Jista' l-Ministru jara x'sar dwar bini bla permess li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament peress li hemm ħafna lmenti mir-residenti?
Response (BORG, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 4333.
Ninsab infurmat li l-appell quddiem il-Bord ta` l-Appell għadu pendenti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm vetturi liċenzjati għat-triq mill-pulizija u kif inhuma maqsuma d-diversi kategoriji? Kemm minn dawn il-vetturi huma liċenzjati li jidħlu l-Belt Valletta?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-pulizija hux qiegħda tagħmel investigazzjoni kriminali fil-każ ta' diżgrazzja li seħħet fil-Floriana fejn miet anzjan?
Is-sidien ta' din il-proprjeta' kellhom responsabbilta' skond il-liġi li jirrimedjaw strutturi perikolużi sabiex jevitaw il-periklu reali li kien hemm?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Pulizija qed tinvestiga u hemm anke` inkjesta mill-Maġistrat tal-Għassa dwar il-każ li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant. Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija, din hija purament materja ta` parir legali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm irriżultaw problemi tal-Y2K fil-computers u apparat ieħor elettroniku tal-ministeru, dipartimenti, korporazzjonijiet u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li n-numru ta` rapporti dwar problemi tal-Y2K fil-computers u apparat ieħor elettroniku li saru lill-Ministeru, jew f`xi dipartiment jew entita` li taqa` taħt id-dekasteru ta` l-Intern, kien ta` 2.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru serqiet ta' karozzi u/jew vetturi oħra matul is-sena 1999? Kemm saru serq minn karozzi u/jew vetturi matul l-istes żmien u minn liema parti ta' Malta u Għawdex saru dawn ir-reati?
Response (BORG, TONIO)
Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li matul l-1999, il-Pulizija kellha 1,074 rapport ta` serq ta` vetturi. Minn dawn 650 ġew misjuba.
Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija dwar serq minn vetturi, nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġibiet li jien tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Nri. 12085 u 12358. Infurmat ukoll li dawn ir-reati seħħew f`diversi lokalitajiet f`Malta u f`Għawdex.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew irrapportati każi ta' serq ta' inġenji tal-baħar u minn fuq inġenji tal-baħar matul is-sena 1999? Minn fejn saru dawn ir-reati?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul l-1999, ġew irrapurtati lill-Pulizija 60 serqa ta` inġenji tal-baħar u 107 serqa minn inġenji tal-baħar, minn dawn il-lokalitajiet :
B`Bugia Sliema Qawra Msida
M`Scala Gżira Ta` Xbiex Qormi
San Pawl il-Baħar San Ġiljan Pieta` Marsaxlokk
Kemmuna Mellieħa Salina Buġibba
Kalkara Xemxija Attard Mġarr (Malta)
Birgu Valletta Qala Naxxar
Marsa Żabbar Floriana Ġnejna
l-Isla B`Kara Bormla Xlendi
Marsalforn Għajsielem Żejtun Mġarr (Għawdex)
Minn dawn l-inġenji 19 ġew misjuba.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' pulizija li ttellgħu quddiem board ta' dixxiplina intern matul is-sena 1999? X'rank kellhom? X'allegatament kien in-nuqqas tagħhom? X'weħħlu f'kull każ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul l-1999 kien hemm 439 membru tal-Korp li dehru quddiem il-Kummissarju minħabba li kienu kkommettew xi reat jew reati murija fl-Ewwel Skeda li tinsab ma` l-Ordinanza dwar il-Pulizija ta` Malta. Il-pieni mogħtija kienu skond ma` tipprovdi l-istess Ordinanza. Dawn jinkludu reati dixxiplinari li jkopru perijodu ta` tlett snin li iżda ġew deċiżi fl-1999.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 12332 li oriġinarjament kienet saret lill-Prim Ministru u issa ġiet riferuta lilek u ċioe' jista' l-Ministru jagħti tweġiba għal każ li jidher separatament minn din il-mistoqsija?
Response (BORG, TONIO)
L-Airport Security Passes jinħarġu wara li l-organizazzjonijiet u l-entitajiet ikunu għamlu t-talba għalihom bil-miktub u wara li timtela` l-formola apposta. Ma tiġi aċċetta l-ebda formola jekk ma tkunx iffirmata mill-kap tad-dipartiment jew mill-persuna inkarigata mill-organizzazzjoni jew entita`.
