Legislature:
Category:
Reset
Active:

VRT

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm weħlu persuni mill-VRT test minn mindu beda jsir?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li minn mindu beda jsir il-`Vehicle Roadworthiness Test` sad-29 ta` Frar 2000 kien hemm 5104 vetturi li weħlu fl-ewwel test. Bosta minn dawn għaddew mit-tieni test, wara li jkunu saru t-tiswijiet neċessarji.

Żebbuġ — Pelican lights

Question

Jista' l-Ministru jara li x-xogħol diġa' approvat għall-installazzjoni ta' pelican lights f'Siġġiewi Road, Ħaż-Żebbuġ (ART & DIST RDS/6) jsir malajr kemm jista' jkun peress li din it-triq hi traffikuża ħafna u toħloq periklu kbir għal kull min ikollu bżonn jaqsamha?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li x-xogħol fuq l-istallazzjoni tal-'pelican lights' huwa l-ħin kollu għaddej mid-Dipartiment, u x-xogħol indikat mill-Onor. Interpellant qiegħed f'din il-lista biex jiġi esegwit. Ix-xogħol ta' dan it-tip bilfors irid isir waħda wara l-oħra peress li hemm xogħol ta' trinek, elettriku, bankini, ħaddieda u ta` senjalazzjoni li kollu jrid jimxi id f'id.

Ministeru tat-Trasport u Kommunikazzjoni — Karozzi mikrija

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk mill-5 ta' Settembru, 1998 'l hawn kienx hemm xi karozzi mikrija lill-Ministeru jew xi entita' oħra li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu, jew mixtrija mill-ministeru jew minn xi entita' oħra li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu, jew proprjeta' tal-ministeru jew ta' xi entita' oħra li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu, li qed jintużaw minn individwi li m'humiex uffiċjali jew impjegati mal-ministeru jew xi entita' oħra li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jgħid: (1) minn min qed jintużaw; (2) minn meta bdew jintużaw; (3) x'marka huma l-karozzi u meta nxtraw; (4) kemm swew fi flus Maltin; (5) xi kriterji ntużaw biex qed jintużaw minn min qed jintużaw?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li fil-każ ta` membri tas-Segretarjati ta` Ministri u Segretarji Parlamentari il-kriterji dwar użu ta` karozzi uffiċjali huma mniżżla fid-dokument `Engagement of Staff for Private Secretariats` li tpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra. Fil-kaz ta` uffiċjali oħra fid-dekasteru tiegħi li għandhom ftehim jew kuntratt, l-użu huwa regolat minn tali ftehim jew kuntratt. Il-Karozzi ufficjali kollha l-oħra għandhom jintużaw minn min għandu l-permess jagħmel dan. Jekk l-Onor.Interpellant għandu xi każ f`moħħu li huwa jidhirlu li jien għandi nkun naf biħ, nitolbu jagħtini l-informazzjoni rilevanti.

Żejtun — Tneħħija ta' containers

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 14670 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent u li ġiet riferuta lilek u cioe: jista' d-dipartiment konċernat jieħu passi biex jitneħħew trailers u containers u vetturi oħra li jinsabu biswit u f'għalqa li tinsab 'l isfel minn Triq Strejnu, viċin triq id-Daħla ta' San Tumas li qed tkerrah dan il-post? Kif baqa' ma sar xejn meta dan l-individwu biddel l-għalqa tiegħu f'industrial zone meta mhijiex qiegħda f'industrial area u qed jimla' t-triq u l-għalqa b'containers, trailers, vetturi u żjut?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat, il-Ministru ta' l-Intern.

Tar-Rabbat — Toroq

Question

Fid-dawl tad-diskors tal-Ministru tal-bieraħ fil-Ħamrun dwar l-għoti tat-tarmac fit-toroq fl-inħawi Tar-Rabbat, jista' jgħid meta hu maħsub li jinbeda dan ix-xogħol? Hi maħsuba xi forma ta' embellishment ta' Pjazza 7 ta' Ġunju, 1919 fl-istess inħawi?

Response (GALEA, ĊENSU)

Id-Dipartiment tat-Toroq ħareġ sejħa għal offerti sabiex it-toroq f'dawn l-akwati jiġu ffurmati.

