Jista’ l-Ministru jgħid meta beda x-xogħol tat-tined il-ġodda tal-monti li se jkun fi Triq l-Ordinanza? Jista’ jgħid minn liema Ministeru u dipartiment saret l-ordni ta’ dawn it-tined?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment fi ħdan il-Ministeru tiegħi għamel xogħol fuq il-barkarelli tal-monti. Għal kull informazzjoni oħra, nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru konċernat.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12825, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu t-toroq li għalihom ġew sottomessi l-applikazzjonijiet? Kemm kien hemm toroq u liema kienu dawn li ġew sottomessi? Liema kienu t-toroq li ġew spezzjonati, il-173 li huma msemmija fir-risposta u liema kienu l-149 triq li ġew approvati? Fejn jinsabu dawn it-toroq?
Response (MIZZI, JOE)
Is-sottomissjonijiet ma sarux għand Transport Malta u għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi l-ewwel parti ta’ din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat. Madankollu, qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra lista ta’ toroq li ġew spezzjonati ( DOC A ). Niġbed l-attenzjoni għall-fatt li r-risposta għal mistoqsija parlamentari numru 12825 ma tgħidx li dawn ġew approvati iżda li dawn tressqu għall-approvazzjoni tal-Funds and Programmes Management Division. Din il-lista ta’ toroq li ġew imressqa għall-approvazzjoni ukoll qed titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra ( DOC B ).
Jista' l-Ministru jara li s-subway tal-Bombi tkun miżmuma fi stat tajjeb u li tista' tintuża miċ-Ċittadini Maltin u Għawdxin mingħajr ma jesponu ruħhom għal periklu mill-affarijiet li jista' jkun hemm f'din l-istess subway? Jista' jara li ma jinżamm ilma fiha wara li tagħmel ix-xita, titnaddaf mis-siringi u tkun mdawla tajjeb?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li jien ninsab infurmat li s-subway imsemmija titnaddaf tlett darbiet fil-ġimgħa, it-Tnejn, l-Erbgħa u l-Ġimgħa mid-Direttorat tat-Tindif. Madankollu b’effett immedjat din l-istess subway ser tibda tiġi mnaddfa kuljum. Ninsab infurmat ukoll illi d-dwal ta’ din is- subway ġew imsewwija u issa qed jixgħelu kollha.
Malta Public Transport Services Ltd – company secretary
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu l-kwalifiki u l-esperjenza rikjesti għall-post ta’ company secretary tal-Malta Public Transport Services Ltd li nħatar biex iservi bħala tali fl-2014?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li r-rikjesti mitluba għall-post ta’ Company Secretary tal-Malta Public Transport Services Ltd., f’Novembru tas-sena 2014, kienu ibbażati fuq l-applikazzjonijiet tal-Companies Act 1995, konformita’ mar- regolazzjoni kif mitluba mill-Malta Financial Services Association u esperjenza fil-pożizzjoni.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 13674 u ċjoè dwar xogħlijiet li saru riċentament fi Triq San Anard, Ħal Tarxien, filwaqt li nappreza li x-xogħol sar minn entità privata, jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet saru?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħlijiet li saru kienu ta’ trinek u cables minn entita’ tat-telekomunikazzjoni.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 13674 u ċjoè dwar l-asfaltar li hemm bżonn li jsir, jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-prijoritajiet tar-reġjun? Jista’ jgħid meta se jsiru?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi f’kull reġjun, bħal fil-każ tar-reġjun tal-lvant (fejn Triq San Anard, Tarxien, tagħmel parti minnu) Transport Malta tkun evalwat il-kundizzjoni ta’ diversi toroq u ttihom priorita’ skont il-bżonn.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta’ karozzi tal-linja li nżebgħu s’issa matul l-2014? Kemm kienet l-ispiża totali biex sar dan ix-xogħol? Meta sar dan ix-xogħol matul din is-sena? X’kienet ir-raġuni għal dan ix-xogħol?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat illi sal-aħħar ta’ Diċembru 2014 b’kollox kienu nżebgħu disa’ karozzi tal-linja.
