Jista' l-Ministru jgħid għala l-ġurnal In-Nazzjon ilu sitt gimgħat ma jkun fuq titjiriet tal-Air Malta?
Response (VELLA, KARMENU)
Il-ġurnali u l-gazzetti abbord t-titjiriet tal-Air Malta jiġu pprovduti b’xejn mill-pubblikaturi rispettivi lill-Air Malta.
Ngħarraf li l-kumpanija li tippubblika dan il-ġurnal (In-Nazzjon) waqfet tissupplixxi kopji lill-Air Malta madwar sitt gimgħat ilu.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux se jkompli bil-proġett għal dar tal-anzjani ġewwa Birkirkara li kien proġett tal-Kunsill Lokali flimkien mal-Gvern Ċentrali fl-aħħar leġiżlatura?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara li bħalissa l-Kunsill Lokali għaddej b’laqgħat mal-Ministeri konċernati biex jiġi diskuss jekk il-proġett li rrefera għalih l-Onorevoli Interpellant hux se jsir jew le, u jekk fl-affermattiv, kif u min se jkun involut.
In vista tal-ordni mogħtija mis-Segretarju Parlamentari fi ħdan il-Ministeru tiegħu sabiex l-ebda kunsill lokali ma jkompli għaddej b' xi skema ta' residential parking, jista' l-Ministru jgħid jekk din d-direttiva xxekkilx l-awtonomija tal-kunsilli lokali li huma eletti demokratikament mir-residenti tal-lokalità tagħhom? Jista' jgħid din id-direttiva abbażi ta’ liema liġi ngħatat? Jista' jgħid jekk ikkonsultax mal-Assoċċazzjoni tal-Kunsilli Lokali dwar din id-direttiva u jekk l-assoċċazzjoni qablitx mal-istess direttiva qabel inħarġet?
Response (VELLA, KARMENU)
Bl-ebda mod din l-ordni m’għandha ixxekkel l-awtonomija tal-Kunsilli Lokali. Huwa fl-interess tal-istess Kunsilli Lokali nvoluti li qabel ma jkomplu bil-proċessi tagħhom jistennew direzzjoni dwar il-materja.
L-ordni ngħatat a bażi ta’ deċiżjoni li ħa l-Kabinett wara sitwazzjoni li nqalgħet.
F’dan id-dawl is-Segretarju Parlamentari sejjaħ laqgħa mal-Assoċċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali biex fost l-oħrajn jiddiskutu din is-sitwazzjoni.
Segretarju Parlamentari għall-Kultura u l-Gvern Lokali — spiża fuq IT
Question
Jista' l-Ministru jghid kemm inxtraw jew inkrew computers/laptops/mobile devices għall-impjegati tas-Segretarjat tas-Segretarju Parlamentari għall-Kultura u l-Gvern Lokali? Meta nxtraw u kemm hu l-valur li nxtraw bih? Kemm inkrew, jekk inkrew u kemm hi l-kirja? Kemm kienet l-ispiża inizjali? Hemm spiża rikorrenti u kemm hi?
Response (VELLA, KARMENU)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jagħti lista tal-bordijiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista’ jgħid min huma d-diretturi li jservu fuq kull bord? Jista’ jgħid ukoll min kienu l-membri fuq kull bord sad-9 ta' Marzu 2013?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu l-proġetti li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tiegħu li ġew inawgurati bejn l-1 ta’ Diċembru 2012 u t-8 ta’ Marzu 2013 u min inawgurahom? Jista’ jgħid jekk dawn il-proġetti kenux lesti kompletament jew jekk kienx fadal xi xogħol xi jsir fuqhom u filkas jgħid fiex kien jikkonsisti dan ix-xogħol li kien fadal? Jista’ jgħid ukoll kemm kienu tħallsu flus sad-data tal-ftuħ, u kemm kien fadal spejjeż pendenti?
Response (VELLA, KARMENU)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ proġetti inawgurati fil-perjodu imsemmi, l-istat tagħhom f’jum l-inawgurazzjoni u minn min ġew inawgurati.
Ġaladarba daħal is-sajf, jista’ l-Ministru jgħid meta se tkun implimentata l-wegħda nru 113 fil-Kapitlu tat-turiżmu fil-programm elettorali tal-Partit Laburista? Jekk din diġà saret, kemm hemm nies fi ħdan dan il-unit, u x’ħinijiet u żoni qed jaħdmu fihom?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ftit tal-ġimgħat ilu beda xogħol preparatorju bejn il-partijiet konċernati dwar l-implimentazzjoni ta’ din il-proposta.
Jista' l-Ministru jgħid liema hi l-karozza uffiċjali tal-Ministru? Jista' jgħid meta nxtrat u kemm qamet meta nxtrat?
Response (VELLA, KARMENU)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-karozza uffiċjali bħalissa hija karozza tat-tip BMW 5 series, bin-numru tar-reġistrazzjoni BQZ - 714 (GM 06). Din il-karozza hija mikrija u mhux mixtrija.
