 kuntratt li fuqhom tħallsu Lm 592,650 u għad baqa' bilanc x'jitħallas ta’ Lm 1,447,554 fuq dawn il-180 kuntratt. Fil-preżent hemm 19-il kuntratt li qed jiġu ppreparati u jonqos 569 xi jsiru. Minn dawn ta' l-aħħar 514 huma dgħajjes ‘Marine Fisherman’ (MF) u ‘Part-time Fisherman’ (PTF).

Prodotti tal-biedja lokali — Regoli ġodda

Question

Jista’ il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 75 u ċioe' jista' ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-konferma uffiċjali li l-Gvern ta’ Malta għandu mill-GRTU u mill-Kamra tal-Kummerċ u mill-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni Ġusta, li dawn l-entitajiet huma favur ir-regoli ġodda tas-salvagwardji ta’ prodotti tal-biedja lokali li ġew dikjarati mal-bdiewa, mar-raħħala u ma’ l-agro industrija matul l-elezzjoni ġenerali li għaddiet? Kif fil-fatt se taħdem din is-sena tas-salvagwardji tal-biedja lokali? Huwa l-każ li l-UE trid tapprova r-rakkmandazzjonijiet in kwestjoni li jsiru mill-awtoritajiet lokali kemm-il darba jinqala’ l-bżonn li jiġu applikati dawn is-salvagwardji msemmija?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Aktar kmieni din is-sena u qabel din il-Leġislatura, l-GRTU, għan-nom ta’ l-importaturi tal-frott u ħxejjex, kitbet lil Ministru ta’ l-Agrikultura u s-Sajd biex tinfurmah li taqbel li jkun hemm miżuri ta’ salvagward biex jitħares l-għixien tal-bdiewa f’każ ta’ diffikulatjiet. Ma teżisti ebda korrispondenza minn entita’ oħra f’dan ir-rigward u m’hijiex etika li titpoġġa kopja ta’ korrispondenza ta’ organiżżazzjoni privata fuq il-Mejda tal-Kamra. Nista’ madankollu nikkwota parti mill-ittra tal-GRTU li ġiet murija fuq in-notice board tal-pitkalija bil permess tal-GRTU. “B’dan l-arranġament il-GRTU qed taccetta li l-bidwi Malti jkun protett kontra kull importazzjoni li tagħmillu ħsara u b’hekk ikun jista’ jħares il-quddiem lejn vantaġġi li qabel ma kellux bħalhom filwaqt li jkun żamm il-protezzjoni li dejjem gawda”. Fir-rigward tal-klawżola ta’ salvagward, miżuri protettivi jistgħu jiġu applikati wara li jitressaq il-każ lill-Kummissjoni Ewropea. Għal dan il-għan qed titfassal sistema ta’ monitoring ta’ prodotti biex jiġu evitati xi diffikultajiet għas-settur tal-biedja.

Industrija tal-kostuzzjoni — Skart

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-policy rigward skart konsistenti f'terrapien ta' l-industrija tal-kostruzzjoni? Fejn qed jintrema' dan l-iskart illum? Min huma s-soċjetajiet privati li huma nvoluti f'dan il-proċess? Xi ħlasijiet isiru sabiex isir dan ir-rimi? Kien hemm tenders għal dan ix-xogħol?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkoncernat.

Naxxar — Triq iż-Żenqa - Bdil ta' użu ta' postijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm bdil ta' użu ta' postijiet fi Triq iz-Zenqa fin-Naxxar li kien inħarġilhom il-permess biex isiru ħwienet u issa ġew mibdula għal garaxxijiet? X'wassal biex jingħataw il-permessi għall-bdil ta' użu meta dan qed jolqot ħażin lill-ġirien?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li skond ir-records tal-MEPA nħarġu żewġ permessi għall-bdil ta’ użu fi Triq iż-Żenqa in-Naxxar, li jġibu referenza, PA 5579/93 u PA 4108/96. Fl-ewwel każ ġie kkonfermat li l-lok qiegħed jintuza bħala ħanut. Fit-tieni każ li jirrigwardja binja biswit il-Kunsill Lokali, il-permess inħareġ għal twaqqiegħ ta’ bini u bini mill-ġdid ta’ blokka fosthom seba’ ħwienet fil-pjan terran. Skond spezzjoni li saret mill-ufficjali tal-MEPA ġie kkonfermat li ħamsa qiegħdin joperaw bħala ħwienet waqt li tnejn oħra għandhom tabella “No Parking” imwaħħla fuq ix-shutter. Minħabba li dawn iż-żewġ postijiet kienu magħluqa fil-ħin ta’ l-ispezzjoni, ma setax jiġi kkonfermat jekk fil-fatt dawn qiegħdin jintużaw bħala garaxx. (Fil-jiem li ġejjin se jsiru aktar spezzjonijiet u jiġi kkuntattjat is-sid.) Fuq il-mertu tal-bdil ta’ użu, il-ħwienet ġew ikkunsidrati bħala ħwienet lokali fuq is-sit li kien iservi bħala c-cinema lokali tan-Naxxar.

