Ministeru għall-Familja u Solidarjeta Soċjali — Bordijiet tal-għażla
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il applikazzjoni għall-pożizzjonijiet vakanti ħarġu fi ħdan id-diversi awtoritajiet/dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Familja u Solidarjeta Soċjali mit-13 ta' Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u għal liema pożizzjonijiet ħarġu dawn l-applikazzjonijiet? Jista’ jgħid kemm-il bord tal-għażla nħatar biex jiġu mimlija dawn il-pożizzjonijiet? Jista’ jgħid minn min kienu ffurmati dawn il-bordijiet tal-għażla? Jista’ jgħid min kien iċ-chairman u l-membri ta' dawn il-bordijiet? Il-membri ta' dawn il-bordijiet inħatru minn fost uffiċjali pubbliċi jew minn barra is-servizz pubbliku? Jekk xi membri ta' dawn il-bordijiet inħatru minn barra is-servizz pubbliku, fuq liema kriterji saret din il-ħatra? Jista’ jgħid xi kwalifiki għandu kull membru ta' kull bord tal-għażla? X' rimunerazzjoni għandu kull membru tal-bord tal-għażla? Kemm ħa flus f'rimunerazzjonijiet kull membru ta' kull bord għal kull bord li ġie maħtur fih? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' persuni li ġew maħtura f’kull pożizzjoni vakanti?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-bordijiet imsemmija mill-Onor. Interpellant jinħatru mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku (PSC) bħal ma kien jiġri dejjem. Bl-approvazzjoni tal-PSC dawn il-bordijiet qed ikunu magħmula minn chairman li jkun uffiċċjal pubbliku u żewġ membri li jkunu uffiċċjali pubbliċi rtirati fi gradi kategorija A. Din hija sistema li bdiet fis-snin li għaddew u li l-amministrazzjoni preżenti kompliet timxi fuqha. Fil-każ ta’ diretturi jew gradi ogħla, il-bord tal-għażla jkun magħmul kif indikat mill-Public Administration Act.
Rigward kriterji u kwalifiki, il-kompetenzi tal-membri tal-bordijiet huma varji u utli għal-oqsma li jaqgħu taħt il-bordijiet , minn aspetti differenti. Kull membru għandu esperjenza illi tkun t’għajnuna fil-ħidma li jiffaċċja kull bord.
Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali — xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħol ingħata mill-Ministeru jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament bejn l-2004 u Marzu 2013, sena b’sena? Jista’ jgħid għal kull każ, x’kien ix-xoghol, jekk ix-xogħol ingħatax b’direct order jew tender u kemm kienet l-ispiża għal kull każ?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-kumpanija li d-dettalji tagħha ngħataw separatament ma ngħatatx xogħlijiet minn dan il-Ministeru jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu.
Awtorità tad-Djar – Kariga ta’ Deputat Kap Eżekuttiv — Sejħa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-persuna magħżula biex tokkupa l-kariga ta’ Deputat Kap Eżekuttiv fl-Awtorità tad-Djar ġietx magħżula wara sejħa pubblika jew imqar sejħa interna? Jekk din il-persuna ġiet magħżula direttament bħal position of trust, kien hemm awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti biex din il-kariga tiġi magħżula mingħajr sejħa? Min awtorizza din is-sejħa b’dan il-mod?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-twegiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 9841.
Awtorità tad-Djar – Kariga ta’ Deputat Kap Eżekuttiv
Question
Jista’ l-Ministru jgħid min kien jokkupa l-kariga ta’ Deputat Kap Eżekuttiv fl-Awtorità tad-Djar minn Marzu 2013 sal-lum? Minn meta sa meta damu jokkupaw din il-kariga dawn il-persuni?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-kariga ta’ Deputat Kap Eżekuttiv fl-Awtorita’ tad-Djar kienet okkupata bejn il-15 ta’ Mejju 2013 u s-6 ta’ April 2014.
Awtorità tad-Djar – Kariga ta’ Deputat Kap Eżekuttiv
Question
Jista’ l-Ministru jgħid xi grad kienet tokkupa l-persuna magħżula biex tokkupa l-kariga ta’ Deputat Kap Eżekuttiv fl-Awtorità tad-Djar qabel ma’ intgħażlet biex tieħu din il-kariga l-ġdida?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-persuna magħżula biex tokkupa l-kariga ta’ Deputat Kap Eżekuttiv fl-Awtorità tad-Djar kienet Kordinatur qabel ma ntagħżlet biex tieħu din il-kariga.
