Legislature:
Category:
Reset
Active:

Junior College — studenti tal-bijoloġija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti s-sena l-oħra fl-ewwel sena tal-Junior College li studjaw il-Bijoloġija? Kemm minnhom għaddew fl-eżami finali?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li fil-Junior College s-sena l-oħra fil-Bijoloġija fl-ewwel sena kien hemm 275 student fil-Livell Avvanzat u 89 student fil-Livell Intermedjarju. Minnhom għaddew 323 student fl-eżami finali.

Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport – safar

Question

Jista' l-Ministru jgħid, mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum x’kienet in-nefqa totali tal-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport fuq safar? Jista’ jagħti dawn id-dettalji dwar kull żjara: kemm kienet l-ispiża, x’kien l-għan ta’ din iż-żjara, minn min kienet komposta d-delegazzjoni għal kull żjara u x’kien ir-rwol tal-persuni li attendew?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Qasam tad-Edukazzjoni — manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pjanijiet li għandu dwar il-ħaddiema li jieħdu ħsieb il-manutenzjoni li hemm fil-kulleġġi, fid-Dipartiment tar-Riżorsi fl-Iskejjel u fid-Dipartiment tas-Support Services?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-ħaddiema tal-manutenzjoni li jaqgħu fi ħdan id-Dipartiment tar-Riżorsi fl-Iskejjel ser ikomplu bil-ħidma tagħhom fl-iskejjel billi jkomplu jagħmlu xogħlijiet ta' tisbiħ u manutenzjoni skont il-bżonn u l-ħtiġijiet tal-iskejjel.

Ministeru għall-Edukazzjoni – kuntratt ta’ individwu

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li għandu l-persuna li ismu qed jintbagħtu separatament li sa ftit ilu kellu kuntratt ta' advisor fil-Ministeru tal-Edukazzjoni? Jista' jgħid jekk hux minnu li din il-persuna saret impjegata tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada? Jista' jgħid meta ħarġet is-sejħa għall-applikazzjoni ta' ingaġġ mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-avviżi li dehru?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tal-persuna ndikata fil-mistoqsija. Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-persuna msemmija ġiet redeployed mill-IPSL għall-Fondazzjoni Għal Iskejjel ta' Għada f'termini ta' Att 15A tal-FTS Act.

Ministeru għall-Edukazzjoni – ħlas ta’ remunerazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa kkalkulat li għandu bżonn allokazzjoni finanzjarja taħt il-line votes tal-personal emoluments tal-vot tal-Ministeru u tal-vot tad-Direttorati tal-Edukazzjoni sabiex titħallas ir-remunerazzjoni kollha tal-ħaddiema?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-ammont ta' fondi addizzjonali li l-Ministeru għal Edukazzjoni u Xogħol għandu bżonn taħt il-line votes tal-Personal Emoluments taħt il-vot tad-Direttorati tal-Edukazzjoni (Vote 16) hija ta' madwar €7 miljuni.

Stipendji – talba għal fondi addizzjonali għall-2013

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qed jintalab fondi addizzjonali sal-aħħar tas-sena sabiex jitħallsu l-istipendji tal-istudenti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol bħas-snin ta' qabel se jitlob fondi addizzjonali sal-aħħar tas-sena sabiex jitħallsu l-istipendji tal-istudenti.

Ministeru għall-Edukazzjoni – ingaġġ ta’ persons of trust

Question

Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji kollha ta' dawk il-persuni li mid-9 ta' Marzu 'l hawn ġew ingaġġati mal-Ministeru jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru bħala persons of trust? Jista' l-Ministru jqiegħed kopja tal-kuntratti tagħhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Ministeru għall-Edukazzjoni — contract for service

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma dawk il-persuni li ngħataw contract for service mid-9 ta' Marzu 'l hawn? Jista' jqiegħed kopja tal-kuntratti tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li 18-il persuna ngħataw Contract for Service mid-09 ta' Marzu 'l hawn. Infurmat ukoll li kien hemm 15-il kuntratt ieħor bħala Contract for Service li ġew estiżi fil-perjodu indikat mill-Onor. Interpellant. Kopja tal-kuntratti u/jew estensjoni tal-kuntratti se tingħata lill-Onor. Interpellant b'mod kunfidenzjali.