Kottonera — Xogħol ta' tisbiħ

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 33, jista' il-Ministru jgħid li la x-xogħol mill-private public partnership fl-inħawi tal-Kottonera diġa' beda u ilu għaddej għal dawn l-aħħar ġimgħat, kif qal hu stess, jista' jgħid fejn u x'inhu x-xogħol li hu għaddej u se jsir fit-tliet xhur li ġejjin?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li x-xogħol li sar s’issa fl-inħawi tal-Kottonera jinkludi l-manutenzjoni u l-qtugħ tas-siġar fit-toroq u ż-żoni kollha principali kif ukoll tisbiħ taż-żona madwar Bieb is-Sultan. Dan ix-xogħol ser ikompli mhux biss matul it-tlett xhur li ġejjin iżda tul is-sena kolla. Barra minn dan il-Private Public Partnership qed jagħmel xogħol għall-Kunsill tal-Birgu kif ukoll qed isiru diskussjonijiet mal-Kunsill ta’ Bormla.

MEPA — Esproprjazjoni ta' proprjeta' privata

Question

Jista' il-Ministru jinvestiga ilment li wasalli mingħand grupp ta' residenti li joqogħdu fi blokk bini li d-dettalji tagħhom u korrispondenza oħra relatata li qed jintbagħtu separatament, fejn żviluppaturi privati qed jheddu li jitolbu lill-gvern jesproprja l-proprjeta' privata tagħhom proprju fejn hemm il-ġnien u s-swimming pool, beix jgħaddu triq?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkoncernat.

Karozzi mixtija/mikrija — Ministeru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent

Question

Kemm inxtraw karozzi ġodda jew huma fil-proċess li jinxtraw u kemm, jew mikrija jew huma fil-proċess li jinkrew mit-12 ta' April ta' din is-sena sal-lum mill-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent u d-Dipartimenti, korporazzjonijiet, entitajiet, eċċ li jaqgħu taħt id-dikasteru tal-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent? Kemm fil-fatt huwa n-numru totali ta' karozzi mixtrija u mikrija mid-dikasteri li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li mit-12 t’April sal-lum ma nxtrawx karozzi ġodda u anqas huma fil-process li jinxtraw karozzi mill-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent u d-Diviżjonijiet/Dipartimenti u l-entitajiet li jiffurmaw parti minnu. Inkrew erba’ karozzi għall-użu tal-Ministeru mit-12 t’April 2003, sal-lum li ssostitwew karozzi li kienu jinkrew qabel. Kien hemm tliet okkażjonijiet fejn inkrew karozzi għal ftit ġranet minħabba żjara ta’ xi esperti u xogħol partikolari. Bħalissa n-numru ta’ karozzi reġistrati f’isem il-Ministeru u/jew Diviżjonijiet/Dipartimenti/entitajiet (inkluż il-MEPA) li jaqgħu taħtu huma tletin (30). In-numru totali ta’ karozzi mikrija mill-Ministeru u d-Diviżjonijiet/Dipartimenti/entitajiet (inkluż il-MEPA) li jaqgħu taħtu huma sitta u tmenin (86).

Biċċerija tal-Gvern — Qatla - demm

Question

Fid-dawl ta' l-investiment modern li sar fil-biċċerija tal-Gvern, jista' il-Ministru jinfurmani għaliex id-demm tal-qatla tal-bhejjem għadu jmur fid-drenaġġ? Għaliex is-sitwazzjoni tħalliet hekk? Xi pjanijiet tħejjew sabiex jiġi rimedjat dan il-bżonn?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-moderniżżazzjoni tal-biccerija qed issir f’fażijiet. Diġa ttieħdet azzjoni biex id-demm jinġabar f’silos ta’ l-istainless steel biex ‘l quddiem dan id-demm jitqiegħed fl-incineratur li sejjer jinbena fil-biccerija stess. Sabiex jinbena l-impjant fil-biccerija hemm għad-dispożizzjoni tal-Gvern Malti Lm1.8 miljun u dan permezz tal-Protokoll iffirmat mal-Gvern Taljan.

MEPA — Siti għal skop ta' SME's

Question

Jista' il-Ministru jinfurmani jekk is-siti li ġew identifikati mill-MEPA għal skop ta' SME's fit-Telgħa t'Alla u Ommu ġewx evalwati għall-valur agrikolu tagħhom? Jekk iva, liema ażjenda għamlet l-assessment fuq dawn is-siti?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien ninsab infurmat li l-assessment mingħand id-Dipartiment ta’ l-Agrikultura ingħata kemm qabel kif ukoll wara li d-dokument “SMEs (Micro-enterprise) Site Selection Exercise – Public Consultation Draft” ħareġ għall-konsultazzjoni pubblika.