Matul din is-sena, il-vetturi kollha qegħdin jiġu miżbugħa mill-operatur il-ġdid li ħa f’idejh is-servizz tat-trasport pubbliku u dan sabiex il-vetturi jkollhom il-logo / branding ta’ din il-kumpanija ġdida.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13579 fejn tlabt li jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt li ġie ffirmat mal-Autobuses de Leon, jista’ l-Ministru jgħid f’liema seduta se jkun qed ipoġġih fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ġaladarba l-poplu ikun infurmat b’dak kollu li għandu jkun jaf fuq is-servizz tat-trasport pubbliku ġdid, u dan mingħajr tfixkil min-naħa tal-Oppożizzjoni li jidher biċ-ċar li l-unika għan tagħha hu li tħawwad l-imħuħ, il-kuntratt iffirmat mal-Autobuses de Leon jiġi mpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Nassigura lill-Onorevoli Interpellant li dan mhux ser idum ma jiġri daqs kemm dam biex tpoġġa l-kuntratt li Gvern preċedenti kien għamel mal-kumpanija Arriva.
Infakkar lill-Onorevoli Interpellant li l-kuntratt li sar mal-kumpanija Arriva Malta Ltd ħa kważi ħdax-il xahar biex tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra minn meta kien ġie iffirmat. Infakkarha li l-kuntratt kien ġie iffirmat nhar l-20 ta’ Novembru 2010 u tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra nhar it-3 t’Ottubru tas-sena ta’ wara. Infakkarha ukoll li dan il-kuntratt kien tpoġġa fuq il-Mejda b’ xi informazzjoni imneħħija minnu hekk kif stqarr l-istess Ministru responsabbli mit-trasport ta’ dak iż-żmien. Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex tirreferi għall-Mistoqsija Parlamentari numru 27764 ta’ l-aħħar leġiżlatura biex tivverifika dan kollu. Madankollu nerġa inserraħ ras l-Onorevoli Interpellant li l-kuntratt mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra fil-mument opportun. F’ Marzu li ġej ser titniehda kampanja estensiva ta’ informazzjoni u dan sabiex ninfurmaw lill-poplu fuq is-servizz tat-trasport pubbliku l-ġdid. Qed nagħmlu l-affarijiet kif għandhom isiru, biex ma nirrepetux l-istess żbalji li saru mill-Gvern preċedenti fil-perjodu meta l-Arriva ħadet f’ idejha l-operat tat-trasport pubbliku f’pajjiżna fl-2011.
Għaldaqstant nixtieq infakkar ukoll lill-Onorevoli Interpellant fil-kampanja negattiva li ilha għaddejja min-naħa tal-Oppożizzjoni li l-uniku għan tagħha, kien u għadu, li tiżra’ d-dubji fost il-poplu. Infakkarha fl-istorja maħluqa mill-Oppożizzjoni dwar ir-raġuni li wasslet lill-Arriva biex twaqqaf l-operat tagħha ġewwa pajjiżna. Infakkarha li l-kumpanija Arriva kienet talbet €45 miljun f’sussidju biex topera rotot proposti mill-Gvern preżenti, liema rotot ser jiġu maħduma mill-operatur il-ġdid b’sussidju ta’ €29 miljun. Konna wasalna f’punt fejn l-Arriva Malta Ltd. riedet li tillikwida l-kumpanija. Għaldaqstant aħna għamilna dak kollu possibli sabiex impedejna milli dan iseħħ billi xtrajna il-kumpanija għal Euro u waqqafna kumpanija tranżitorja, il-Malta Public Transport Services Ltd. sakemm jintagħżel l-operatur il-ġdid. B’hekk salvajna l-impjiegi tal-ħaddiema u bqajna noffru servizz ta’ trasport pubbliku aħjar minn dak li sibna. Saret kritika distruttiva għall-aħħar min-naħa tal-Oppożizzjoni, minkejja li kull statistika miġbura kienet turi mod ieħor, fil-perjodu li l-operat tat-trasport pubbliku kien f’idejn il-kumpanija tal-Gvern. Matul dan il-perjodu kien hemm żieda fil-passiġġieri li jużaw it-trasport pubbliku, żieda fil-bejgħ ta’ biljetti, kif ukoll żieda fil-manutenzjoni tal-karozzi li wasslet għal inqas inċidenti. Rajna ukoll tnaqqis drastiku fl-ilmenti. Akkużaw lill-MPTS li kienet waqqfet ċertu
