Legislature:
Category:
Reset
Active:

Depreciation — Laħam

Question

B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari numru 85 u 86 kemm kienet ikkalkulata d-depreciation fil-kalkoli li saru? Jista' il-Ministru jinfurmani bil-b/down tal-kalkoli u kemm fil-fatt mistennija li tonqos l-ispiza tal-qatla issa li linja l-ġdida bdiet titħaddem ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta jispiċċa x-xogħol kollu fil-biccerija sejjer isir cost analysis mill-ġdid biex tkun magħrufa b’ mod preċiż kemm ser tonqos l-ispiża tal-qatla. Qabel ma jsir dan l-eżerċizzju ma tistax tingħata l-informazzjoni mitluba.

Prodotti tal-laħam — Spejjes għall-produttur

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 85 u 86 wara sħubija, l-ispiża ta' 1 cent 2 mils fil-kilo għall-produttur tal-majjal u dik ta' 4 cent 8 mils fil-kilo għall-produttur taċ-ċanga se tibqa l-istess, se tiżdied, se titħallas kollha mill-Gvern Malti jew se tiġi sussidjata kollha mill-UE ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-mistoqsija numru 586.

Ħxejjex — Levies ta' protezzjoni

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 84 huwa l-każ li l-Gvern Nazzjonalista se jneħħi l-levies ta' protezzjoni fuq il-varjetajiet kollha ta' ħxejjex li jipproduċu l-bdiewa Maltin u Għawdxin, u fl-istess ħin se jdaħħal levy ġdida (dazju u tariffa) fuq iz-zokkor li fuq kollox la jipproduċu l-bdiewa f'Malta u Għawdex u lanqas l-industriji lokali? Jista' l-Ministru jinfurmani x'sens jagħmel għall-pajjiżna li niproteġġu prodotti ta' pajjiżi oħra meta f'pajjiżna ma niproduċuhomx ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jidher li l-Onor. Interpellant mhux aġġornat bl-aħħar żviluppi fil-kummerċ internazzjonali taz-zokkor. Bħalissa, l-UE qed tipprotesta ma’ l-Għaqda Dinjija tal-Kummerċ minħabba talbiet li għamlu pajjiżi bħall-Brażil u l-Awstralja li ma jaqblux mal-politika tal-UE u l-ftehim kummerċjali li għandha ma’ numru kbir ta’ pajjiżi sotto-żviluppati minħabba arranġamenti preferenzjali fil-kummerċ taz-zokkor. Dan jixhed l-impenn ta’ l-UE biex titneħħa l-protezzjoni fuq zokkor prodott fl-UE. Fil-fatt, il-biċċa ‘l kbira taz-zokkor li timpurta l-UE jaqa’ taħt dawn l-arranġamenti preferenzjali.

Sussidji ta' prodotti agrikoli

Question

B'referenza għall mistoqsija parlamentari numru 84 huwa l-każ li l Gvern Malti se joħrog 51 miljun Ewro wara s-sħubija mill-kaxxa ta' Malta sabiex jissusidja prezz taz-zokkor li jipproduċu l'Bdiewa u l-Industiji ta'l-ikel tal-pajjiżi diġa membri ta'l-UE ? Jista' l-Ministru jinfurmani x'sens jagħmel għall-pajjiżna li nisisusidjaw prodotti li ma jipproduċux lokalment il-bdiewa tagħna aktar mill-prodotti li jipproduċu l-bdiewa tagħna ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet li ngħataw għall-Mistoqsijiet Parlamentari numri 585 u 588.

Sussidju — Prezz taz-Zokkor

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 84 huwa l-każ li l-Gvern Malti se jissusidja l-prezz għoli taz-zokkor tal-UE kif ukoll prodotti oħra li pajjiżna storikament qatt ma produċa u għaldaqstant dejjem importhom liberament mill-prezzijiet kompetitivi tas-swieq internazjonali, inkluz dawk ta'l-UE stess? Jista' il-Ministru jinfurmani x'sens jagħmel għall-pajjizna li jissusidja l-prezz ta' prodotti li ma niproduċx lokalment meta faċilment il-prodotti jinxtraw orħos bil-prezzijiet kompetittivi tas-swieq internazzjonali ta'l-UE stess fl-istess perjodu ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet li ngħataw għall-Mistoqsijiet Parlamentari numri 585 u 588.