B'Kara — Triq Franġisku Buhagiar

Question

Billi Triq Franġisku Buhagiar, Birkirkara hi maqsuma min-nofs u tinsab fi stat ħażin ħafna, jista' l-Ministru jagħti struzzjonijiet biex din il-parti tat-triq tiġi rranġata u mogħtija t-tarmac peress li qiegħda tkun ta' inkonvenjent kemm għan-nies tal-post u kemm għal dawk li jridu jużawha?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li t-triq imsemmija mill-Onor. Interpellant għadu tiela l-bini fiha, u għalhekk ix-xogħol ta' l-asfalt isir skond il-prijoritajiet tad-Dipartiment.

Bus stop

Question

Jista' l-Ministru jara li tinżebagħ l-art u ssir il-kelma "Bus Stop" quddiem stage, li l-partikolaritajiet tiegħu qed jintbagħtu separatament, minħabba l-problemi li qegħdin jinqalgħu?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Awtorita` dwar it-Trasport Pubbliku ħadet il-passi neċessarji biex it-talba ta` l-Onor. Interpellant tiġi milqugħa mill-aktar fis possibli.

San Pawl il-Baħar — Triq Massimiliano Colbe - Tiswija

Question

Jista' l-Ministru jara li Triq Massimiliano Colbe, San Pawl il-Baħar titranġa peress li tinstab fi stat ħażin ħafna?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li t-triq ma fihiex is-servizzi kollha mqegħda u għalhekk ma' tistax tiġi asfaltata, għalissa. Bħalissa t-triq hija fi stat ħazin peress li l-materjal li ntefa fiha hu kollu tafli u dan ikun irid ukoll jitneħħa qabel l-asfalt ikun jista' jsir.

Tarxien — Triq Dun Karm Sant

Question

Jikkonsidra l-Ministru li Triq Dun Karm Sant, Tarxien, issir one way minħabba n-numru esaġerat ta' inċidenti li jseħħu fiha, speċjalment fil-parti fejn hemm liwja angolata ħafna? Fin-nuqqas, jistgħu għallinqas isiru żewġ sleeping policemen biex iġiegħlu l-vetturi jnaqqsu l-veloċita'?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li l-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku ħa nota tas-suġġeriment ta' l-Onor. Interpellant u b'konsultazzjoni mall-Kunsill Lokali ta' Ħal-Tarxien ser jara x'jista' jsir.

Toroq — Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jinformana liema huma dawk it-toroq fl-Imġarr, Manikata u Żebbiegħ li huma responsabbli għalihom il-gvern ċentrali u li matul din is-sena se jingħataw it-tarmac?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Dipartiment għadu kif ta kuntratt biex issir Triq Vitale, Mġarr, kif ukoll ħareġ sejħa għal offerti għal xogħolijiet f`toroq Istaġuni, Raddiena, Fdal Puniku u A. Deguara fiż-Żebbiegħ. Dwar il-Manikata d-Dipartiment qiegħed f`konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa dwar xogħolijiet fit-toroq peress li hemm xogħol li jrid isir ukoll mill-Water Services Corporation fil-lokal.

Toroq — Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jinfurmana liema huma dawk it-toroq fil-Qawra, Buġibba u San Pawl il-Baħar li huma fir-responsabbilta' tal-gvern ċentrali u li se jingħataw t-tarmac matul din is-sena?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li bħalissa qed isir xogħol ta` tqegħid tal-`wearing course` f`Mosta Road, Triq San Pawl u Triq San Ġorġ. Xogħolijiet f`toroq oħra isiru skond il-prijoritajiet tax-xogħol li għandu d-Dipartiment.

Toroq — Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jinformana liema huma dawk it-toroq f'Burmarrad u fil-Wardija li huma fir-responsabbilta' tal-gvern ċentrali li se jingħataw it-tarmac matul din is-sena?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq fil-preżent qed isewwi l-ħsarat li saru bil-maltemp ta` din ix-xitwa fil-Wardija, kif ukoll qed isiru spezzjonijiet fit-toroq li għadhom mhux asfaltati f`Burmarrad biex jiġi deċiż prijorita` tax-xogħolijiet fl-inħawi.

Imtarfa — Bypass - Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jinformana meta se jitkomplew ix-xogħlijiet fuq il-bypass ta' l-Imtarfa? Kemm swew s'issa dawn ix-xogħlijiet fuq din it-triq u kemm mistennija li tiswa meta tkun ffinalizzata?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li x-xogħolijiet waslu biex jitlestew hekk kif titlesta` parti ta` ħajt biex jilqa t-tafal milli jaqa` fit-triq, u jingħata l-aħħar wiċċ fil-parti t`isfel tat-triq. Bħalissa l-ammont ta` xogħol li sar hu stmat li jiswa Lm65,000, u meta t-triq tkun lesta kollha, inklużi ż-żewġ kareggjati, ix-xogħol hu stmat li jitla madwar Lm200,000.