Skejjel — każijiet ta’ bullying

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ każijiet ta’ bullying rappurtati fl-iskejjel matul is-sena skolastika 2011-2012 u sena skolastika 2012-2013? F’liema skejjel twettqu dawn l-abbużi? X’azzjonijiet ittieħdu biex dawn l-abbużi ta’ bullying jieqfu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-każi riferuti mill-iskejjel tal-Istat lill-Anti-Bullying Services fi ħdan is-Safe School Programmes kien kif jidher hawn taħt: 2011-2012 2012-2013 Primarji fil-Kulleġġi kollha: 104 Primarji fil-Kulleġġi kollha: 110 Sekondarji fil-Kulleġġi kollha: 88 Sekondarji fil-Kulleġġi kollha: 99 Infurmat ukoll li l-każi riferuti mill-iskejjel tal-Knisja u Skejjel Indipendenti lill- Anti-Bullying Services fi ħdan is- Safe School Programmes hu kif ġej: 2011-2012 2012-2013 Primarji: 15 Primarji: 24 Sekondarji:10 Sekondarji: 20 Meta jiġi riferut każ, is-servizz kontra l-ibbuljar jagħmel intervent immedjat. Ġeneralment l-ewwel intervent isir mal-klassi biex tittieħed idea aħjar tal-problema. Wara s-sessjoni fil-klassi, jiġi deċiż jekk isirux sessjonijiet individwali mal-vittmi, jew fi grupp. Skont il-bżonnijiet partikulari tal-każ, il-vittmi jew jiġu mħarrġa fil-ħiliet soċjali, jew jingħataw għajnuna sabiex jibnu relazzjonijiet aħjar ma’ sħabhom. Bl-istess mod tingħata għajnuna biex titranġa l-imġiba tal-aggressuri. Spiss isiru laqgħat kemm mal-amministrazzjoni u għalliema tal-iskola, kif ukoll ma’ professjonisti oħrajn bħall-Prefetti tad-Dixxiplina, Speċjalisti tas-SEBD, Psikoloġi, ‘Counsellors’ u ‘Guidance Teachers’. Jissejħu wkoll ‘case conferences’ fejn jiġi diskuss kif se tingħata l-aħjar għajnuna lill-istudent. L-interventi jsiru fl-iskejjel primarji u sekondarji tal-istat, tal-knisja kif ukoll fl-iskejjel indipendenti. Importanti nsemmu wkoll li barra l-interventi, s-servizz kontra l-ibbuljar joffri wkoll ħidmiet ta’ prevenzjoni. Dan isir permezz ta’ laqgħat għall-ġenituri, għalliema u studenti.

Programm ‘Job Bridge’

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti l-programm ‘Job Bridge’? Kemm hemm persuni li qed jieħdu sehem f’dan il-programm? Min jista’ japplika biex jieħu sehem f’dan il-programm?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-programm Job Bridge huwa programm ta' 12-il xahar, bbażat fuq il-mudell Ewropew ta' Supported Employment, maħsub biex jipprepara persuni b'diżabilita' intelletwali jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Bħalissa fil-programm qed jipparteċipaw sitt persuni. Għal dan il-programm jistgħu japplikaw persuni li għandhom diżabilita' intelletwali u li qegħdin fuq ir-reġistru tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ tal-Persuni b'Diżabilita'.