Esperti barranin — Ħlas ta' flus

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 82 minn kienu l-esperti barranin ? X'riruminazjoni tħallsu għall-pariri tagħhom lill-Gvern ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-esperti barranin huma dawk imqabbda minn IAM – Bari (Istituto Agronomico, Bari) tac-CIHEAM - Centre International de Hautes Etudes Agronomiques Mediterranéennes (International Centre for Advanced Mediterranean Agronomic Studies) u dawn kienu ngaġġjati fis-sena 1996. Dawn tħallsu għal diversi studji u għalhekk ma tistax tingħata c-cifra relatata ma’ dan l-istudju partikolari.

UE — Prodotti ta' l-ikel - sussidju

Question

B'refernza għal mistoqsija parlamentari numru 82 jista' il-Ministru jinfurmani x'jiġri mill-bqija tal-presentaġġ li mhux se tiġi susidjata? Se tkun spiża għall-konsumatur, għall-industrija li timanifatturah jew se tissusidja l-UE?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jiena nfurmat li kull sistema ta’ għajnuna msejħa ‘State Aid’ hija ta’ natura temporanja u digressiva. L-Onor. Interpellant jaf li aktar tard din is-sena ser tiltaqa’ l-Għaqda Dinjija tal-Kummerc, u fuq nett fl-agenda ta’ din il-laqgħa hemm it-tneħħija tal-protezzjoni mill-UE fil-konfront ta’ pajjiżi terzi. L-UE hija kommessa li dan isir u għalhekk kull differenza fi prezzijiet bejn dawk ta’ l-UE u prezzijiet internazzjonali għandhom jonqsu sew, jekk mhux jispiccaw għal kollox. B’ dan l-iżvilupp kull spekulazzjoni dwar konsumaturi jew industrija tal-manifattura hija rrelevanti.

Sussidju — Prezz taz-Zokkor

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 82 jista' il-Ministru ta' lanqas jinfurmani bil-kalkoli li l-esperti kellhom għall prezz taz-zokkor fis-snin 98,99,'00,"01 u '02 u dan peress li dawn ma kienux imbassra imma fatwali ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-ewwel nett ir-‘reference period’ kien dak ta’ 1998, 1999, u 2000. Il-prezzijiet medja taz-zokkor, kemm dawk ta’ l-UE u dawk internazzjonali qed jingħataw fil-lista annessa miġbura mill-istudju tac- CIHEAM - Centre International de Hautes Etudes Agronomiques Mediterranéennes (International Centre for Advanced Mediterranean Agronomic Studies) - IAM (Istituto Agronomico) – Bari, l-Italja, - ‘Malta’s Accession to the EU : Challenges and Opportunities for a Small Scale Multifunctional Agricultural Sector’, ippublikat f’ Novembru 2000.

Sussidju — Prodotti ta' l-ikel - Spejjeż - Negozjati ta' supply measure

Question

B'referenza għall mistoqsija parlamentari numru 82, jista' il-Ministru jinfurmani għaliex fis-snin 98,99,'00,'01,'02 inkluż din is-sena, pajjiżna dejjem iffranka l-100% ta' l-ispiża ta' l-hekk imsejħa negozjati ta' supply measure ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ma jidhirlix li hemm għalfejn nagħti spjega dwar għaliex s’ issa teżisti differenza fi prezzijiet bejn dawk ta’ l-UE u dawk internazzjonali meta dan kollu hu dokumentat fir-rapporti u dokumenti relatati man-negozjati li tpoġġew fuq il-mejda tal-Kamra.

