Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pulizija — Ċitazzjonijiet

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm ċitazzjonijiet maħruġa mill-pulizija mill-1 ta' Jannar 2005 sas-7 ta' Marzu 2005 dwar il-ksur tal-liġi tat-tipjip? F'liema lokalitajiet saru? Kienu biss is-sidien tal-post li sarulhom ċitazzjonijiet jew anke lil dawk li kienu qed ipejpu? Waru li f'diversi gazzetti dehru ittri li mhux qed issir sorveljanza biżżejjed u li din il-liġi qed tinkiser anke sfaċċatament, jista' jara li l-pulizija jagħmlu aktar biex jitrażżan it-tipjip fejn mhux suppost li dan isir?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta' Jannar u s-7 ta' Marzu ta' din is-sena kien hemm 24 persuna li nbdew proċeduri kriminali kontra tagħhom bi ksur tar-Regolamenti ta' l-2004 dwar it-Tipjip ġewwa postijiet ta' divertiment f'dawn il-lokalitajiet - Birżebbuġia, Buġibba, Valletta, Balzan u San Ġiljan. Minn dawn, 18 kienu l-persuni li kienu qed ipejpu u 6 kienu l-persuni responsabbli mill-istabbiliment fejn kien qed isir dan il-ksur tar-Regolamenti. Infurmat ukoll illi l-Pulizija ser tkompli bl-ispezzjonijiet sabiex kemm jista' jkun imrażżan dan l-abbuż.

Korp tal-Pulizija — Supritendenti

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 10779, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk bdewx il-proċeduri biex jimtlew il-vakanzi ta' supritendenti u spetturi fil-korp tal-pulizija? Xi proċeduri jridu jsiru?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-vakanzi ta' Supretendenti u Spetturi fil-Korp tal-Pulizija isiru wara li ssir sejħa għall-applikazzjoni. Din is-sejħa għall-applikazzjonijiet għadha ma saritx.

Korp tal-Pulizija — Extra Work

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhu l-ammont ta' extra (fi flus) li għad irid jitħallas lill-membri tal-korp tal-pulizija li jkunu għamlu dan ix-xogħol extra fl-2004? Jista' jagħti breakdown tal-figuri mqassma f'ranks? Hemm xi ħlasijiet pendenti mis-snin ta' qabel? Jekk fl-affermattiv, kemm huwa l-ammont totali? Dan ifisser li l-pulizija ndividwali għadhom qed jistennew biex jitħallsu?

Response (BORG, TONIO)

Kif diġa’ kelli l-okkażżjoni nispjega, is-servizz ta’ extra duty isir fuq talba ta’ terzi. Għaldaqstant sabiex isir il-ħlas lill-membri tal-Korp l-ammont dovut irid l-ewwel jinġabar minn għand min ikun għamel it-talba. Infurmat ukoll illi l-ħlasijiet skond ir-rank ta’ extra duty li nħadmet matul is-sena 2004 u li għadu pendenti huwa kif ġej: Assistent KummissarjuLm871 SupretendentLm1,195 SpetturLm1,656 SurġentLm9,937 KuntistabbliLm29,901 Infurmat ukoll illi għad hemm Lm1,400 pendenti mis-snin ta’ qabel.

Korp tal-Pulizija — Extra Work

Question

Peress li xi membri tal-korp tal-pulizija ilhom xhur sħaħ ma jitħallsu tax-xogħol extra li għamlu waqt logħbiet tal-football, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hija s-somma globali li trid titħallas? Meta sar l-aħħar ħlas? X'inhu jsir biex il-ħlasijiet isiru u li 'l quddiem isiru b'mod regolari?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi għad trid tinġabar is-somma ta' Lm23,916 għal servizz ta' extra duty maħdum minn membri tal-Korp tal-Pulizija waqt logħbiet tal-football. Infurmat ukoll illi l-aħħar ammont kien inġabar f'Ottubru tas-sena l-oħra għas-servizz provdut f'Malta, filwaqt li għal dak f'Għawdex sar f'Marzu ta' din is-sena.

Marsa — Uffiċċju tal-kunsill lokali - spezzjoni mill-pulizija

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jikkonferma għaliex intbagħtu l-pulizija fil-kunsill lokali tal-Marsa waqt li kienu għaddejjin lezzjonijiet tal-privat tal-Malti, Ingliż u Matematika fl-uffiċċju tal-kunsill lokali u talbu d-dettalji tat-tfal preżenti, mingħajr ma ġew infurmati s-Sindku u s-Segretarju Eżekuttiv ta' l-istess kunsill? Jista' jagħti raġuni għal dan kollu meta qed jingħata servizz b'xejn lil din il-komunita'?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi waqt spezzjoni minn uffiċjal tal-Pulizija fl-Għassa tal-Pulizija tal-Marsa, ġie nnotat li kienu deħlin xi tfal, fil-parti ta' l-Għassa użata mill-Kunsill. Għaldaqstant, saru l-verifiki ts-soltu u rriżulta li dawn kienu qed jattendu lezzjoni tal-privat liema servizz kien qed jiġi provdut bla ħlas mill-Kunsill ta' dik il-lokalita'.