Pixxina Nazzjonali f’Tal Qroqq – entraturi tal-parkeġġi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid ta’ min kienet id-deċiżjoni li mill-ġimgħa 18 ta’ Ottubru wara nofsinhar ingħalqet waħda mill-entraturi tal-parkeġġi ewlenin li hemm barra l-Pixxina Nazzjonali fTal Qroqq b’inkonvenjent għall-għawwiema u dawk li jagħmlu użu mill-faċilitajiet tal-pixxina li jinkludu wkoll ħaddiema u uffiċjali tal-Kumitat Olimpiku Malti (KOM)? Jista’ jgħid x’kienet ir-raġuni għal din id-deċiżjoni?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li s-Segretarju Parlamentari fi ħdan il-Ministeru tiegħi ta parir biex, fl-interess ta' min jiffrekwenta l-pixxina nazzjonali, jkun hemm sigurta' u traffic management biex jitneħħa l-periklu u l-inkonvenjenza għal dawk li jkunu qed jagħmlu użu mill-pixxina nazzjonali. Il-parking qed jerġa' jsir b'mod aktar organizzat.

ETC – Law Compliance Unit — spetturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm spetturi fil-Law Compliance Unit tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ (ETC)? Jista’ jgħid minn Marzu sa Ġunju din is-sena kemm saru spezzjonijiet mill-ispetturi tal-korporazzjoni u kemm minn dawn l-ispezzjonijiet kienu f’Għawdex? Jista’ jgħid kemm instabu persuni barranin jaħdmu bla permess, kemm instabu ħaddiema jaħdmu waqt li kienu qed jirreġistraw u kemm instabu ħaddiema jaħdmu u ma kinux iddikjarati li qed jaħdmu? Jekk saru, jista’ jgħid kemm saru spezzjonijiet flimkien mal-Pulizija?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat illi l-Law Compliance Unit fi ħdan il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ tħaddem ħames spetturi li joperaw f'żewġ gruppi. Minn Marzu sa Ġunju ta' din is-sena saru 1,706-il spezzjoni li kienu kollha ppjanati f'Malta. F'dawn l-ispezzjonijiet instabu 63 persuni barranin jaħdmu bla permess; 25 persuna li nstabu jaħdmu waqt li kienu qed jirreġistraw u 334 persuna nstabu jaħdmu fejn ix-xogħol tagħhom ma kienx iddikjarat. Matul dan il-perjodu ma kienx hemm bżonn l-għajnuna tal-Pulizija fuq l-ispezzjonijiet li saru rigward barranin jaħdmu bla permess.

San Pawl il-Baħar – bini ta’ kumpless sportiv

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-art f’San Pawl il-Baħar li kienet identifikata mill-Kunsill Malti għall-Isport, kif ukoll mill-pjan lokali ta’ San Pawl il-Baħar, biex fuqha jinbena kumpless sportiv ġietx irritornata lit-Taqsima tal-Proprjetà tal-Gvern? Jista’ jagħti tagħrif dwar jekk dan ifissirx li l-Gvern abbanduna l-pjan li f’San Pawl il-Baħar jinbena kumpless sportiv, u jekk le fejn se jinbena jekk l-art indikata ngħatat lura? Jista’ jagħti tagħrif dwar jekk sarux xi konsultazzjonijiet dwar dan mal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar? Jekk saret konsultazzjoni, x’kienet ir-reazzjoni tal-Kunsill? Jekk ma saritx konsultazzjoni jista’ almenu l-Ministru jikkonferma jew le li l-Kunsill Lokali kien infurmat dwar din id-deċiżjoni? Jista’ jagħti tagħrif dwar x’kienet ir-reazzjoni tal-Kunsill dwar dan? Jista’ jikkonferma li din id-deċiżjoni tfisser li l-Gvern abbanduna l-idea li jkun hemm kumpless fit-Tramuntana ta’ Malta? Jekk le, fejn hu mistenni li jinbena dan il-kumpless?