UE — Trattat - Importazzjoni taz-zokkor

Question

B'referenza għall mistoqsija parlamentari numru 82 għaliex wara sħubija pajjiżna se jibda jħallas dak li qed jiffranka llum, tant li fit-trattat fuq l-importazzjoni taz-zokkor biss, il-Gvern Malti ntrabat li se jħallas 51 miljun Euro lill-UE meta llum qed jinfrankom kollha għaliex qed jixtri l-prodott bil-prezzijiet kompetittivi fis-swieq internazzjonali ta'l-UE stess ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba għall-mistoqsija numru 583.

Riservi naturali

Question

Jista' il-Ministru jagħti lista sħiħa tar-riservi naturali fil-gżejjer Maltin? Jista' jindika liema għaqda ambjentali ġiet fdata bir-responsabbilta' ta' tmexxija f'kull każ? Jista' ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim li għandu ma' l-għaqdiet ambjentali f'kull każ? Jista' jgħid x'kontribuzzjoni qed issir minn fondi pubbliċi f'kull każ? Jista' jagħti lista sħiħa tas-siti ambjentali fil-gżejjer Maltin li huma protetti?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ir- riservi naturali huma Filfla (Att XV of 1988), Selmunett (A. L. 25 ta' 1993) u il-Ġebla tal-Ġeneral (A. L. 22 ta' 1992), kif ukoll dawk imsemmijin fl-iskeda IV ta' A. L. 12 ta' 2001, jigifieri: Wied il-Miżieb u l-Wied tax-Xaqrani (limits of Mellieha) Il-Wied ta’ l-Imġiebah (limits of Mellieha) Il-Ballut (at Wardija, limits of St Paul’s Bay) Parti minn Wied ir-Rum (limits of Dingli) Wied Hażrun (limits of Dingli) Ta’ Baldu (limits of Dingli) Ġnien il-Kbir (limits of Rabat and Siggiewi) Il-Buskett (limits of Rabat, Siggiewi and Dingli) Wied il-Girgenti (limits of Siggiewi) Il-Wied ta’ l-Imtaħleb and Wied Markozz (at Mtahleb, limits of Rabat) Wied il-Hut (at Mtahleb, limits of Rabat) Wied Gerżuma and Wied il- Bahrija (limits of Bahrija) Il-Maqluba (limits of Qrendi) Wied il- Baruni (limits of Marsaskala) Wied Żembaq (limits of Birzebbuga) Wied Moqbol (limits of Zurrieq) L-inħawi bejn il-Wied ta’ l- Arkata u Ta’ Sparati (at Bidnija, limits of Mosta / St. Paul’s Bay) Parti minn Wied il- Ghasel (limits of Mosta) Wied Għollieqa (limits of San Gwann) Wied Qirda (limits of Zebbug) Wied Bloq (limits of Zebbug / Hal-Qormi) Wied Anġlu (limits of Gharghur / Naxxar) L-inħawi ta’ San Pawl tat-Targa (limits of Naxxar / Gharghur) Ta’ Lambert (limits of Xewkija) L-inħawi bejn Għajn Damma u Pergla (limits of Xaghra) Wied San Blas and Wied Binġemma (limits of Nadur) Il-Qawra (part of Dwejra, limits of San Lawrenz) L-inħawi ta’ l-Hazina (Kemmuna) Il-Qala ta’ Santa Marija (Kemmuna) L-unika Riserva Naturali li ġiet fdata bir-responsabbilta ta’ tmexxija hija ta' Wied Għollieqa. It-tmexxija ġiet fdata lin-Nature Trust (Malta). Mhu qed issir l-ebda kontribuzzjoni minn fondi pubblici. Qed nehmeż kopja tal-kuntratt li ġie ffirmat fil-5 Ġunju 2003. Il-lista mehmuza tagħti lista tas-siti ambjentali kollha li huma mħarsa permezz ta' numru ta' liġijiet, fosthom (imma mhux biss) dawk imħarsa permezz ta' l-Att dwar il-Ħarsien ta' l-Ambjent u l-Att dwar l-Ippjanar ta' l-Iżvilupp.