Dipartiment ta' l-Artijiet — Pitkalija Ċentrali

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jaġġornana dwar mistoqsija parlamentari 10451 u kemm kien in-numru ta' persuni li ġew mitluba jagħtu l-opinjoni tagħhom?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern irreferiet il-każ lill-"Construction & Maintenance Department" fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u Infrastruttura sabiex jitneħħa l-periklu u fejn hemm il-bżonn jissewwew jew jinbidlu t-tined tal-pjanċi.

Korp tal-pulizija — Surġenti maġġuri

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex għadha ma saritx il-ħatra ta' surġenti maġġuri fil-korp tal-pulizija? Meta saru l-interviews għal dawk is-surġenti li applikaw? Jista' jgħid jekk ħarġitx il-lista ta' ordni li fih ġew is-surġenti wara l-interview?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi dawn il-ħatriet isiru meta u kif ikunu jippermettu n-neċessitajiet in ġenerali tal-Korp tal-Pulizija.

Dipartiment ta' l-artijiet

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk l-art immarkata b'ċirku tond fil-pjanta li qed tintbagħat separatament hijiex tal-gvern? Jekk din mhijiex tal-gvern, jista' jgħid ta' min hi minħabba li qed jintrema ħafna skart ġo fiha?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li mill-art indikata mill-Onorevoli Interpellant, il-parti li tmiss mat-Triq hija tal-Gvern b'titlu assolut filwaqt li għall-parti ta' wara żewġ terzi indiviżi huma tal-Gvern u terz indiviż huwa tal-privat. Il-parti ta' wara fil-fatt hija mogħtija bi qbiela. Minn spezzjoni li saret mit-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern ma jirriżultax li hemm skart u ħmieġ f'din l-art apparti l-materjal ta' ġebel li kien intefa' meta kienet qed tiġi iffirmata t-Triq li tiġi biswit l-art in kwistjoni.

Persuna ta' nazzjonalita' barranija — Talba għal visa

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex il-persuna - id-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament - li talbet appuntament ma' l-assistent kummissarju dwar każ ta' talba għall-visa ta' persuna barranija għadu ma ngħatax dan l-appuntament?

Response (BORG, TONIO)

Ġentilment nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħti aktar tagħrif meta u ma' min intalab dan l-appuntament sabiex inkun nista' nivverifika ulterjorment, peress li ma jirriżultax li l-persuna msemmija għamlet xi talba għal appuntament ma' l-Assistent Kummissarju inkarigat mit-Taqsima ta' l-Immigrazzjoni.

Pulizija — Rapporti dwar serq

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il turist taħt it-18-il sena għamel rapporti fuq serq matul is-snin 2003 u 2004 u liema kienu l-għases fejn saru r-rapporti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fis-sistema kompjuterizzata miżmuma għall-fini ta' statistika ma tindikax jekk il-persuna li tkun qed tagħmel ir-rapport tkunx turista jew le. Għaldaqstant it-tagħrif mogħti f'din it-Tweġiba jindika rapporti ta' serq magħmula minn persuni taħt it-tmintax-il sena li jidhru li huma ta' nazzjonalita' barranija. Dan it-tagħrif jinżamm skond id-Diviżjon tal-Pulizija u huwa kif jidher fuq it-Tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Reġistru tal-Qorti — Uffiċjali tal-Qorti

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex ċerti uffiċjali tal-Qorti jitħallew jagħmlu użu regolari mill-aċċess li mir-reġistru jagħti għal Triq Santa Luċija, waqt li ċittadini normali h uma preklużi milli jidħlu u/jew joħorġu minn dak l-aċċess, anke jekk dan il-bżonn ikun dwar ħtieġijiet konnessi mal-qorti? Kemm qed tiswa finanzjarjament fis-sena l-persuna li qed tieħu ħsieb li ma jsirx aċċess minn dak il-bieb minn ċittadini li jkollhom bżonn tali aċċess? Huwa possibbli li din id-diskriminazzjoni tiġi riżolta amministrattivament?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-aċċess għar-Reġistru tal-Qrati Ċivili mill-bieb li hemm fi Triq Santa Luċija huwa għall-istaff li qiegħed fil-bini tal-Qorti tal-Familja kif ukoll għall-Avukati u Prokuraturi Legali. Din il-miżura ttieħdet sabiex tiġi salvagwardata s-sigurta' u fl-istess ħin tagħti aċċess lill-Avukati u Prokuraturi Legali li jridu jmorru l-Qorti tal-Familja. L-ispiża fis-sena hija dik ta' paga ta' uffiċjal fi skala ta' salarju numru 16. Ninforma wkoll li l-Amministrazzjoni tal-Qorti ħadet ħsieb li ma' kull bieb li hemm fil-bini tal-Qorti jitqiegħed Security Guard.