Ministeru għat-Turiżmu — Segretarju Parlamentari - ingaġġ ta' persuni minn barra s-servizz pubbliku
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' persuni li qed jaħdmu fis-segretarjat privat tas-Segretarju Parlamentari fi ħdan il-Ministeru tiegħu u kemm minnhom ġew ingaġġati minn barra s-servizz pubbliku?
Response (VELLA, KARMENU)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-Segretarju Parlamentari fi ħdan il-Ministeru għandu 10 persuni impjegati miegħu, u li minnhom 9 ġew ingaġġati minn barra s-servizz pubbliku.
Ministeru għat-Turiżmu — ingaġġ ta' persuni minn barra s-servizz pubbliku
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' persuni li qed jaħdmu fis-segretarjat privat tiegħu u kemm minnhom ġew ingaġġati minn barra s-servizz pubbliku?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru għat-Turiżmu għandu 11-il persuna impjegata miegħu, u li minnhom hemm 4 persuni li ġew ingaġġati minn barra s-servizz pubbliku.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħata xogħol ta’ konsulenza mill-Ministeru tiegħu jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu fid-dekasteru tiegħu lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, mill-1998 sal-lum? Jista’ jgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender u kemm kienet l-ispiża f’kull każ?
Response (VELLA, KARMENU)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inxtraw jew inkrew computers/laptops/mobile devices għall-impjegati tas-Segretarjat tal-Ministru? Meta nxtraw u kemm hu l-valur li nxtraw bih? Kemm inkrew, jekk inkrew u kemm hi l-kirja? Kemm kienet l-ispiża inizjali? Hemm spiża rikorrenti u kemm hi?
Response (VELLA, KARMENU)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jagħti lista aġġornata tal-konsulenti li nħatru minn Marzu tal-2013 ’l hawn? Kemm hu l-ħlas tagħhom individwalment fix-xahar, x’servizz huma mitluba li jagħtu u kemm-il siegħa huma mitluba jaħdmu fix-xahar fuq ix-xogħol ta’ konsulenza? Jista’ fil-lista jinkludi wkoll il-membri ta’ kull kumitat li nħatru minn Marzu tal-2013 'l hawn, kemm qed jitħallsu u x’servizz hu mitlub li jagħti kull membru?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li inħatar biss konsulent wieħed li qiegħed jagħti s-servizzi ta’ konsulenza fl-avjazzjoni.
F’dan l-istadju mhux possibbli tingħata lista ta’ membri tal-kumitati għaliex dawn għadhom qiegħdin jiġu maħtura.
Grant Scheme for Sustainable Tourism Projects — applikazzjonijiet
Question
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 2015, jista’ l-Ministru jgħid min għamel il-briefing li semma l-Ministru li dam sejjer xahrejn? Lil min sar dan il-briefing? Min ħa d-deċiżjoni li tawwal din l-evalwazzjoni b'xahrejn u x'impatt se jkollu dan id-dewmien fuq id-disbursement tal-fondi? L-applikanti ġew infurmati b'dan id-dewmien? X'inhi r-raġuni li għaliha kellhom jiddaħħlu membri ġodda? Jista’ jagħti l-ismijiet tal-membri kollha tal-Bord tal-evalwazzjoni qabel u wara li saret din il-bidla?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul ix-xahar ta’ April 2013 saru għadd ta’ briefing sessions lill-Ministru u lis-Segretarju Permanenti dwar l-oqsma kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru, fosthom session dwar il-Grant Scheme min-nies li jaħdmu fuq l-istess skema. Fl-ebda stadju ma kien hemm xi intenzjoni li tittawwal l-evalwazzjoni u l-proċess imsemmi kien wieħed naturali fiċ-ċirkustanżi.
Il-benefiċjarji iridu jimplimentaw il-proġetti approvati fiż-żmien stipulat fis-sejħa. Għaldaqstant l-ebda deadline m’għandha tinbidel hekk kif it-timeframes għad-disbursement ma jistgħux jinbidlu. Sadanittant kull applikant kellu u għadd għandu kull faċilita’ li jistaqsi fuq l-iskema u l-evalwazzjoni.
Ngħarraf li filwaqt li l-bord preċedenti kien kompost minn żewġ diretturi u senior manager mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, illum il-bord u kompost minn direttur tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, direttur fil-Ministeru u manager mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu. Dan it-tibdil sar sabiex ikun hemm rappreżentanża mifruxha f’din l-iskema li hija mmexxija mill-Ministeru.
L-ismijiet tal-bord qiegħdin jiġu miżmuma sabiex jiġi assigurat li dan il-proċess ma jkunx preġudikat.