MDP — Importazzjoni ta' ħalib xkumat

Question

B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 83 u l-ħidma bl-akbar metikolosita' li saret, jista' il-Ministru jinformani kemm mill-521 tunnellata se jkun allokat għall-MDP, kemm għall-industrija ta' l-ikel u kemm għall-importaturi? Fid-dawl tal-ħidma bl-akbar metokolosita' li saret, jista' il-Ministru jinformani kemm attwalment jiġi mpurtat trab ta' ħalib xkumat mill-MDP, mill-industrija ta' l-ikel lokali u f'kompożizzjoni ma' prodotti mpurtati lesti?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-figura nnegozjata ta’ 521 tunnellata ġiet ikkunsidrata fuq figuri storici miġbura minn diversi sorsi. Għar-rigward ta’ tqassim ta’ din il-kwota, dan ser jiġi kkunsidrat fis-sena 2004 fuq it-talbiet tal-manifattura skond il-pjanijiet ta’ produzzjoni li jkunu pproġettaw .

Industriji ta' l-ikel — Għajnuna finanzjarja

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' industriji ta' l-ikel, ta' l-iproċessar u ta' l -agro-industrija, tat-tjur u l-bhejjem, xorb u tabakk li rċevew għajnuna finanzarja sabiex iwettqu l-investiment meħtieġ u jkunu konformi mar-regoli ta' l-UE matul din is-sena? Dawn l-industriji kollha se jkunu konformi mar-regoli sa Mejju li ġej? Kemm hu mistenni li tiżdied il-produzzjoni ta' dawn l-industriji?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-għajnuna li qed tingħata lis-settur agrikolu hi skond dak li ġie miftiehem mal-UE kif indikat fl-iSpecial Market Policy Programme for Maltese Agricultur’ (SMPPMA) jew skond skemi oħra bħal dawk approvati mill-Kabinett bħal fil-każ tal-processuri tal-laħam tal-majjal. Tmien (8) processuri tal-laħam tal-majjal iffirmaw kuntratti mad-Diviżjoni għall-Affarijiet Veterinarji biex jircievu l-għajnuna finanzjarja. Bicceriji fil-każ tat-tjur qed ilestu Business Plans skond ma tesiġi l-UE biex ikunu jistgħu jircievu l-għajnuna finanzjarja. Il-Malta Dairy Products (MDP) rceviet għajnuna finanzjarja skond l-iSMPPMA. Fir-rigward tal-irziezet, l-Onor. Interpellant jaf sew li l-Gvern irnexxielu jinnegozja perjodi ta’ transizzjoni għas-settur tal-ħalib u għalhekk l-investiment necessarju jista’ jsir bl-għajnuna finanzjarja ta’ l-UE matul il- perjodu ta’ transizzjoni. L-industriji ta’ l-ikel, ta’ l-ipprocessar u ta’ l-agro-industrija, tat-tjur u tal-bhejjem iridu jkunu konformi mar-regoli sa Mejju li ġej. Rigward iż-żieda fil-produzzjoni, l-Onor. Interpellant jaf ukoll li hemm kwoti abbażi li ġew miftiehma ma’ l-UE bħal fil-każ tal-ħalib u tat-tadam għall-ipprocessar, u l-produzzjoni ma tistax taqbeż dawk il-livelli.

Industrija ta' l -ikel — Impjiegi

Question

Skond il-pjani tal-gvern għall-wara s-sħubija, jista' il-Ministru jgħid kemm hu stmat li se jiżdiedu jew jonqsu l-impjiegi fl-agro-industrija, l-industrija ta' l-ikel u ta' l-ipproċessar u tat-trobbija tat-tjur u l-bhejjem, xorb u tabakk? Kemm hu n-numru ta' ħaddiema u self-employed illum li jaħdmu ma' dawn l-industriji u kemm hu n-numru ta' koperattivi, fabbriki, kumpanniji, eċċ. attwali f'Malta u Għawdex separatament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkoncernat.