Awtorità tad-Djar – Kariga ta’ Deputat Kap Eżekuttiv – Livell ta’ Edukazzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid xi kwalifiki għandha l-persuna magħżula biex tokkupa l-kariga ta’ Deputat Kap Eżekuttiv fl-Awtorità tad-Djar? Jekk il-kwalifiki mhumiex mill-Università ta’ Malta, jista’ l-Ministru jikkonferma li l-persuna magħżula għandha mhux anqas minn Masters MQF level 7 kif normalment jintalab f’karigi tal-għola livell? Jista’ jpoġġi l-verifika u l-validazzjoni tal-MQF level tal-kwalifika li għandha din il-persuna fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-għażla tal-persuna biex tokkupa l-kariga ta’ Deputat Kap Eżekuttiv fl-Awtorità tad-Djar saret fuq il-bażi ta’ ‘position of trust’ u kienet ibbażata fuq l-esperjenza u l-kompetenza tagħha fl-Awtorita’ tad-Djar.
Awtorità tad-Djar – Kariga ta’ Deputat Kap Eżekuttiv
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-kariga ta’ Deputat Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar hija llum vakanti? Jekk hija vakanti, jista’ jgħid jekk din il-kariga hux se timtela jew jekk hux se tiġi abbandunata? Jekk il-kariga mhijiex battala, jista’ jgħid min qed jaqdi din il-funzjoni u jekk din il-persuna għandhiex rwoli oħra ma’ din il-kariga?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi il-kariga ta’ Deputat Kap Eżekuttiv hi waħda ta’ “position of trust”.
Jista’ l-Ministru jgħid xi promozzjonijiet ingħataw fl-Awtorità tad-Djar minn Marzu 2013 ‘l hawn?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-promozzjonijiet li ingħataw fl-Awtorità tad-Djar minn Marzu 2013 ‘l hawn kienu is-segwenti:
· 2 Executive Heads
· 2 Coordinators
· 3 Supervisors
· 2 Senior Officers
· 2 Administrative Officers
· 3 Officers II
Inżid ninforma lill-Onor Interpellant li bl-eċċezzjoni taż-żewġ Executive Heads, għalkemm il-promozzjonijiet l-oħra imsemmija ingħataw minn Marzu 2013 ‘l hawn, il-proċess tal-għażla tagħhom kien sar u kien konkluż kollu qabel Marzu 2013.
Peress li fl-amministrazzjoni preċedenti kien ġie dikjarat diversi drabi, anke f'dan il-parlament, li s-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunità għamel partnership mal-Università ta’ Stirling fl-Iskozja, li huma esperti fil-qasam tal-kura ta' persuni bid-dimensja, biex jiġu esperti f'Malta ħalli jħarrġu għadd ta' professjonisti, kif ukoll imorru nies fl-Iskozja ħalli jaraw kif qed jaħdmu huma f’dan il-qasam tad-dimensja, kif ukoll li ġie organizzat course tal-carers għad-djar tal-anzjani għal dak li għandu x'jaqsam mal-kura tad-dimensja, u li ukoll ħareg fuljett għall-professjonisti li jiffoka fuq il-kura tad-dimensja, jista' l-Ministru jispjega eżatt x'sar fiċ-ċirkostanzi u jaghti d-dettalji segwenti: (i) il-kopja tal-kuntratt tal-partnership bejn is-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunità u l-Università ta’ Stirling fl-Iskozja, (ii) min kienu l-esperti li ġew Malta biex iħarrġu n-nies, x'kien jikkonsisti eżatt dan il-programm ta' taħriġ, kemm ġew imħarrġa nies b'kollox, u kemm ġie jiswa, (iii) min kienu dawk il-ħaddiema li ntbagħtu l-Iskozja, ir-rapport ta' din iż-żjara, u kemm ġie jiswa dan it-taħriġ, (iv) f'liema data kien organizzat course tal-carers għad-djar tal-anzjani għal dak li għandu x'jaqsam mal-kura tad-dimensja, x'kien jikkonsisti dan it-taħriġ, u kemm ġie jiswa, (v) jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-fuljett fuq id-dimensja mmirat għall-professjonisti, kemm kopji ġew stampati, u kemm ġie jiswa'?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f'seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari W96 u jgħid x’inhi l-pożizzjoni tal-Gvern u tal-Awtorità tad-Djar fuq l-art li hemm ġewwa Triq il-Wied fl-Imsida fejn diġà twaqqfet parti minn bini bħala preparazzjoni għall-proġett? Meta se jinbena u kemm se jiġi jiswa dan il-proġett? L-appartamenti li se jinbnew se jkunu għal skop soċjali u għall-first time buyers bħala affordable housing jew inkella partijiet minnu se jinbiegħu għal skopijiet kummerċjali? Kif se jiġi ffinanzjat il-proġett? Jekk isir permezz ta’ private public partnership, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pariri legali mogħtija dwar din l-art?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għadu qed jiġi kkunsidrat x'użu se jsir minn din l-art.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari W104 u jgħid kemm għandha kirjiet b’lura l-Awtorità tad-Djar? X’inhi l-politika biex jinġabru dawn il-kirjiet? Huwa minnu jew le li l-Ministru qed jagħti direttivi tramite diversi persuni mis-segretarjat tiegħu biex l-Awtorità ma tibqax titlob lil dawk l-inkwilini li waqgħu lura bil-kirja?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li sallum l-Awtorità tad-Djar għandha €160,243.74 kirjiet b’lura ta’ proprjetà li tagħhom hija s-sid u li l-kirjiet tagħhom qegħdin jiġu mħallsa għand l-Awtorità tad-Djar. L-Awtorità tad-Djar għandha wkoll €449,101.82 kirjiet b’lura ta’ proprjetà li ġiet trasferita fuqha u propjetà oħra li għadha qed tiġi trasferita mingħand id-Dipartiment tal-Artijiet u li l-kirjiet tagħhom għadhom qed jitħallsu lid-Dipartiment tal-Artijiet.