Night Routes
, meta fil-fatt dawn kienu twaqqfu żmien qabel, meta t-trasport kien għadu f’ idejn l-Arriva. L-istess ġara meta l-Arriva, f’lejliet l-ewwel tas-sena, fl-aħħar jiem tal-operat tagħha f’ pajjiżna, talbet €5 għal kull vjaġġ . Li ma qalitx l-Oppożizzjoni hu li l-ftehim iffirmat mill-istess Oppożizzjoni, dak iż-żmien fil-Gvern, kien jippermetti li jsir dan.
Infakkarha ukoll fl-istorja mibnija mill-Oppożizzjoni fir-rigward tal-kumpanija Skoċċiża McGill’s li qalu rtirat l-interess tagħha minħabba l-intoppi li sabet min-naħa tal-Gvern. Infakkarha li meta l-kumpanija McGill’s kienet bagħtet rappreżentanti tagħha ġewwa pajjiżna biex jagħmlu laqgħat max-xufiera, il-Partit Nazzjonalista kien ipprova jagħti l-impressjoni li l-Gvern żamm din il-laqgħa mistura. Dan meta il-Ministeru tiegħi lanqas biss kien jaf b’din il-laqgħa aħseb u ara kemm stajna konna involuti f’din l-istess laqgħa. L-istess Partit Nazzjonalista kien qal li b’ McGill’s f’ Malta, kien ser ikollna Arriva oħra, u dan minħabba l-fatt li d-direttur maniġerjali ta’ din il-kumpanija qabel kien jaħdem mal-Arriva.
L-istess ġara fil-konfront tal-kumpanija National Express. Il-Partit Nazzjonalista anke f’ dan il-każ, permezz tal-kelliema tiegħu, qal li kien diffiċli li taħdem mal-Gvern u li l-istess Gvern kien qed juża politika ta’ ħabi. Kontradizzjoni fl-għola livell, meta tqis li l-kumpanija li illum qed tmexxi t-trasport pubbliku f’ pajjiżna hija kumpanija sussidjarja ta’ l-istess National Express .
Kampanja negattiva saret ukoll fuq żjara ta’ verifikazzjoni li saret ġewwa Spanja fuq l-operat tal-kumpanija Autobuses de Leon, bi klawsola fl-
Expression of Interest
kienet tippermetti li jsir dan. U dan sar peress li d-differenza fit-talba għas-sussidju mill-kumpanija Arriva, dik Spanjola u dik Maltija kienet waħda sostanzjali. Filwaqt li l-iSpanjoli talbu sussidju ta’ 29 miljun ewro, it-talba tal-Arriva kienet ta’ 45 miljun ewro u tal-Maltin kienet ta’ 40 miljun ewro. Ridna nivverifikaw li din id-differenza fit-talba ma jkolliex impatt negattiv fis-servizz offrut. L-Oppożizzjoni mill-ewwel ħarġet bl-attakki tagħha fuq din il-kumpanija Spanjola biex ibeżżgħu lill-poplu, fosthom li din hija kumpanija provinċjali u tħaddem ftit nies. Beżżgħu li ser ikun hemm tkeċċija ta’ ħaddiema mill-istess Spanjoli, kif ukoll li l-impjiegi tal-Maltin kien ser jiġi meħuda mill-ħaddiema Spanjoli, meta l-fatti qed juru mod ieħor. Mhux talli ma tkeċċewx ħaddiema, iżda qed isiru sejħiet biex jiġu ingaġġati aktar ħaddiema ma’ dawk li diġa’ hemm. U l-Oppożizzjoni bl-aġir tagħha qed tkompli tippersisti bin-negattivita’ tagħha. Tant hu hekk, li ftit jiem ilu, fi programm fuq l-istazzjon televiżiv nazzjonali, waqt diskussjoni li kont preżenti għaliha jien, kien hemm rappreżentanta tal-Partit Nazzjonalista li ppruvat tiżvija u titfa’ d-dubji, speċjalment fejn jidħlu t-tariffi l-ġodda li ser jiġu introdotti f’ Lulju li ġej.