MEPA — Esproprjazzjoni ta' art privata

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 1092 u cioe' jista' il-Ministru jinvestiga ilment li wasalli mingħand grupp ta' residenti li joqogħdu fi blokk bini li d-dettalji tagħhom u korrispondenza oħra relatata qed jintbagħtu separatament, fejn żviluppaturi privati qed jheddu li jitolbu lill-gvern jesproprja l-proprjeta' privata tagħhom proprju fejn hemm il-ġnien u s-swimming pool biex jgħaddu triq? Il-MEPA irċeviet xi applikazzjoni f'dan is-sens? Jekk iva, meta u fejn waslet din l-applikazzjoni?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-Awtorita’ Maltija għall-Ippjanar u l-Ambjent (MEPA) investigat l-ilment ta’ grupp ta’ residenti, li rceviet fil-11 ta’ Ġunju ta’ din is-sena, fejn ġie allegat li l-iżviluppatur iddikjara li l-art li trid tinfetaħ bħala triq kienet art privata tiegħu. Irriżulta mill-informazzjoni ta’ l-applikazzjoni li l-izviluppatur ma’ ddikjarax li din l-art hija tiegħu. Il-MEPA ma tircievix applikazzjonijiet għal esproprjazzjoni ta’ art. Ta’ min jgħid li saret applikazzjoni, PA 6448/02 li ser tiġi kkunsidrata quddiem il-Kummissjoni għall-Iżvilupp nhar it-Tnejn, 14 ta’ Lulju 2003. Din l-applikazzjoni saret wara li nħareġ il-permess PA 7954/95 u s-surveyors tal- MEPA ħarġu l-linja fuq is-sit u mponew ‘splays,’ u allura l-iżviluppatur kellu jibdel il-pjanti. Ix-xogħol li għaddej issa huwa skond il-pjanti approvati fl-applikazzjoni PA 7954/95. Mill-informazzjoni li għandha l- MEPA, jirriżulta wkoll li l-iżviluppatur għamel talba formali lill-Kummissarju ta’ l-Art ta’ esproprjazzjoni ta’ art biex tinfetaħ it-triq li ħarġet minn kundizzjoni tal-permess oriġinali. Ta’ min jinnota li din it-triq ilha ‘schemed road’ fis-snin sittin u ġiet kkonfermata fis-Skemi ta’ Żvilupp Temporanji approvati mill-Parlament f’ Ġunju 1989.

MEPA — Proġetti ambjentali

Question

Jista' il-Ministru jagħti breakdown tan-nefqa li l-MEPA għamlet għas-somma ta' Lm500,000 fuq proġetti ambjentali f'dawn l-aħħar sentejn? Liema kienu l-proġetti li saru u liema għaqdiet ingħataw l-għajnuna?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-Awtorita’ ta’ Malta Dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) allokat fondi li huma ddedikati għal proġetti ambjentali. Bħalissa l-Awtorita’ għandha f’ idejha is-somma ta’ Lm 406,232. Is-somma totali li hemm ddedikata għal dawn il-proġetti hi ta’ Lm 612,232, iżda parti minn dawn il-fondi għadhom ma nġabritx minħabba l-fatt li diversi ħlasijiet għal dan il-fond għandhom jiġu mħallsa fuq diversi snin skond kunidizzjonijiet f’ diversi permessi għall-iżvilupp. Il-fondi għall-proġetti huma ppjanati li jintefqu kif hawn fit-tabella hawn taħt. Ta’ min jinnota li diversi proġetti li jidhru hawn taħt diġa inbdew b’ kollaborazzjoni ma’ gruppi mhux governattivi u Kunsilli Lokali, iżda għad ma sarux ħlasijiet fuqhom. L-Aworita’ għamlet kundizzjoni li ħlasijiet fuq proġetti jsiru meta l-proġetti jitlestew b’ mod soddisfacenti. Fund Designation Total Fund Value (Lm) Amount currently paid (Lm) Fund for new projects 76,756 56,756 Contingency fund 64,500 44,500 Dwejra (Gozo) Fund 24,365 14,365 Gebel Ciantar Interpretation Strategy Fund 5,000 5,000 Fort Madliena Rehabilitation Fund 5,000 5,000 Wied il-Ghasel Restoration Fund 10,000 10,000 Wied Ghollieqa Fund 15,000 15,000 Qala Interpretation Strategy Fund 5,000 5,000 Artificial Reef Project 50,000 50,000 Dwejra Lines Fund 5,000 * Victoria Lines Fund 5,000 * Cirkewwa Project Fund 20,000 0 Ghar il-Kbir Fund 5,000 0 L-Ahrax Environmental Fund 215,000 115,000 Delimara Marine Conservation Area Fund 27,000 17,000 Tal-Bakkari Restoration Fund 3,000 * Balconies Fund 78,611 58,611 Sealand (Xemxija) Fund 7,000 7,000 Mellieha Afforestation Fund 5,000 5,000 Qala Benches Fund 1,000 1,000 Comino MCA Fund 10,000 10,000 Kiln Restoration Fund 25,000 17,000

