Legislature:
Category:
Reset
Active:

Awtorita' tad-Djar

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fhiex waslet l-applikazzjoni mal-awtorita' tad-djar għall-installazzjoni ta' lift?

Response (GONZI, LAWRENCE)

B'referenza għad-domanda dwar Block A, Triq il-Pellegrinaġġ, Bormla, l-Awtorita' tad-Djar qiegħda tipproċessa l-applikazzjonijiet li hemm fil-Belt, l-Furjana u l-Kottonera u qiegħda tagħti mportanza partikulari lil każijiet ta' diżabilita'.

Żieda

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk l-anzjani kollha rċevewx iż-żieda dovuta għall-għoli tal-ħajja? Jista' jgħid jekk hux minnu li hemm anzjani fi djar tal-anzjani, b'mod partikolari dik ta' Bormla, li għadhom ma ħadux din iż-żieda?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirrefei lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba għal Mistoqsija Numru 24644 mogħtija fis-Seduta Numru 520.

ETC

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'aġġornament sar fi ħdan l-ETC biex tilqa' għall-opportunitajiet ġodda ta' xogħol f'diversi setturi forsthom fil-bini u l-informatika?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Dan l-aħħar il-Korporazzjoni għamlet proċess fejn intervistat flimkien mal-FOBC, lil dawk kollha li qegħdin jirreġistraw għax-xogħol fis-settur tal-kostruzzjoni. Barra minnhekk il-Korporazzjoni nhediet traineeships fil-Form Work Erecting u ieħor fi Steel Fixing. Il-Korporazzjoni qiegħda fil-proċess biex tħabbar skema oħra biex tinkoraġġixxi persuni bla xogħol biex jitħarrġu u jaħdmu fil-qasam tal-kostruzzjoni. Huwa maħsub li l-Korporazzjoni tiffinanzja parti sostanzjali minn din l-iskema li, la darba tibda, ser titħaddem flimkien mal-FOBC. Fil-qasam tal-informatika, il-Korporazzjoni ilha s-snin torganiżża Basic Computer Programme. Barra minnhekk flimkien mal-MITTS, organiżżat kemm il-darba korsijiet li jwasslu għal diploma fil-computer studies. Dan l-aħħar, bħala parti mill-pjan nazzjonali għall-IT literate Workforce, il-Korporazzjoni ħabbret il-programm IT For You. Barra minnhekk, ġie mħabbar ukoll traineeship fl-informatika li qed joffri 200 opportunita' lil kull min irid jidħol f'dan is-settur. Il-Korporazzjoni kontinwament tistudja x-xejriet tas-suq tax-xogħol sabiex tkun dejjem f'pożizzjoni li tiftaħ programmi ta' taħriġ relatati mad-domanda fis-suq.

Awtorita' tas-Saħħa w Sigurta' fuq il-Post tax-Xogħol

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta ser titwaqqaf l-Awtorita' tas-Saħħa w Sigurta fuq il-Post tax-Xogħol, liema awtorita' ġiet approvata minn din il-kamra żmien ilu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Wara li saru l-konsultazzjonijiet ma' l-imsieħba soċjali fl-MCED, il-Gvern ser iwaqqaf l-Awtorita' tas-Saħħa u Sigurta' fuq Xogħol fil-ġranet li ġejjin.

ETC

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jivverifika jekk hux minnu li waqt l-interview għas-Senior Executive ma' l-ETC, applikanta partikolari ġiet nfurmata waqt l-istess interview li l-applikazzjoni tagħha ma' ġietx aċċettata għaliex ma' kelliex Diploma? X'kienet din id-diploma partikolari? Din id-diploma kienet stipulata bħala rekwiżita fl-applikazzjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Mill-Mistoqsija ta' l-Onor. Membru m'hemmx informazzjoni biżżejjed biex tkun tista' tingħata Tweġiba.