Biex is-servizz u l-effiċjenza tat-trasport pubbliku tkompli titjieb il-Gvern ser jibqa’ impenjat li jnaqqas l-inkonvenjent ikkawżat mill-konġestjoni tat-traffiku. Anke hawn, l-Oppożizzjoni m’għamlitx dmirha sewwa kif kien mistenni li tagħmel. Bil-ftuħ ta’ Dock 7, indirizzajna b’mod konkret il-problema tat-traffiku fin-naħa t’ isfel ta’ Malta. Iżda anke hawn, l-Oppożizzjoni beżżet lill-poplu biex ma jużax Dock 7 għax skont huma, il-karozzi li kienu ser jagħmlu użu mid-Dock, ma kienux inxurjati. Baqgħu jinsistu li l-
Bendy Buses
għandhom jibqgħu jiċċirkolaw fit-toroq tagħna, meta kienu jafu li dawn kienu wieħed mill-fattur li kien qed jikkawża il-konġestjoni fit-traffiku, apparti l-inċidenti ta’ ħruq li kellhom l-istess karozzi, b’sogru għall- passiġġieri u għal sewwieqa oħra. L-istess Kap tal-Oppożizzjoni akkużana li s-sitwazzjoni tat-traffiku kienet marret għal agħar, iżda meta mistoqsi xi ħsieb għandu kif jista’ jsolvi din il-problema, it-tweġiba tiegħu kienet li hu qiegħed fl-Oppożizzjoni u r-risposti għandhom jiġu mingħand il-Ministru responsabbli u mhux mingħandu. Ta’ min ifakkar li minn studju li kien sar mill-
Institute for
Climate Change and Sustainable
Development
tal-Universita’ ta’ Malta bil-kollaborazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea rappreżentata f’Malta, is-sitwazzjoni tat-traffiku f’pajjiżna fil-perjodu ta’ Gvern preċedenti kienet ħafna aktar imwiegħra milli kienu jippruvaw ipinġuha. Dan l-istudju sar fl-2012, fit-tieni sena tal-operat tal-kumpanija Arriva. Hawnhekk rajna nuqqas fin-numru ta’ passiġġieri li jużaw it-trasport pubbliku, bil-konsegwenza li rajna żieda fil-karozzi privati fit-toroq tagħna, kif ukoll żieda drastika f’ inċidenti tat-traffiku. Dan kollu kien konsegwenza tal-falliment fir-riforma tat-trasport pubbliku. Ta’ min wieħed jinnota li waħda mill-persuni li għamlu dan l-istudju hija l-istess persuna li llum il-ġurnata tmexxi wieħed mid-disa’ fora maħtura mill-Partit Nazzjonalista.