Response (BARTOLO, EVARIST)

L-art li qiegħed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant ġiet irritornata lit-Taqsima tal-Proprjetà tal-Gvern. Nikkonferma li l-Gvern ma abbandunax il-pjan li jinbena kumpless sportiv. Għadhom ser isiru konsultazzjonijiet f’dan ir-rigward.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — Xogħol mogħti lil individwu

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ xogħlijiet li ngħataw lill-individwu u/jew kumpanija li dettalji tagħhom qed jingħataw separatament, sena b’sena, mill-2004 sa Marzu 2013 mill-Ministeru tiegħu u entitajiet, aġenziji, awtoritajiet u korporazzjonijiet li jaqgħu taħtu? Jista’ jgħid jekk f’kull każ, ix-xogħol ingħatax b’direct order jew wara li saret sejħa għall-offerti? Jista’ jgħid f’kull każ kemm kienet l-ispiża? F’kull każ, min awtorizza li jsir il-ħlas? F’kull każ fiex kien jikkonsisti x-xogħol?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra kif se nsemmi:- Tabella 'A' - Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol Tabella 'B' - Kunsill Malti Għall-Isport Tabella 'C' - Aġenzija Żgħażagħ Tabella'D' - Universita' ta' Malta Tabella 'E' - Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ Tabella 'F' - Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija Tabella 'G' - Fondazzjoni Għal Servizzi Edukattivi

Tibdil fil-liġi għall-impjieg

Question

Jista’ l-Ministru jara jekk hemmx il-ħsieb li jsir tibdil fil-liġi biex meta persuna tapplika għal impjieg, mistoqsijiet fuq tqala u menstruazzjoni jiġu mħollija barra totalment għax huma diskriminatorji?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat, jiġifieri lill-Ministeru għall-Familja u Solidarjeta' Soċjali. Ngħarraf ukoll lill-Onor. Interpellant li n- National Employment Authority , li bħala awtorita' taqa' fi ħdan id-dekasteru tiegħi, dejjem tikkunsidra dawn id-dettalji waqt is-smigħ tal-appelli li jkollu l-Bord. Dan biex jiġu salvagwardjati d-drittijiet kemm tal-ħaddiem kif ukoll ta' min iħaddem.

skejjel — Programmi kontra l-vjolenza domestika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk jeżistux programmi fl-iskejjel kontra l-vjolenza domestika? Jekk le, hemm xi ħsieb li jiġu introdotti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-servizz għall-protezzjoni tat-tfal (Child Safety Services) li tifforma parti minn Safe School Programmes fi ħdan is-Servizz Psiko-Soċjali għall-istudenti tagħmel xogħol ukoll fuq livell ta’ prevenzjoni. Dan jinkludi sessjonijiet ta’ għarfien mal- ġenituri u sessjonijiet ta’ prevenzjoni u għarfien mal-istudenti tar-raba’ sena fl-iskejjel primarji kollha tal-istat f’Malta u Għawdex bl-isem ‘How to keep safe’. Il-programmi għandhom l-għan li jagħtu lill-istudenti t-tagħrif meħtieġ fuq abbuż tat-tfal u l-għodda meħtieġa biex jipproteġu ruħhom. Il-vjolenza domestika wkoll tiġi ndirizzata għax taqa’ taħt l-aspett ta’ abbuż fiżiku. Dawn il-programmi jiġu offruti wkoll fil-livell sekondarju fuq talba mill-iskejjel infushom. Għalkemm ma jeżisti l-ebda programm speċifiku fl-iskejjel kontra l-vjolenza domestika, fil-Personal and Social Development l-għalliema jirreferu għar-rispett reċiproku li għandu jkun hemm fir-relazzjoni ta' bejn il-mara u r-raġel.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – safar

Question

Jista' l-Ministru jgħid, mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum x’kienet in-nefqa totali tal-Ministeru tiegħu fuq safar? Jista’ jagħti dawn id-dettalji dwar kull żjara: kemm kienet l-ispiża, x’kien l-għan ta’ din iż-żjara, minn min kienet komposta d-delegazzjoni għal kull żjara u x’kien ir-rwol tal-persuni li attendew?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Learning Support Assistant – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ ta’ omm li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li qed titlob learning support assistant għat-tifel tagħha?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ġenitur indikat ġie kkuntattjat.