F’dawn il-każijiet l-Awtorità tad-Djar qegħda tibgħat diversi ittri lill-inkwilini biex huma jħallsu dawn l-arrettrati, u qed tiltaqa’ ma’ dawk l-inkwilini li jibqgħu ma jħallsux sabiex tinstab soluzzjoni kif jista’ jsir il-ħlas ta’ dawn il-kirjiet. L-Awtorità tad-Djar ma rċeviet l-ebda direttiva biex ma tibqax titlob kera lil dawk l-inkwilini li waqgħu lura fil-ħlas tal-kirja.
Infakkar lill-Onor Interpellant li s-somom ta’ flus fuq imsemmija kważi kollha ilhom pendenti minn żmien l-amministrazzjoni preċedenti.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari W125 u jikkonferma li fl-aħħar xhur sar awditjar/rapport tal-operat u r-riżorsi umani tal-Awtorità tad-Djar? Minn min sar? Kif ġew ingaġġati l-persuni li wettqu dan l-awditjar? Kemm kienet in-nefqa? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dan ir-rapport? X’rapporti oħra saru fl-aħħar xhur? Minn min saru?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn Mejju u Ġunju 2013 sar eżerċizzju ta’ awditjar fuq l-operat u r-riżorsi umani tal-Awtorità tad-Djar mill-kumpanija RSM, liema eżerċizzju sewa €15,104. L-għażla saret wara li ntalbu offerti u ntagħżlet l-orħos waħda. Dan ġie awtorizzat mill-Ministeru tal-Finanzi. Barra minn hekk, f’Diċembru 2013, ġie konkluż ukoll Strategic Review Report dwar l-Awtorità tad-Djar mill-Management Efficiency Unit tal-Gvern, waqt li tħejja ukoll rapport ta’ IT Project Management mill-kumpanija RSM.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari W133, jista' l-Ministru jgħid meta se titlesta l-politka u l-istrateġija dwar il-housing mill-Awtorità tad-Djar jew mill-Gvern?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-istrateġija ġiet ifformulata u bħalissa qed jinħadem Business Plan ibbażat fuq din l-istrateġija.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari W138 u jgħid f’liema stadju tad-diskussjoni tinsab mal-YMCA biex din l-NGO tingħata l-fond li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? X’qiegħed iżomm milli din il-proprjetà tintuża mill-YMCA?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bi qbil mal-Uffiċċju Konġunt, l-Awtorita’ tad-Djar qablet li tgħaddi l-fond li ddettalji dwaru ngħataw separatament sabiex jintuża mill-YMCA. Fil-11 ta’ April 2014 l-Awtorita’ bagħtet kopja tal-ftehim li kellu jiġi ffirmat lill-YMCA. Sallum il-ġurnata l-Awtorita’ għadha qed tistenna risposta mill-YMCA dwar l-intenzjonijiet tagħhom fir-rigward ta’ dan il-fond.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari W145 u jgħid jekk hemmx xi raġuni partikolari għaliex meta tkun mistoqsija dwar persuni homeless f’Malta qed tagħżel li tikkwota sorsi differenti bħall-Aġenzija Appoġġ u l-Awtorità tad-Djar (eżempju mistoqsijiet parlamentari 3764 u 4108) biex twieġeb mistoqsijiet differenti? Jekk hemm aktar minn sors wieħed jista’ jkun li huwa aktar għaqli li dawn is-sorsi jiġu kkwotati kollha fl-istess tweġiba li tagħti l-Ministru lil din il-Kamra biex tingħata stampa aktar sħiħa tar-realtà?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li se tingħata għall-Mistoqsija Parlamentari numru W222.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari W146 u ċjoè: peress li fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3764, il-Ministru qalet li bħalissa f’Malta hawn 281 persuna homeless u peress li min-naħa l-oħra r-rapport annwali tal-Awtorità tad-Djar għas-sena 2012 jgħid li hemm 62 persuna homeless mingħajr indirizz postali, 31 jgħixu ma’ oħrajn, 63 jinsabu mkeċċija jew se jitkeċċew mis-sid, 6 jinsabu fir-rehab imma mingħajr dar, 34 jinsabu f’istitut u 11 jinsabu fil-ħabs, tista’ l-Ministru tikkonferma li l-persuni homeless f’Malta żdiedu b’mod qawwi fis-sena 2013?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-mistoqsija parlamentari 3764 kienet titratta n-numru t’applikazzjonijiet pendenti quddiem l-Awtorità tad-Djar. F’dik l-istatistika kien indikat in-numru ta’ każijiet pendenti ikkategorizzati mill-Awtorità tad-Djar. Fost dawn il-kategoriji hemm sitta li l-Awtorità tqishom bħala homeless.