Dan kollu juri li l-għan ewlieni tal-Oppożizzjoni kien li tfixkel il-ħidma tal-Gvern biex jinstab operatur ġdid tat-trasport pubbliku , minflok li tagħti is-sehem tagħha, kif kellha d-dmir li tagħmel. Kumbinazzjoni waqt id-diskors tal-budget, dak inhar il-UBS għamlu talba għall-mandat li temporanjament kien ġie milqugħ. Fil-bidu tas-seduta, l-Oppożizzjoni dehret sodisfatta li kien sar dan il-mandat, meta jien lanqas biss kont għadni naf li sar. Dan seta’ ipperikola il-ftehim milħuq mal-operatur il-ġdid. Tajjeb li nfakkar ukoll li dan il-mandat inqata’ favur il-Gvern, bl-Oppożizzjoni ma tantx turi li hija sodisfatta b’ din id-deċiżjoni.
L-aħħar minn sensiela ta’ intoppi mill-Oppożizzjoni kienet meta l-kuntratt bejn l-
Autobuses de Leon
u l-UBS ma ġiex imġedded minħabba nuqqas ta’ qbil bejn iż-żewġ naħat. Il-kumpanija Spanjola għamlet arranġamenti oħra biex is-servizz setgħa jkompli mingħajr ebda inkonvenjent għall-passiġieri. Hawnhekk l-Oppożizzjoni permezz tal-
media
tagħha tat l-impressjoni li ntużaw
mini-buses
minflok
coaches
, meta dawn l-istess
mini-buses
kienu ilhom jintużaw fuq diversi rotot. Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 13694, magħmula minnha stess rigward l-użu tal-mini-buses fuq diversi rotot. Nassigura lill-Onorevoli Interpellant li għadhom jintużaw l-istess ammont ta’ mini-buses daqs kemm kienu qed jintużaw meta il-ftehim mal-UBS kien għadu fis-seħħ.
Madankollu, il-ħidma tal-Gvern kompliet għaddejja minkejja dawn l-intoppi kollha. Fassalna rotot ġodda wara konsultazzjoni miftuħa mal-pubbliku u mal-kunsilli lokali kollha, u dan mingħajr ma tfajna piż żejjed fuq il-poplu. Ħaddieħor nefaq miljun ewro fuq kampanja ta’ konsulenza u informazzjoni li wasslet biss għal kaos fil-pajjiż.
Illum pajjiżna għandu operatur tat-trasport pubbliku ġdid u jien bħala Ministru ser nesiġi li l-istess operatur jimxi mal-ftehim biex ikollna servizz li jkun aċċettat mill-poplu Malti u Għawdxi kollu minkejja d-diffikultajiet li sibna.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inxtraw day tickets tat-trasport pubbliku matul dawn l-aħħar 12-il xahar? Jista’ jagħti average ta’ kemm-il darba kuljum kien qed jintuża d-day ticket?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi minn informazzjoni mgħoddija mill-operatur tat-trasport pubbliku, bejn Jannar u Diċembru 2014 ġew mibjugħa 10,175,554 day tickets.
Infurmat ukoll li sar studju minn Transport Malta s-sena l-oħra sabiex tieħu indikazzjoni ta’ kemm passiġġieri qegħdin jagħmlu użu mill-biljetti illi jkunu xtraw. Peres li dan l-istudju sar biss fuq jumejn separati minn sena sħiħa, dan ma jagħtix indikazzjoni koretta ta’ kemm-il darba jintuża day ticket f’ġurnata.
F’ Marzu li ġej ser titniehda kampanja estensiva ta’ informazzjoni u dan sabiex ninfurmaw lill-poplu fuq is-servizz tat-trasport pubbliku l-ġdid u ta’ kif ser tkun qed titħaddem is-sistema ta’ xiri ta’ biljetti.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il karozza tal-linja second hand inkriet biex jintużaw għas-servizz mogħti mill-Autobuses de Leon? Jista’ jgħid x’Euro Level għandhom?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li sat-30 ta’Jannar 2015, l-operatur tat-trasport pubbliku l-ġdid irreġistra ħames karrozzi tal-linja għal żmien definit, liema vetturi inkrew mir-Renju Unit. Dawn il-karozzi tal-linja huma kollha Euro V u huwa mistenni li fil-ġimgħat li ġejjin, l-operatur il-ġdid se jirreġistra numru ta’ vetturi oħra illi ukoll ġew mikrija mir-Renju Unit għal żmien definit. It-total ta’ karozzi tal-linja mikrija li sejrin ikunu qed jiġu mpurtati huwa ta’ 32. Dawn il-karozzi ġew mikrija għall-perjodu temporanju. Infakkar ukoll lill-Onor. Interpellant li l-operatur huwa marbut illi jimporta 142 karozza ġdida oħra.