Rabat — Arblu tad-dawl

Question

Jista' il-Ministru jara li jittieħdu l-passi meħtieġa sabiex jinqala' u jitpoġġa x'imkien ieħor l-arblu tad-dawl li qed jimblokka l-aċċess għall-bdiewa ta' l-inħawi ta' Għar Żerriegħa limiti tar-Rabat u dan qabel ma jkun hemm xi nċidenti fatali? L-arblu jinsab fejn ir-residenza tal-persuna li isimha qed jintbagħat separatament. Dettalji ta' persuna li hija midħla sew ta' dawn l-inħawi qed jintbagħtu separatament.

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija lill- Ministru kkoncernat.

Bormla — Multi level car park

Question

Jista' il-Ministru jgħid f'hiex tikkonsisti l-applikazzjoni 2243/02 u cioe' il-bini ta' multi level car park fi Pjazza Santa Margerita Bormla? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra pjanti relatati ma' dan il-proġett?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-applikazzjoni PA 2243/02 għall-bini ta’ multi level car park fi Pjazza St. Margerita, Bormla tikkonsisti f’dan li gej: a) tħaffir tas-sit preżentement okkupat minn playing field b) kostruzzjoni ta’ multi level car park fl-istess sit c) bini mill-ġdid tal-playing field fuq is-saqaf tal-car park L-access għall-pjanti huwa rregolat mill-Att dwar l-Ippjanar ta’ l-Iżvilupp (Kap. 356) u għalhekk ma nistax inpoġġi kopja ta’ pjanti fuq il-Mejda tal-Kamra.

Naxxar — Triq iz-Zenqa - Bdil ta' użu ta' postijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm bdil ta' użu ta' postijiet fi Triq iz-Zenqa fin-Naxxar li kien inħarġilhom il-permess biex isiru ħwienet u issa ġew mibdula għal garaxxijiet? X'wassal biex jingħataw il-permessi għall-bdil ta' użu meta dan qed jolqot ħażin lill-ġirien?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar.

MEPA — Permessi - Baċir numru 3

Question

Jista' il-Minstru jgħid jekk saritx applikazzjoni quddiem il-MEPA għall-istruttura li saret fil-Baċir Numru 3?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninfurma lill-Onor. Interpellant li l-Applikazzjoni PA 7004/02 għal bini ta’ canopy fuq il-Bacir Nru. 3 ġiet approvata mill-MEPA fil-11 ta’ Ġunju ta’ l-2003.

Sussidji — Sajjieda

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'sussidju ingħata lil dawk reġistrati bħala part time fishermen u full time fishermen, u jispjega wkoll kif ġew determinati l-ammonti?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jindika għal liema għajnuniet qed jirreferi u l-perjodu ta’ meta ingħataw dawn l-għajnuniet.

Baċir numru 1

Question

Jista' il-Ministru jgħid f'hiex tikkonsisti l-applikazzjoni 3428/01 u ċioe' l-outline application tal-area madwar Baċir 1 ta' Bormla?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-applikazzjoni PA 3428/01 tikkonsisti f’Outline Application għall-proġett tal-Bacir Nru. 1 f’Bormla. Il-proġett jikkonsisti fir-riabilitazzjoni u konverżjoni ta’ strutturi storici u tal-ispazju madwarhom. Il-MEPA talbet pjan komprensiv ta’ żvilupp għal dan il-proġett.

Mellieħa — Triq Ħalq iċ-Ċawl - spazju pubbliku

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb biex l-ispazju pubbliku li jmiss ma' Triq Ħalq iċ-Ċawl fil-Mellieħa u li bħalissa mimli ħaxix ħażin, skart u ġrieden jinbidel fi ġnien għax ma jagħmilx sens li jitħalla żdingat u maħmuġ kif inhu bħalissa meta ftit passi 'il bogħod sar sforz kbir biex jitħawlu s-siġar u l-fjuri int u dieħel il-Mellieħa mit-telgħa ta' Selmun?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L- ispazju pubbliku msemmi mill- Onor. Interpellant ma jaqgħax taħt ir-responsabbilta’ tal-Gvern Centrali. Hu fid-dmir tal-Kunsill Lokali tal–Mellieħa, permezz ta’ fondi sostanzjali mgħoddija lilu mill-Gvern Centrali, li jara li spazji bħal ma ssemma jitneħħilhom il-ħaxix ħażin u skart biex jitgawdew mill-pubbliku.