Benefiċċji soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' kumpanniji privati, parastatali li l-ħlasijiet tal-bolla tal-ħaddiema tagħhom ma humiex kollha mħallsa sa Diċembru tas-sena 2000? Kemm huwa n-numru ta' ħaddiema li l-ħlasijiet tal-bolla tagħhom għad iridu jitħallsu, minkejja li fil-fatt il-ħaddiema jkunu ħalsu dawn il-pagamenti? X'miżuri qed jieħu d-dipartiment biex jara li dawn il-ħlasijiet isiru?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-responsabbilta' għall-ġbir tal-kontribuzzjonijiet tas-Sigurta' Nazzjonali ilu li għadda taħt d-Dipartiment tat-Taxxi Nterni minn Jannar 1998, u għalhekk nitolbu jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Arretrati

Question

Peress li numru ta' anzjani qed jirċievu xi arretrati għall-pensjoni, jista' l-Ministru jgħid liema kategorija ta' anzjani qed u ser jirċievu dawn l-arretrati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali jħallas 'l fuq minn 34,000 Pensjoni għal Min Jirtira, ftit aktar minn 13,000 Pensjoni għar-Romol u 'l fuq minn 6,255 Pensjoni għal Invalidita'. Skond il-provvedimenti ta' l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali (Kap 318) r-rati ta' dawn il-pensjonijiet u benefiċċji oħra iridu jiġu riveduti kull sena. Dan ix-xogħol ilu li beda mill-bidu tas-sena u għadu għaddej. Infatti d-Dipartiment bħal dan iż-żmien ikun qiegħed jiffoka r-riżorsi umani kollha li għandu, nkluż xogħol bis-sahra. Bħalissa qed joħorġu ż-żidiet fil-każi ta' 'l fuq minn 8,000 ex-ħaddiema tas-Servizz pubbliku jew persuni analogati skond il-provvedimenti ta' l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali ma' l-iskali tas-salarju tas-settur pubbliku. Għadu għaddej ix-xogħol fuq ir-romol ta' l-istess kategorija ta' ħaddiema li mistennija joħorġu fl-aħħar tax-xahar ta' Mejju. Id-Dipartiment jibqa' npenjat biex jlesti r-reviżjonijiet l-oħra kollha fl-iqsar żmien possibbli.

Ħousing

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li mara separata li l-partikularijiet tagħha jidhru under separate cover tintlaqa t-talba tagħha sabiex jiġi rranġat ħajt perikoluż fir-residenza tagħha?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li quddiem id-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar m'hemm ebda talba pendenti mill-inkwilin indikat iżda ser nirreferi l-każ lid-Dipartiment biex jinvestiga.

Spezzjonijiet fuq Postijiet tax-Xogħol

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet fuq postijiet tax-xogħol kemm ilha li twaqqfet l-awtorita' għas-saħħa u sigurta' fuq il-post tax-xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Wara li saru l-konsultazzjonijiet ma' l-imsieħba soċjali fl-MCED, il-Gvern ser iwaqqaf l-Awtorita' tas-Saħħa u s-Sigurta' fuq ix-Xogħol fil-ġranet li ġejjin. Fil-frattemp, spezzjonijiet fuq il-post tax-xogħol, bħal ma kienu jsiru qabel, baqgħu jsiru mit-Taqsima tas-Saħħa u Sigurta' fuq il-Post tax-Xogħol, fi ħdan id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u ta' l-Impjieg.

Reklami

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid separatament kemm jammontaw in-numru ta' reklami li saru mill-Ministeru u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu fis-snin 1999, 2000 u 2001? Jista' jgħid separatament kemm jammontaw finanzjarjament dawn ir-reklami u lil min ingħataw, fejn kienu mxandra jew ippublikati u x'kienet il-ħtieġa li jingħataw?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Sakemm ma tingħatax raġuni 'l għala qed tintalab, ma nara l-ebda skop li tinġabar din l-informazzjoni dettaljata.

ETC

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru korsijiet mill-ETC, sena b'sena, mill-1997 'l hawn? X'korsijiet saru u għal kemm drabi ġie organizzat kull kors? Kemm attendew nies għal kull kors?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dettalji tal-korsijiet li ġew organiżżati mill-Korporazzjoni ta' Xogħol u Taħriġ, kemm il-darba ġew organiżżati dawn il-programmi, kif ukoll in-numru ta' nies li attendew għal kull kors.