B’referenza għall-karozzi tal-linja second hand li nkrew biex jintużaw għas-servizz mogħti mill-Autobuses de Leon, jista’ l-Ministru jgħid jekk dawn inkrewx tale quale jew inkella sarulhomx xi modifikazzjonijiet? Jekk saru xi modifikazzjonijiet, jista’ jgħid fiex kienu jikkonsistu?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-karozzi tal-linja li nkrew mill-operatur tat-trasport pubbliku ġew iċċertifikati mir-Renju Unit mill-Vehicle and Operator Services Agency (VOSA) ftit tal-ġranet qabel ma’ dawn il-vetturi ġew irreġistrati f’Malta l-ġimġħa li għaddiet. Minn dak in-nhar, ma saret l-ebda modifika fuq l-istess vetturi.
Infurmat ukoll li ċertu apparat bħal CCTV cameras, magni tal-biljetti u tracking devices qed jiġu installati wara din iċ-ċertifikazzjoni sabiex il-karozzi tal-linja jkunu konformi mar-rekwiżiti mitluba mill-istess Awtorità fil-kuntratt illi ġie iffirmat fit 8 ta’ Jannar 2015.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-karozzi tal-linja magħrufa bħala BMC’s (li kienu dawk il-karozzi tal-linja li s-sewwieqa kienu jitgħallmu fuqhom) humiex se jintużw fuq ir-rotta mill-Autobuses de Leon?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm karozzi tal-linja tat-tip BMC li kienu u għadhom liċenzjati sabiex ikunu jistgħu jintużaw fuq is-servizz tat-trasport pubbliku.
Għaldaqstant, bil-permess ta’ Transport Malta, l-Malta Public Transport jistgħu jagħmlu użu minn dawn il-vetturi fuq is-servizz tat-trasport pubbliku.
Malta Public Transport Services Ltd – company secretary
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 13673, jista’ l-Ministru jgħid x’remunerazzjoni għandu l-company secretary tal-Malta Public Transport Services Ltd li nħatar biex iservi bħala tali fl-2014?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-remunerazzjoni tal-Company Secretary tal-Malta Public Transport Services Ltd. għandha tiġi diskussa fil-Board Meeting tal-kumpanija li se jinżamm fil-bidu ta’ dan ix-xahar.
Jista’ l-Ministru jikkonferma illi x-xogħol ta’ ħadid li qed isir f’Sant’ Iermu qiegħed jinħadem minn ħaddiema barranin u li dawn qed ikunu mġiegħla jaħdmu mis-7a.m. sa nofsillejl kuljum? Jekk fl-affermattiv, jista’ l-Ministru kkonċernat jiggarantixxi illi l-ħaddiema tal-kuntrattur abbinat max-xogħol tal-ħadid qegħdin jitħaddmu skond il-liġijiet lokali?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li m'hemm ebda ħaddiema li qed jaħdmu is-sigħat li semma l-Onor. Interpellant.
