Legislature:
Category:
Reset
Active:

Tal-Pieta' — Bus Lane

Question

Jista' il-Ministru jikkonsidra li terġa' tinfetaħ il-bus lane li kien hemm f'Tal-Pieta' quddiem l-ex torpedo depot illum ġnien, fid-direzzjoni ta' l-Imsida?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat illi preżentament m'hemm l-ebda ħsieb illi din il-Bus Laneterġa tinfetaħ.

Siġġiewi — Triq Patri Ġuże Delia

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 10018 u cioe' jara l-kwalita' ta' xogħol li sar fil-bini ta' Triq Patri Ġuże Delia, fis-Siġġiewi peress li issa l-persuna li toqgħod fit-tarf ta' ġewwa tat-triq ma tistax toħroġ mill-garaxx?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li x-xogħol fit-triq imsemmija sar bħala parti mill-ftehim fejn il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi gie allokat il-fondi mill-Awtorita dwar it-Trasport biex isir xoghol ta’ kostruzzjoni ta’ toroq. L-uffiċjali tal-ADT xorta jispezzjonaw dawn ix-xogholijiet b’mod regolari. Il-bini ta’ din it-triq sar skond il-livelli li nghataw mill-MEPA

Persuni li għandhom permess joperaw taxi

Question

Jista' il-Ministr jirrispondi mistoqsija parlamentari 9958 u cioe' jista' jgħid kemm hemm persuni li għandhom il-permess joperaw taxi f'pajjiżna?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-Mistoqsija Parlamentari numru 9958.

Green Leaders

Question

Jista' il-Ministru jgħid f'liema dipartimenti fil-ministeru tiegħu saret l-għażla ta' Green Leaders? Saret sejħa għall-applikazzjonijiet fid-dipartimenti konċernati? Xi kwalifiki għandhom dawn il-persuni? Kemm se jitħallsu ta' dan ix-xogħol? Hemm xi allowances marbuta ma' din il-pożizzjoni?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Il-green leaders ġew nominati mis-Segretarju Permanenti wara li ntalbu mis-Segretarju Prinċipali Ewlieni fl-uffiċċju tal-Prim Ministru. M'hemm l-ebda ħlas jew allowances marbuta ma' dan l-inkarigu.

Fleur-de-Lys — Tiswija fit-triq prinċipali

Question

Jista’ il-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li ssir mill-ġdid jew almenu ssir manutenzjoni fit-triq prinċipali li mir-roundabout ta’ Fleur-de-Lys tasal sat-traffic ligħts viċin fejn illum hemm l-ufficini ta’ Gasan?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Żvilupp Urban u Toroq — Pagamenti

Question

Jista' il-Ministru issa jagħti t-tagħrif mitlub f'mistoqsija parlamentari 9316?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

M'għandi xejn xi nżid ma' l-informazzjoni li kont diġa' pprovdejt għall-Mistoqsija Numru 9316.

Ċittadini Maltin emigranti barra l-pajjiż — Ħlas ta' dazju fuq karozzi

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk għandux jitħallas dazju fuq karozza li ddaħħlet Malta minn ċittadin Malti li għex għal ħafna snin bħala emigrant l-Ingilterra? X'differenza kien hemm, jekk kien hemm, f'dan ir-rigward wara s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea? Persuna emigranta li rritornat mill-Awstralja u ġabet magħha karozza, għandha tħallas xi forma ta' import duty jew dazji oħrajn?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ċittadin Malti li għex għal ħafna snin bħala emigrant l-Ingilterra kemm qabel l-ewwel ta' Mejju kif ukoll wara l-ewwel ta' Mejju, 2004, ma jħallasx dazju fuq il-vettura li jdaħħal Malta. Persuna emigranta li rritornat mill-Awstralja u ġabet magħha il-vettura trid tħallas import dutydovuti lid-Dipartiment tad-dwana u taxxa ta' reġistrazzjoni b'rata mnaqqsa lill-Awtorita' dwar it-Trasport.

Pembroke — Triq il-Mediterran

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 6969, jista' il-Ministru jgħid jekk fl-istima ta' Lm97,000 biex isir ix-xogħol meħtieġ fi Triq il-Mediterran, f'Pembroke hux inkluż li din it-triq tinqala' mill-qiegħ minħabba l-istat diżastruż li tinsab fih kif ukoll il-bdil tas-servizzi u tqegħid ta' bankini ġodda?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ix-xogħol maħsub fi Triq il-Mediterran jinkludi t-tqegħid ta' bankini ġodda n-naħa tad-djar, bdil ta' servizzi ta' l-ilma, crossings għal xi servizzi oħrajn, scarifying u xogħol ta' l-asphalt. F'dawn l-aħħar ġimgħat saru reviżjoni tax-xogħolijiet wara li t-testijiet li saru indikaw li x-xogħhol jista' jsir b'mod aktar sempliċi. L-istima reveduta tax-xogħol tammonta għal madwar Lm50,000.