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk fuq il-bord ta’ monitoraġġ responsabbli mill-proċess ta’ konsultazzjoni dwar l-għotja tal-vot lil żgħażagħ ta’ 16-il sena li twaqqaf dan l-aħħar hux se tiġi mistiedna l-Oppożizzjoni sabiex tifforma parti minn dan l-istess bord u dan wara li l-Onor. Segretarju Parlamentari, li d-dettalji dwar qed jintbagħtu separatament, kien indika pubblikament li kien żball min-naħa tal-Gvern li ma inkludiex lill-Oppożizzjoni fuq dan il-bord konsultattiv?
Response (VELLA, KARMENU)
Il-proposta tas-Segretarju Parlamentari għall-Kultura u Gvern Lokali sabiex l-oppożizzjoni tkun rappreżentata fil-Kumitat tal-Monitoraġġ se titressaq waqt il-laqgħa tal-Kumitat li se tinżamm nhar it-Tnejn 17 ta’ Ġunju 2013.
Kunsilli Lokali – xogħlijiet fuq ġonna u spazji pubbliċi
Question
B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 1842 u 2620, jista’ l-Ministru jinvestiga jekk il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar wettaqx xogħol ieħor ta’ infrastruttura f’ġonna jew spazji pubbliċi oħra u li jidhru fir-risposti tal-mistoqsijiet parlamentari indikati? B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 2620, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk ix-xogħol imsemmi fir-risposta sarx għall-ewwel darba, inkella ilu jsir bl-istess mod għal diversi snin?
Response (VELLA, KARMENU)
Infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li x-xogħol in kwistjoni kien u għadu jsir hekk annwalment. Dan il-proċess ilu jsir sa minn mindu tlesta l-proġett ta’ tisbiħ ta’ Buġibba u l-Qawra.
Peress li r-residenti tat-Triq in-Neolitiċi fir-Rabat Għawdex ilhom snin jitolbu li t-triq tagħhom tiġi asfaltata, jista’ l-Ministru jgħid meta se jsir dan ix-xogħol?
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 2175, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk il-kuntratt ta’ ingaġġ tal-persuna indikata issa ġiex iffirmat u jekk le għaliex għadu ma ġiex iffirmat? Il-Gvern almenu abbozza dan il-ftehim, u f’dak il-każ jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-abbozz? Jekk ġie ffirmat jista’ jqiegħed kopja fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-kuntratt ta’ ingaġġ tal-persuna indikata għadu qiegħed jiġi diskuss. La darba jkun hemm qbil u jiġi iffirmat kuntratt dan ikun jista' jintalab biex jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għat-Turiżmu – kuntratti ta’ security guards
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra bil-lista ta’ kuntratti ta’ servizzi ta’ sigurtà (security guards/officers) li huma in vigore fil-Ministeru u l-entitajiet li huwa responsabbli minnhom u li r-rata komputata fis-siegħa hija ta’ anqas minn €5.66 eskluża l-VAT?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat li Heritage Malta bħalissa għandha kuntrattur wieħed; Signal 8 Security li qiegħed jipprovdi servizz ta’ sigurta’ għal għadd ta’ mużewijiet u siti. Dan is-servizz jingħata b’rata ta’ €5.35 jew €5.45 is-siegħa (VAT Eskluża). Dan il-kuntratt beda f’Jannar tal-2011 u jispiċċa hekk kif jinħareg tender u jingħata l-kuntratt il-ġdid peress li t-tender li nħareġ f’Lulju tal-2012 ġie kkanċellat minħabba appell u problemi proċedurali min-naħa tad-Dipartiment tal-Kuntratti.
Sadanittant it-Teatru Manoel għandu kuntratt ta’ sigurta’ mas-Sur Joe Thorne u s-Sur Mark Anthony Borg konġuntament. Dan is-servizz jingħata b’rata ta’ €4.50 is-siegħa (VAT Eskluża). Il-kuntratt ikopri l-perjodu l-1 ta’ Novembru 2012 sal-15 ta’ Ottubru 2015.
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-impenn tal-Gvern kontra x-xogħol prekarju jibqa’ dejjem wieħed assolut.
Il-Gvern jemmen li x-xogħol prekarju waqt li jċaħħad lill-ħaddiema mid-dinjita tagħhom, la jaghmel ġid lil min iħaddem u lanqas lill-ekonomija.
Il-kwistjoni tax-xogħol prekarju kienet ukoll diskussa fuq livell ta’ Kabinett.
Ġie maqbul li jitressaq Pjan ta' Azzjoni quddiem l-MCESD għad-diskussjoni mal-imsieħba soċjali, biex eventwalment ikun ippreżentat pjan t’azzjoni finali.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħata xogħol ta’ konsulenza mill-Ministeru tiegħu jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu fid-dekasteru tiegħu lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, mill-1998 sal-lum? Jista’ jgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender u kemm kienet l-ispiża f’kull każ?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma ngħata l-ebda xogħol ta’ konsulenza lill-kumpanija inkwistjoni.