Ħ'Attard -Triq l-Għenba u Triq l-Linja — pjan ta' titjib ta' spazju
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux ser ikompli fuq l-pjani li kien hemm lesti biex l-Gvern itejjeb l-ispazju li jinsab bejn Triq l-Għenba u Triq l-Linja Ħ’Attard u li jintuża kontinwament minn diversi residenti speċjalment bħala parkeġġ quddiem l-ħanut lid-dettalji dwarhu qed jingħataw separatament li hemm fi Triq l-Għenba Ħ’Attard?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-Taqsima tax-Xogħlijiet għad m’għandha l-ebda pjanijiet għas-sit imsemmi.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hi mistennija li tkun l-ispiża biex il-karozzi tal-linja jiġu miżbugħa biex jitneħħew il-kuluri li preżentement għandhom dawn il-vetturi? Min qed iwettaq ix-xogħol, u kif intagħżel?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat illi fil-preżent, il-vetturi kollha qegħdin jiġu miżbugħa mill-kumpanija privata illi qegħda topera s-servizz tat-trasport pubbliku.
Billi ġie rrappurtat li l-kuntratt jispeċifika li l-karozzi tal-linja jridu jiġu miżbugħa, jista’ l-Ministru jikkonferma dan u jqiegħed kopja tal-kuntratt fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (MIZZI, JOE)
Huwa mifhum li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għall-kuntratt li kien ġie iffirmat fit-2 ta’ Jannar 2014 bejn Arriva Malta Holdings Limited, Arriva Zuid Europa Holdings B.V u l-Malta Public Transport Sevices Limited. Għaldaqstant nirreferih għar-risposta li kienet ingħatat għall-mistoqsija parlamentari numru W162 u b’mod speċifiku għall-klawsola 7.4 tal-kuntratt illi kien ġie mqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra bħala parti minn din ir-risposta.
Nikkonferma wkoll li l-logo/branding tal-kumpanija Arriva tneħħa kollu mill-karozzi tal-linja fiż-żmien stipulat skont dan l-istess kuntratt.
Jista’ l-Ministru jgħid xi twettaq s’issa mill-istrateġija għas-sigurtà fit-toroq li tnediet f’konferenza stampa f’April 2014? Jista’ jgħid b’kemm naqsu l-inċidenti fatali, bi ġrieħi gravi u bi ġrieħi ħfief, minn meta tnediet l-istrateġija sal-aħħar tas-sena 2014 meta mqabbel mal-istess perjodu tas-snin 2012 u 2013?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li Transport Malta wettqet dawn il-miżuri mir-Road Safety Strategy hekk kif ġej:
· Tħejjew l-Avviżi Legali li jipprojbixxu annimali fit-toroq arterjali u distributorji fil-ħinijiet kritiċi tat-traffiku b’xi eċċezzjonijiet;
· Qed isiru
Road Safety Audits
fuq disinji ġodda ta’ toroq arterjali u distributorji skont id-Direttiva tal-Unjoni Ewropeja;
· Fid-disinji tat-toroq ġodda qed jiġi nklużi
designated cycle lanes
fejn il-wesgħat tat-triq jippermettu
· Ġew installati diversi
Vehicle Activated Signs
dwar limitu ta’ veloċita’ tas-sewqan u ta’ kisriet fit-toroq u
roundabouts
;
· Ġie approvata u nstallata
speed camera
fil-
Bypass
ta’ San Pawl il-Baħar;
· Tlesta l-proġett tal-identifikazzjoni ta’ rotot fejn hemm bżonn li jitwaħħlu tabelli ‘Rkib taż-Żwiemel’, liema tabelli fiż-żona tal-Magħtab ser jibdew jitwaħħlu fil-jiem li ġejjin bħala l-ewwel fażi tal-proġett;