Id-definizzjoni ta’
homeless
tista’ tvarja minn entità għall-oħra. Għall-Awtorità tad-Djar dawk li huma
homeless
huma:
· Nies mingħajr indirizz postali;
· Jgħixu f’dar ma’ ħaddieħor
· Mkeċċija jew se jitkeċċew mis-sid;
· Jinsabu fi programm ta’ riabilitazzjoni imma bla dar;
· Qegħdin f’istitut jew il-ħabs
Għall-Fondazzjoni għas-Servizzi għall-Ħarsien Soċjali (FSWS) id-definizzjoni ta’ homeless hija li persuna ma tgħix f’ebda residenza. Skont statistika tal-FSWS in-numru ta’ persuni meqjusa homeless li użaw is-servizzi tagħha għall-ewwel darba naqas minn 240 fl-2012 għal 208 fl-2013. Barra minn hekk, in-numru totali ta’ persuni homeless li użaw is-servizzi tal-FSWS żdied biss marġinalment minn 283 fl-2012 għal 293 fl-2013.
Dawn il-figuri juru li ma kien hemm ebda żieda sostanzjali fin-numru ta’ persuni homeless f’Malta fl-2013.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari W148 u l-mistoqsija parlamentari 5152 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-management accounts l-aktar riċenti għal din is-sena tal-Awtorità tad-Djar?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kopja tal-management accounts tal-Awtorita tad-Djar l-aktar riċenti għal din is-sena qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Awtorità tad-Djar – amministraturi ta’ binjiet tal-Gvern
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari W 149 u b'referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari W93 jista' l-Ministru jwieġeb b’mod sħiħ id-domandi li sarulu u jikkonferma jew le jekk l-Awtorità tad-Djar hux se tibqa' tħallas lill-amministratur wara li jiskadi l-kuntratt ta’ perijodu ta’ sentejn? Se jkun hemm amministraturi differenti minn dawk tal-lum? Se jiġġedded il-kuntratt preżenti jew se jieqaf kollox? L-amministraturi huma avażati dwar l-intenzjonijiet ta’ dan il-Gvern?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi din il-materja għadha qed tiġi diskussa.
Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li għandha problema mal-Awtorità tad-Djar?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-applikazzjoni tal-persuna lid-dettalji tagħha ingħataw separatament ma kinitx ġiet milqugħa peress li x-xogħlijiet mitluba minnha mhumiex relatati ma’ dizabilità. Din il-persuna oġġezzjonat għal din id-deċiżjoni u l-każ tagħha qiegħed sabiex jiġi diskuss fir-Revisory Committee tal-Awtorità tad-Djar.
Awtorità tad-Djar – Kariga ta’ Deputat Kap Eżekuttiv
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta nħolqot l-ewwel darba l-kariga ta’ Deputat Kap Eżekuttiv fl-Awtorità tad-Djar? Jista’ jikkonferma li din il-kariga ma kenietx teżisti fi ħdan l-awtorità qabel dan iż-żmien? Għaliex inħasset il-ħtieġa li tinħoloq din il-kariga?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-kariga inħolqot għal l-ewwel darba, fil-15 ta’ Mejju 2013 bil-għan li jkun hemm tisħiħ fil-management tal-Awtorità tad-Djar. Infakkar li din l-amministrazzjoni wirtet Awtorità tad-Djar bi problemi kbar strutturali, maniġerjali u finanzjarji. Din il-kariga ma kinitx teżisti qabel fi ħdan l-Awtorità.