Persuni li għandhom permess joperaw taxi

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm persuni li għandhom il-permess joperaw taxi f'pajjiżna?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat illi l-ammont totali ta' taxis f'Malta huwa ta' 200 u t-total tas-sidien ta' dawn il-vetturi huwa ta' 154. L-ammont ta' taxis f'Għawdex huwa ta' 50 u t-total tas-sidien tagħhom huwa ta' 48. Dan ifisser li hemm sidien li għandhom aktar minn taxi waħda.

Liċenzji tas-sewqan

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien it-total ta' nies li kellhom liċenzja biex isuqu vettura fl-1994 u kemm kien fl-2004? Kemm minn dawn kienu nisa u kemm kienu rġiel f'kull każ?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li n-numru ta' rġiel u nisa li kellhom liċenzja biex isuqu vettura fl-1994 u fl-2004 huma :- TOTAL RĠIEL NISA 1994 176,578 133,181 43,397 2004 212,422 132,100 80,322

Mosta — Triq l-Awrora

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta mistennija ssir Triq l-Awrora, fil-Mosta? Ħarġet sejħa għall-offerti biex issir din it-triq? Fiex jikkonsisti x-xogħol biex issir din it-triq? Kemm se tiġi tiswa biex issir?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol tas-servizzi, storm water culvert u bankini saru matul l-2004. It-tender għall-kostruzzjoni tat-triq imsemmija ħareg f’Marzu 2004. L-orħos tender kienet ħafna ogħla mill-istima tal-Awtorita’ Dwar it-Trasport u minbarra li ġiet riveduta l-istima tal-Awtorita’ saru diskussjonijiet mall-kuntrattur biex iraħħas it-tender. L-aġġudikazzjoni finali saret f’Diċembru 2004. Il-letter of acceptance issa ħarġet u x-xogħol għandu jibda fil-ġimgħat li ġejjin. Ix-xogħol fuq dan il-kuntratt jinkludi l-bini u asfaltar tat-triq imsemmija u l-kostruzzjoni tal-wesgħa fil-parti ta’ fuq ta’ din it-triq bil-għan li jkun provdut spazju adegwat ghall-parkeġġ ta’ vetturi. Dan il-kuntratt mistenni jiswa madwar Lm24,700.

ADT — Applikazzjoni għal reserved parking

Question

B'riferenza għall-applikazzjoni għal reserved parking bin-numru 596 quddiem l-awtorita' dwar it-trasport, jista' il-Ministru jagħti raġuni għaliex il-bord irrifjuta din it-talab? Jista' jgħid kif din it-talba ġiet rifjutata minkejja li l-ebda tabib ma żar lil din il-persuna b'diżabilita'?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

B’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari rigward l-applikazzjoni għal Reserved Parking bin-numru 596, ir-raġuni li din it-talba ma ġietx milqugħa hija li skond ir-rapport tat-tabib mehmuż ma' l-applikazzjoni, id-disabilità ta’ l-istess applikant mhux severa ħafna u ma jużax wheelchair. Annessa ma' l-applikazzjoni kien hemm ir-rapport tat-tabib u dan intuża għall-fini ta’ l-ipproċessar ta’ l-applikazzjoni. Fil-każ li l-applikant ma jaqbilx ma' din id-deċiżżjoni, jistà jappella billi japplika għand il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni B’Diżabilità.

ADT — Reserved parkings

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex qed ikun hemm dewmien esaġerat fl-ipproċessar ta' l-applikazzjonijiet għal reserved parkings għal persuni b 'diżabilita'?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Infurmat mid-Direttorat għall-Immaniġjar tat-Traffiku li sal-14 ta' Jannar 2005 ma kienx hemm applikazzjonijiet pendenti għal Reserved Parking. Għalhekk nitlob lill-Onorevoli Interpellant jgħidilna fuq liema bażi qed jagħmel din il-Mistoqsija.