skejjel sekondarji — Suġġetti vokazzjonali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid eżattament x’inhi d-definizzjoni ta’ suġġetti vokazzjonali li se jibdew jiġu offruti fl-iskejjel sekondarji? Jista’ jgħid minn meta dawn is-suġġetti vokazzjonali se jibdew ikunu offruti fl-iskejjel sekondarji? Jista’ jgħid jekk hemmx qbil mal-iskejjel tal-Knisja u indipendenti dwar it-tagħlim ta’ dawn is-suġġetti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li suġġett vokazzjonali huwa suġġett li huwa relatat mad-dinja tax-xogħol u mfassal b’mod li jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ hiliet u kompetenzi vokazzjonali fl-istudenti. It-tagħlim ta’ suġġetti vokazzjonali jirrikjedi metodi ta’ tagħlim li jimxu lilhinn mill-metodi tradizzjonali ffukati fuq it-tagħlim tal-kontenut u l- eżamijiet lejn proċessi ta’ tagħlim mibnija fuq biċċiet ta’ xogħol prattiku, proġetti, riċerka, kitba ta’ rapprot u preżentazzjonijiet, żjarat fuq postijet ta’ xogħol, żamma ta’ portafoll tax-xogħol. Il-proċedura tal-assessjar tinbena fuq tliet proċessi: l-assessjar li jsir mill-għalliema bejniethom, l-assessjar tax-xogħol tal-istudenti u l-għalliema minn assessuri esterni għall-iskola, u assessjar ieħor li jsir minn assessuri esterni oħra li jassiguraw il-kwalita’ fl-amministrazzjoni u l-immaniġjar tat-tagħlim ta’ dawn is-suġġetti vokazzjonali. It-tagħlim ta’ suġġetti vokazzjonali fl-iskejjel sekondarji joffri toroq oħra lill istudenti li, barra dawk strettament akkademiċi, biex ikomplu jimxu ‘l quddiem u jkollhom suċċess fis-sistema edukattiva. Huwa mod ta’ tagħlim applikat f’kuntest vokazzjonali li jibni l-kunfidenza, l-motivazzjoni u l-kompetenzi tal-istudenti. Bħalissa għaddej proġett pilota – li beda fis-sena skolastika 2011-12 – f’għaxar skejjel sekondarji, sitta minnhom tal-istat, tnejn tal-Knisja, u tnejn oħra indipendenti. F’dawn l-iskejjel qed jiġu mgħallma erba’ suġġetti vokazzjonali li jwasslu għal kwalifiċi tal-BTEC (li huma kwalifiċi tal-Edexcel, kumpanija ta’ kwalifiċi Ingliżi li titmexxa mill-University of London Examinations and Assessment Council). Dawn l-iskejjel huma: Skejjel tal-Istat Sekondarja Subien fil-Kulleġġ San Benedittu, Ħal Kirkop (BTEC Information Technology Extended Certificate course) Sekondarja Subien fil-Kulleġġ San Injazju, tal-Ħandaq (BTEC Engineering Extended Certificate course) Sekondarja Subien fil-Kulleġġ Santa Margerita, Verdala (BTEC Hospitality Extended Certificate course) Sekondarja Subien fil-Kulleġġ Maria Regina, Mosta (BTEC Hospitality Extended Certificate course) Sekondarja Subien fil-Kulleġġ t’Għawdex (BTEC Engineering Extended Certificate course) Sekondarja Bniet fil-Kulleġġ t’Għawdex (BTEC Health &Social Care Extended Certificate course) Skejjel tal-Knisja Sekondarja Subien Stella Maris, Gżira (BTEC Engineering Extended Certificate course) Sekondarja Bniet, St Dorothy, Żebbuġ (BTEC Hospitality Extended Certificate course) Skejjel Indipendenti San Anton Senior School (BTEC Health &Social Care Extended Certificate course) Sekondarja Subien fil-Kulleġġ St Edward’s, Vittoriosa (BTEC Information Technology Extended Certificate course) Dawn l-erba’ suġġetti vokazzjonli ntgħazlu għaliex jagħmlu parti mill-oqsma ta’ prijoriiajiet ekonomiċi u strateġiċi ta’ Malta. L-iskop ewlieni tal-proġett pilota huwa li jwassal għal programmi ta’ tagħlim vokazzjonali u kwalifiċi għall-iskejjel sekondarji mfasslin lokalment. Qbil mal-Iskejjel tal-Knisja u Skejjel Indipendenti Fuq il-kumitat imwaqqaf mill-Ministeru tal-Edukazzjoni, Familja, Żgħażagħ u Sport, biex imexxi ‘l quddiem dan il-proġett pilota, sa mill-bidu nett kien hemm rappreżentanti tal-iskejjel tal-Knisja u tal-Iskejjel Indipendenti. F’laqgħat li saru mal-kapijiet ta’ dawn l-iskejjel, intweriet xewqa kkbira li jkunu parti minn dan il-proġett pilota.