· Saru diversi proġetti sabiex titjieb is-saħħa u sigurta’ fit-toroq u żżid l-effiċjenza tat-sistema tat-traffiku:
- Ġew implimentati żewġ
lanes
mir-
roundabout
ta’ Ħal Lija saċ-ċimiterju ta’ Ħal-Lija biex taffiet il-problema ta’ vetturi li jgħaddu fil-ħruġ tar-
roundabout
- Ġie eliminat ħruġ mir-
roundabout
ta’ Ħal- Qormi li kien qed jikkawża inċidenti tat-traffiku
- Ġie irranġat quddiem id-Daħla tal-Mdina sabiex tjiebu l-faċilitajiet biex jaqsmu n-nies u kif iduru l-vetturi
- Sar disinn ġdida u ġie mplimentat fl-inkroċju bejn Triq Labour u Vjal 21 ta’ Settembru fin-Naxxar
- Ġiet ikkreata
waiting lane
fit-Triq ta’ Buqana fl-inkroċju lejn Ta’ Qali
- Saret sistema ta’
one-ways
f’partijiet minn Triq Mrabat, Triq Birkirkara u Telgħet San Ġiljan
- Sar u ġie mplimentat disinn ġdid għall-inkroċju bejn Triq Difiża Ċivili k/m Triq Fortizza tal-Mosta, Mosta
-
Centreline
fin-nofs tal-
gyratory
tar-
roundabout
ta’ Triq Mdina k/m Triq Manuel Dimech k/m Triq Ħal-Luqa, Qormi
-
Centreline
fin-nofs tal-
gyratory
tar-
roundabout
ta’ Triq Ħal- Qormi k/m Triq Manuel Dimech k/m Triq San Bastjan, Qormi
- Infetħet Triq il-Knisja minn k/m Triq Ross sa k/m Triq Spinola, San Ġiljan, sabiex taffiet il-problema ta-vetturi li jagħqdu fil-parti bejn Triq San Ġorg k/m Triq Ross fejn jinġemgħu ħafna pedonali
- Ġiet ikkrejata
waiting lane
fi Triq Għajn Dwieli k/m Triq il-Baċir sabiex vettui li jduru lejn Triq il-Baċir jistgħu jistennew b’mod sikur
- Ġew installati
traffic lights
fi Triq Żagħfran k/m Triq Mdina, Attard, li ser jinxtegħlu fil-ġranet li ġejjin
- Ġew installati
bollards
sabiex ittawwlet is-
central strip
fil-
bypass
tal-Mellieħa parti mir-
roundabout
Ta’ Pennellu
- Sar disinn ġdid għaż-żona ta’ Bieb is-Sultan, il-Birgu, li ser jiġi mplimentat fix-xhur li ġejjin
- Ġie ddisinjat u mplimentat arranġament fi Triq Villabate k/m Triq San Ġużepp, Żabbar, sabiex tiġi ndirizzata l-problema tal-ħbit f’dan l-inkroċju
- Sar disinn ġdid għall-
bus stop
fir-
roundabout
bejn Triq Valletta k/m Vjal Sir Pul Boffa, Raħal Ġdid, sabiex tiġi ndirizzata l-problema li xarabank tar-rotta tieqaf fir-
roundabout
biex tgħabbi u tħott in-nies, liema xogħlijiet ser isiru fix-xhur li ġejjin
- Proġett ta’
Intelligent Traffic Management Systems
liema
tenders
qed jiġu evalwati.
L-istatistika mitluba hija kif ġej:
SENA
ĦFIEF
GRAVI
FATALI
Year 2012
1290
300
9
Year 2013
1300
265
18
Year 2014
1494
292
11
Jien infurmat li r-Road Safety Strategy tnediet f’April 2014 bħala dokument għal konsultazzjoni. Wara perjodu ta’ konsultazzjoni pubblika, fejn il-pubbliku kien mistieden jgħaddi l-kummenti u suġġerimenti, tali ġew analizzati minn Transport Malta u kien hemm suġġerimenti validi li ġew milqugħa. Wara dan il-perjodu, beda jsir ix-xogħol fuq il-miżuri proposti fid-dokument f’Ottubru 2014. Għaldaqstant, nistennew li r-riżultati ta’ dawn il-miżuri li qed jittieħdu jibdew jagħtu l-frott fix-xhur li ġejjin.