ADT — Reserved parkings

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux qed isiru żjarat mit-tobba waqt l-applikazzjonijiet għal reserved parking għal persuni b'diżabilita'? Jekk dan mhux qed iseħħ, jista' il-Ministru jgħid kif il-bord qed jiddetermina dawn l-applikazzjonijiet?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

B'referenza għall-Mistoqsija Parlamentari, qed jiġi mgħarraf li ma' l-applikazzjoni, l-applikant jissottometti ċertifikat mit-tabib sabiex dan jintuża għall-fini ta' l-ipproċessar ta' l-istess applikazzjoni.

Ħ'Attard — Triq il-Mixtla

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jinbeda x-xogħol fuq Triq il-Mixtla f'Ħ'Attard? Huwa konxju l-Ministru mill-inkonvenjent li qed ikollhom iħabbtu wiċċhom miegħu r-residenti ta' din it-triq ta' kuljum minħabba d-diżlivelli u żdingar li hemm f'din it-triq? Jista' jgħid kemm saru toroq f'Ħ'attard tul dawn l-aħħar ħames snin? Jista' jagħti lista tat-toroq li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tal-gvern u li għandhom bżonn li jsiru mil-bidu f'Ħ'Attard? Jista' jgħid liema minn dawn it-toroq se jibbenefikaw mill-fondi ta' l-Unjoni Ewropea? Jista' jgħid liema huma t-toroq f'Ħ'Attard li se jiġu rranġati mill-gvern fis-sena 2005?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Fir-rigward ta' l-ewwel parti tal-mistoqsija jien infurmat illi Triq il-Mixtla hija waħda mid-diversi toroq li ġew inklużi fil-programm ta’ kostruzzjoni ta' toroq li għandhom isiru iktar il-quddiem. Toroq li saru f’Ħ’Attard fl-aħħar ħames snin. p/o Triq l-Imdina, Triq Żnuber, Triq il-Ponsjetta, n/s fi Triq Żnuber, Daħlet l-Oleandri, Daħlet iċ-Ċipress u Daħlet iċ-Ċawsli. Fil-preżent l-Awtorita' għandha lista ta' toroq li għadhom qatt ma saru u li huma inklużi fil-programm ta' prijoritajiet, dawn huma Triq A.Durer, Triq il-Bettiegħa, Triq Emvin Cremona, Triq Ferdinandu Inglott, Triq il-Fikus, Daħlet l-Istrinġitur, Triq il-Konti R.Barbaro, Triq il-Larinġ, Triq Lorenzo Manche, Triq il-Mixtla, Triq in-Nebbieta, Triq Peter Paul Rubens, Triq is-Sardinella, Triq it-Taħħan, Triq iż-Żaħħar, Triq iż-Żbiba u Triq iż-Żraġen. Fir-rigward ta’ toroq oħra fil-lokalita dawn isiru aktar il-quddiem skond l-eżiġenzi tad-Direttorat. Rigward toroq f’Ħ’Attard li ser jibbenifikaw mill-fondi tal-Unjoni Ewropeja, nixtieq infakkar li l-finanzi il jiġu minn barra jintużaw fuq toroq arterjali u mhux it-tip ta’ toroq li semma l-Onorevoli Interpellant. Mill-fondi li ġejjien mill-5 Protokoll Taljan hemm skedata t-Triq li minn Ħ’Attard twassal għas-Saqqaja.

Birkirkara — Triq il-Qanpiena l-Kbira - asfaltar

Question

Jista' il-Ministru jara li ssir u tingħata t-tarmac Triq il-Qanpiena l-Kbira f'Tal-Qattus Birkirkara, liema triq illum tinsab fi stat diżastruż?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-triq msemmija mill-Onorevoli Interpellant taqa' taħt ir-responsabbilta tal-gvern ċentrali w hija nkluża fil-programm tat-toroq li jridu jsiru. Id-Direttorat qed iħejji programm għall-bini ta’ toroq ġodda u t-triq imsemmija se ssir skond il-prijoritajiet li jirriżultaw.

Ħamrun — Triq Ġdida fi Triq Villambrosa

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta ser jinbeda x-xogħol biex tiġi rranġata Triq Ġdida fi Triq Villambrosa, il-Ħamrun, li tibda minn Triq Villambrosa u tispiċċa fi Triq il-Liċeo?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-triq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant taqgħa taħt ir-responsabbilta tal-gvern ċentrali w hija nkluża fil-programm tat-toroq li jridu jsiru. Id-Direttorat qed iħejji programm għall-bini ta’ toroq ġodda u t-triq imsemmija se ssir skond il-prijoritajiet li jirriżultaw.