Ninsab infurmat li l-Uffiċċju ta` l-Airport Security Manager ma rċieva l-ebda talba formali mingħand il-Forzi Armati ta` Malta għall-ħruġ ta` Airport Security Pass permanenti għal persuna li saret referenza għaliha fil-Mistoqsija. F`dan il-każ partikolari l-Forzi Armati ta` Malta talbu li jinħarġu permessi għal perijodi qsar ta` żmien biss.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' talbiet għaċ-ċittadinanza Maltija li ġew rifjutati matul dawn l-aħħar għaxar snin, sena b'sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li n-numru ta` talbiet għaċ-ċittadinanza Maltija li ġew rifjutati matul dawn l-aħħar għaxar snin huwa kif jidher hawn taħt :
SENA NUMRU TA` TALBIET
---- -----------------
1990 3
1991 16
1992 15
1993 19
1994 10
1995 16
1996 16
1997 30
1998 28
1999 39
Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu persuni jagħtu u/jew ibiegħu alkoħol lil tfal taħt is-16-il sena matul is-sena 1999? Kemm ittellgħu l-qorti persuni għal dan ir-reat u x'weħlu f'kull każ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul l-1999, il-Pulizija ressqet il-Qorti 4 persuni fuq akkużi li biegħu xorb alkoħoliku lill-persuni taħt is-sittax-il sena. Wieħed ġie mmultat Lm20, filwaqt li t-tlieta l-oħra ma nstabux ħatja.
Jista' l-Ministru jgħid kemm twaqqa' bini llegali matul is-sena 1999? X'tip ta' bini kien, fejn kien u kemm kien ilu mibni?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li matul l-1999 saru 18-il azzjoni diretta mill-Awtorita` ta` l-Ippjanar u f`240 każ ieħor ta` azzjoni oħra, is-sidien neħħew l-istrutturi illegali huma stess wara li ġew servuti bi Stop and Enforcement Notice.
Il-240 każ ta` azzjoni oħra jinkludi dawk dwar penthouses, boathouses, kmamar rurali, apparat tal-arja kundizzjonata mall-faċċati, strutturi llegali fi front gardens, alterazzjonijiet interni f`abitazzjonijiet, gabbani tat-telefon, antenni tas-satellita, scrapyard u numru ta` każi oħra ta` bdil fl-użu kummerċjali, u li tneħħew mis-sidien infushom f`diversi lokalitajiet f`Malta.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista dwar l-azzjoni diretti li ħadet l-Awtorita` ta` l-Ippjanar u li turi d-dettalji mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jingħata il-permess biex ranges għal sparar ta' air guns, rifles u hand guns oħra li m'humiex tal-black powder se jingħataw?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi permessi tal-Pulizija għall-air weapon target shooting ranges qed jinħarġu, wara li l-applikazzjoni relattiva tkun pproċessata.
Jista' l-Ministru jgħid minn Jannar 1999, kemm-il membru tal-korp tal-Pulizija talab estensjoni ta' żmien biex jkun jista' jkompli wara s-sittin (60) sena? Ta' liema rank kienu? Kemm-il applikazzjoni intlaqgħet? Kemm huwa stmat li se jispiċċaw bl-eta' mill-korp matul din is-sena finanzjarja?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi minn Jannar 1999, kien hemm 4 membri tal-Korp tal-Pulizija li talbu estensjoni ta` żmien biex ikunu jistgħu jkomplu s-servizz wara l-eta` ta` 60 sena. Dawn it-talbiet saru minn surġent maġġur u tlett kuntistabbli u minn dawn, talba waħda ġiet milqugħa. Ninsab infurmat ukoll li matul is-sena 2000 hemm 8 membri tal-Korp li ser jagħlqu l-eta` ta` 60 sena.
Jista' l-Ministru jinvestiga għaliex il-kirja bir-riferenza RO53497 saret Lm469 fis-sena minn Lm181 fis-sena? Jista' jikkunsidra li jipprovdi xi assistenza peress li l-familja mhux f'pożizzjoni li tkompli tħallas din il-kera?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk id-dipartment konċernat jew l-ministeru daħħlux rapporti ta' hacking ġo xi computers tal-gvern, azjendi privati jew korpi parastatali u awtoritajiet? Jekk iva, kemm kienu? Fejn saru u x'kien l-eżodu ta' l-investigazzjonijiet li saru?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li matul l-1999, l-uniċi rapporti dwar suspetti ta' computer hacking li saru lill-Ministeru, jew f`xi dipartiment jew entita` li taqa` taħt id-dekasteru ta` l-Intern, kienu żewġ rapporti li saru lill-Pulizija. Mill-investigazzjonijiet li saru, fl-ebda każ ma rriżulta li kien hemm computer hacking.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kellha rapporti ta' frodi l-pulizija matul is-sena 1999 u kemm kien in-numru ta' nies li sofrew minn dan l-abbuż, kemm kienet is-somma totali rrapportata u kemm ittellgħu nies il-qorti fuq reati ta' dan it-tip?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul l-1999, il-Pulizija kellha 626 rapporti ta` frodi. Ta` min jgħid, illi huwa diffiċli sabiex wieħed jagħti ċ-ċifra eżatta dwar in-numru ta` nies li jkunu sofrew danni minħabba dan ir-reat, peress li numru minn dawn ir-rapporti jkunu saru minn soċjetajiet kummerċjali. Infurmat ukoll li 152 persuna tressqu l-Qorti b`akkużi konnessi ma` dawn ir-rapporti.