ETC

Question

JIsta' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inizjattivi, miżuri u skemi ġodda ttieħdu kull sena mill-1997 mill-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Bejn l-1997 u issa, l-ETC ħadet diversi inizjattivi u miżuri u introduċiet skemi ġodda biex taqdi l-klijenti tagħha. Fost dawn wieħed jista' jsemmi l-kors li jwassal għal Diploma fil-Computer Studies mogħtija minn National Computer Centre ta' l-Ingilterra; dan issa sar parti minn traineeship fil-qasam ta' l-informatika bil-ħsieb li l-ETC tħarreġ computer programmers. L-ETC ħolqot in-Night Institute for Further Technical Education bil-ħsieb li tħarreġ persuni li diġa' qed jaħdmu biex tipprovdilhom ħiliet tekniċi u b'hekk tgħin fil-proċess tar-ristrutturazzjoni. L-ETC ħolqot diversi programmi qosra ta' taħriġ biex tgħin persuni qiegħda biex isibu xogħol. Fost dawn kien hemm dawk għal gwardjani lokali u private guards, programmi f'ħiliet bażiċi tax-xogħol, u programmi fil-qari u l-kitba. Infetaħ ċentru ta' taħriġ fil-belt Valletta biex it-taħriġ jiġi provdut minn post aktar ċentrali. Bil-ħsieb li l-ETC tħajjar lil min iħaddem biex jimpjega persuni li għandhom aktar minn 40 sena, hi estendiet l-użu ta' l-iskemi tagħha għal persuni li għandhom aktar minn 40 sena. L-ETC organiżżat ruħha aħjar billi ħolqot taqsima li tieħu ħsieb il-ħtiġijiet ta' dawk il-persuni li għandhom diżabilita' jew fil-passat abbużaw mid-droga jew kienu l-ħabs biex tgħinhom isibu mpjieg. L-ETC laħqet ftehim ma' aġenziji li jistgħu jipprovdu taħriġ speċjaliżżat lil dawn il-persuni. Naturalment dak imsemmi hawn fuq sar b'żieda ma' miżuri oħra li l-ETC kienet ilha tħaddem u li intensifikathom. L-ETC żviluppat Business Plan 2000-2003 li fiha semmiet il-pjanijiet tagħha li tintroduċi skemi ġodda biex dejjem tgħin il-klijenti tagħha. Hija bħalissa miexja fit-twettieq ta' dan il-business plan.

Pensjoni

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jivverifika jekk l-ammont ta' persuni li qed tieħu l-persuna li d-dettalji tagħha qegħdin jingħataw separatament hux korrett peress li jidher żgħir wisq?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi 'l-persuna minnu ndikata qed titħallas kif suppost u skond l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali. Inżid ngħid li l-istess persuna ġiet infurmata dwar dan bil-miktub.

ETC

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li l-Job Placement Officers għandhom benckmarking, ċioe li għandhom ċerti targets fix-xahar li jridu jintlaħqu? Kemm huwa l-case load tal-Job Placement Office Section?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jekk l-Onor. Membru qiegħed jirreferi għal-Employment Advisors, nikkonferma li dawn qiegħdin jingħataw miri x'jilħqu fix-xogħol tagħhom. Nimmaġina li l-Onor. Membru jaqbel ma' dan. Il-'Case Load' tal-Employment Advisors tvarja skond l-area geografika jew il-kategorija taħt ir-responsabbilita' tagħhom.

ETC

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk matul dawn l-aħħar 6 xhur kemm intalbu transfers minn impjegati ta' l-ETC, minn sezzjoni għal-oħra tal-istess ETC? Mill-liema sezzjonijiet intalbu dawn it-transfers?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Kull ċaqlieq li jkun hemm tal-impjegati fl-ETC isir skond l-eżiġenzi tas-servizz. Ma tinżammx statistika dwar kemm-il "talba" ssir.

Anzjani

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hux veru li d-dar tal-Anzjani tal-Gzira tinsab ikkundannata u li hemm il-ħsieb li tiġi magħluqa Huwa minnu li hemm il-ħsieb li l-Grosvenor Hotel tinbidel f'dan għall-anzjani u li l-Gvern għandu l-ħsieb li jagħmel użu minn parti minnha?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dar ta' l-Anzjani tal-Gżira reġgħet ġiet miftuħa wara li sar ix-xogħol strutturali li kien hemm bżonn. Fil-fatt, l-anzjani kollha sabu posthom sa l-aħħar ta' Marzu li għadda. Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferiha lill-Ministeru tas-Saħħa minn fejn il-liċenzjar tad-djar ta' l-anzjani jsir.