suġġetti vokazzjonali — Għalliema

Question

Jista’ l-Ministru jispjega l-kwalifiki li se jkollhom l-għalliema li se jgħallmu s-suġġetti vokazzjonali? Jista’ jgħid jekk hux se jkun hemm taħriġ speċjalizzat għal għalliema fis-suġġetti vokazzjonali? Jekk iva, jista’ jagħti informazzjoni dwar dan it-taħriġ? B’liema kriterji se jintgħażlu l-għalliema?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-għalliema li ntgħażlu biex jipparteċipaw fil-proġett pilota ntgħażlu mill-iskejjel stess li qed jipparteċipaw fil-proġett pilota (irreferi għar-risposta mogħtija għal PQ 5112). F’dawn l-iskejjel, saret sejħa għall-għalliema li jgħallmu suġġetti relatati mas-suġġett vokazzjonli li kien ser jiġi mgħallem hemmhekk. Intalbu żewġ għalliema għal kull suġġett. F’kull skola kien hemm iżjed għalliema li applikaw biex jgħallmu s-suġġetti vokazzjonali u allura kellha ssir l-għażla b’intervista f’kull skola. L-għalliema li ntgħazlu ħadu t-taħriġ li ġej: Minn Frar sa Lulju 2011: Tliet programmi ta’ taħriġ, bl-ewwel programm ikun ġimgħa sħiħa ta’ taħriġ għand l- Edexcel , f’Londra. Imbagħad, kellhom żewġ sessjonijiet ta’ taħriġ f’Malta ma’ teacher trainers mill-Edexcel. Bħala parti mit-taħriġ, l-għalliema ingħataw kopja ta’ Teacher’s Pack u Student’s Handbook . Minn Settembru 2012 sa Lulju 2013: F’Ottubru 2012 l-iskejjel kollha mdaħħla fil-proġett pilota kellhom l-ewwel Quality Review and Development visit minn assessuri tal- Edexcel . L-għalliema reġa’ kellhom żewġ żjarat ta’ assessjar minn experti fis-suġġetti vokazzjonali tagħhom mill-Edexcel, żeweg programmi oħra ta’ taħriġ u INSET course mat -teacher trainers mill-Edexcel. Minn Settembru 2013 sa Lulju 2014: F’Ottubru 2013 l-iskejjel kollha mdaħħla fil-proġett pilota qed jerġa’ jkollhom it-tieni Quality Review and Development visit minn assessuri tal- Edexcel . L-għalliema ser jerġa’ jkollhom żewġ żjarat ta’ assessjar minn experti fis-suġġetti vokazzjonali tagħhom mill-Edexcel, u programm ieħro ta’ INSET course mat -teacher trainers mill-Edexcel. F’April 2014 ser jaslu għall-kwalifika tal- BTEC l-ewwel grupp ta’ studenti li qegħdin fil-ħames sena tal-iskola sekondarja u li ilhom jitgħallmu suġġett vokazzjonali għad dawn l-aħħar tliet snin.