Żurrieq — Triq l-Għadir

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta Triq l-Għadir fiż-Żurrieq se tingħata wiċċ issa li għaddew aktar minn 12-il sena minn meta din it-triq infetħet?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li t-triq indikata mill-Onor. Interpellant hija asfaltata w peress li l-manutenzjoni tagħha ssir mill-Kunsill Lokali nitlob l-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

PTA — Xufiera

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' xufiera li qed jaħdmu bħala xufiera fuq il-karozzi tal-linja? Kemm-il siegħa suppost jaħdmu fil-ġimgħa? X'inhi l-medja ta' sigħat li jaħdmu fil-ġimgħa? Kemm hija lanqas paga ta' xufier tal-karozzi tal-linja? Kem hu l-ħlas meta xufier jaqbeż is-sigħat permessi mil-liġi?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li bħalissa hemm 2572 individwu li jipposjedu `tag` maħruġa mill-Awtorita` tat-Trasport Pubbliku li biha jistgħu jsuqu karozza tal-linja, coach, Red Mini Van jew White Window Van. Dwar il-kumplament tal-mistoqsija, nirreferi lill-Onor. Interpellant għal `Public Transport Wages Council Wage Regulation Order, 1969` (Avviż Legali Nru. 34 ta` l-1969).

Vetturi — Liċenzji

Question

Matul l-1999, jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm sidien li ma ħallsux il-liċenzja għall-vettura tagħhom fiż-żmien stipulat? Kemm-il vettura ġiet irrapportata bħala skrappjati matul l-istess żmien? Kemm-il sid itella' l-qorti għaliex baqa' ma ħallasx il-liċenzja għal vettura tiegħu?

Response (GALEA, ĊENSU)

Rigward l-ewwel u t-tieni parti tal-mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li tajt għall-mistoqsija parlamentari Nru. 13252. Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija jien infurmat li mhix il-prattika tad-Dipartiment li jtella lis-sidien tal-vetturi il-Qorti għax ma jħallsux il-liċenzja tal-vetturi tagħhom. F`każijiet bħal dawn id-Dipartiment jimxi skond il-proċedura kif spjegata fl-istess risposta tal-mistoqsija parlamentari Nru. 13252.

VRT test

Question

B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 14317, jista' l-Ministru jgħid jekk mill-4230 vettura li weħlu mill-VRT test mindu ġiet introdotta, kemm reġgħu għamluh u kemm kien hemm li xorta m'għaddewx? X'jiġri meta vettura ma tgħaddix minn dan it-test għal aktar minn darba?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Dipartiment tal-Liċenzi u t-Testijiet ma jżommx din it-tip ta' statistika. Jekk vettura ma tgħaddix mill-'Vehicle Roadworthiness Test' tista` terġa tagħmel 'test' ieħor sakemm tgħaddi.
Leg 9 PQ #14968 Sitting 269 2000-03-22 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni

Vodafone — Tnaqqis tat-tariffi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid fiex waslet it-talba tal-Vodafone għal tnaqqis fit-tariffi għall-użu tal-mobile telephone? Meta se tiġi ffinalizzata din it-talba?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li din it-talba għadha pendenti għand ir-Regolatur.

Ministeru tat-Trasport u Kommunikazzjoni — Karozzi mixtrija

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk mill-5 ta' Settembru, 1998 'l hawn kienx hemm xi karozzi li ġew mixtrija mill-ministeru jew minn xi entita' oħra li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu, li ġew mogħtija b'donazzjoni lill-individwi li m'humiex uffiċjali jew impjegati mal-ministeru jew xi entita' oħra li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid: (a) lil min ingħataw; (b) x'marka huma l-karozzi u meta nxtraw; (c) kemm swew fi flus Maltin; (d) xi kriterji ntużaw biex dawn l-individwi ngħataw din il-karozza?

Response (GALEA, ĊENSU)

Le.

Żurrieq — Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jitlestew ix-xogħlijiet taħt il-mini li jieħdu lejn iż-Żurrieq? Jara l-Ministru li jkun hemm iżjed minn żewġ ħaddiema fuq il-lant (kif qed ikun hemm preżentement)?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li hu mistenni li x-xogħol jitlesta sa l-aħħar t`April.