Buskett — Winery

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-winery fil-Buskett ġietx mogħtija b'xi tip ta' titlu lill-privat? Jekk fl-affermattiv, jista' jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim relattiv? Jekk fin-negattiv, b'liema mod ġiet użatha l-winery bħala restaurant waqt l-Imnarja?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Il-winery tal-Buskett ma ġiet mogħtija bl-ebda titlu lill-privat. Il-winery u l-għelieqi tagħha qegħda tieħu ħsiebhom is-sezzjoni tal-Vitikultura u l-Enoloġija fi ħdan id-Diviżjoni għas-Servizzi Agrikoli u Żvilupp Rurali. Waqt l-Imnarja il-bitħa tal-winery ġiet użata għal attivita’ tal-Korp tal-Pulizija, liema attivita’ ilha ssir għal bosta snin.

Ħaż-Żebbuġ — Triq l-Imdina - roundabout

Question

Jista' il-Ministru jirrikmanda li r-roundabout li hemm fi Triq l-Imdina, Ħaż-Żebbuġ viċin l-iskola ta' St. Dorothy tiġi nkluża fl-istima tal-landscaping?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li r-roundabout li hemm fi Triq l-Imdina, Ħaż-Żebbuġ se tiġi mmantenuta u jsir program ta’ tisbieħ, wara li l-isponsor li kien qiegħed jieħu ħsiebha irtira l-isponsorship tiegħu.

Żejtun — Tal-Ħabel l-Abjad - ilma tat-tisqija

Question

Jista' il-Ministru jgħid għalfejn il-bdiewa li għandhom ir-raba' tagħhom fl-inħawi Tal-Ħabel l-Abjad, iż-Żejtun mhux qed jaslilhom ilma tat-tisqija? Possibbli din is-sitwazzjoni tiġi rrimedjata?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-ġimgħa li għaddiet saret laqgħa bejn il-Ministeri kkoncernati fejn ġew diskussi d-diversi ħsarat li jeżistu fis-sistema tat-tqassim ta’ l-ilma mill-Impjant ta’ Sant’ Antnin. Il-ħsarat fis-sistema tat-tisqija ser jiġu rranġati mid-Dipartiment tad-Drenaġġ fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u Infrastruttura.

Ministeru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent — Mobile phones

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' mobile phones li juża l-ministeru tiegħu u d-dekasteri kollha li jaqgħu taħtu? Kemm kienet l-ispiża tas-servizz u tat-telefonati fl-ewwel ħames xhur ta' din is-sena? Kemm tħallset minn din l-ispiża fil-mument?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ mobile phones użati mill-Ministeru għall-affarijiet Rurali u l-Ambjent, kif ukoll mid-Diviżjonijiet/Dipartimenti li jaqgħu taħtu, huwa ta’ tnax (12). Hemm ukoll tnejn u tletin (32) mobile phones użati mill-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). Fil-każ tal-Ministeru u d-Diviżjonijiet/Dipartimenti li jaqgħu taħtu, il-kontijiet li waslu jkopru sa April 203. Il-kontijiet tħallsu u dawn kienu jammontaw għal Lm 2,022.87 għall-perjodu minn Jannar sa April ta’ din is-sena. Għar-rigward ta’ l-Awtorita ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, l-ispiża fl-ewwel ħames xhur ta’ din is-sena kienet ta’ Lm 4,454. Minn dis-somma tħallsu Lm 2,608.22.