Kunsilli lokali — Ħaddiema

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm għandhom ħaddiema l-kunsilli lokali fil-preżent separatament għal kull kunsill? Jista' jgħid ukoll kemm kellhom kull kunsill qabel ma tnaqqsulhom il-ħaddiema? Jista' jgħid ukoll dawn il-ħaddiema fejn qed jaħdmu issa li m'għadhomx mal-kunsilli lokali?

Response (BORG, TONIO)

Għandi nifhem li l-Onor Interpellant qed jirreferi għall-ħaddiema assenjati mal-Kunsilli Lokali. Il-ħaddiema assenjati fil-preżent huma ħaddiema tal-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura u l-ħaddiema ta’ l-ex-Tarznari (IPSL). Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi kemm hemm fil-preżent minn dawn il-ħaddiema ma’ kull Kunsill Lokali u kemm kien hemm ħaddiema tal-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura f’kull Kunsill qabel ma ssejħu lura. Dwar fejn qed jaħdmu l-ħaddiema li ssejħu lura, nirreferi l-Onor Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari nru. 10825.

Qrati — Inkjesti Maġisterjali

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hu l-għadd ta' inkjesti maġisterjali li ilhom li nfetħu aktar minn sentejn u għadhom pendenti? Liema huma dawn l-inkjesti u kemm ilhom miftuħa f'kull każ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li ma tinżammx statistika kompjuterizzata fir-Reġistru tal-Qorti dwar l-informazzjoni mitluba.

Dipartiment ta' l-artijiet

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex id-dipartiment ta' l-artijiet għadu ma ssottomettiex ir-rapport mitlub mill-qorti tal-każ li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi d-Dipartiment tal-Artijiet ma għandu jissottometti l-ebda rapport. Il-kawża quddiem il-Bord tal-Arbitraġġ għaddiet għas-sentenza fis-17 ta' Novembru 2000. Ir-rapport li qiegħed jagħmel riferenza għalih l-Onorevoli Membru, huwa r-rapport li irid isir jew li sar mill-Periti tal-Bord tal-Arbitraġġ li fuqu tiġi mogħtija s-sentenza. Sa issa, is-sentenza għadha ma ingħatatx.

Pulizija — Ħruġ ta' visas lil ċittadini Ċiniżi

Question

Fl-investigazzjonijiet tal-pulizija dwar l-allegazzjoni ta' abbużi fl-ipproċessar tal-visas lil ċittadini Ċiniżi mill-ambaxxata Maltija f'Beijing, saru investigazzjonijiet on site fl-ambaxxata Maltija fiċ-Ċina?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija s'issa għadha ma għamlitx investigazzjonijiet on site fl-ambaxxata Maltija fiċ-Ċina.

Pulizija — Ċittadini Ċiniżi li jinsabu f'Malta llegalment

Question

Il-gvern Malti għandu ħjiel ta' kemm hawn Ċiniżi f"Malta illegalment? Jikkonferma dak li l-awtoritajiet Maltin allegatament qalu lill-ġurnal La Sicilia li bħalissa hemm madwar 500 Ċiniż li jinsabu f'pajjiżna illegalment?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi kull meta l-Pulizija ssir taf li jkun hawn xi barrani, Ċiniż jew ta' kull nazzjonalita' oħra li jkun Malta illegalment, il-Pulizija tieħu l-passi meħtieġa sabiex jitneħħa minn Malta. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat illi l-Pulizija Maltija m'għandiex din l-informazzjoni.

Pulizija — Ħruġ ta' visas lil studenti Ċiniżi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid liema kienu dawk il-language schools li ġew mitluba mill-gvern biex jgħinu fl-investigazzjonijiet dwar allegati abbużi mill-visas għal studenti Ċiniżi li ġew Malta biex jitgħallmu l-Ingliż?

Response (BORG, TONIO)

Ma nħossx li huwa opportun illi t-tagħrif mitlub għandu jkun ippublikat, stante li l-investigazzjoni għadha mhix konkluża.

Pulizija — Liċenzja tal-kaċċa

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jara jekk wara sentenza ta' ħabs ta' tliet snin u nofs li ngħatat fl-1987, għandux issa jiġi kkunsidrat mill-ġdid li l-persuna indikata separatament tingħata l-liċenzja tal-kaċċa?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li ma hemm ebda talba pendenti mal-Pulizija għall-liċenzja tal-kaċċa mill-persuna msemmija mill-Onorevoli Interpellant.

Ċittadini Ċiniżi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk it-taqsima ta' l-immigrazzjoni tal-korp tal-pulizija għandhiex evidenza li turi li numru ta' ċittadini Ċiniżi li daħlu Malta b'visa regolari matul dawn l-aħħar 12-il xahar baqgħux f'pajjiżna wara li skaditilhom il-visa? Jekk iva, kemm minn dawn iċ-ċittadini Ċiniżi ma nafux għadhomx f'pajjiżna? Jista' jgħid ukoll jekk il-pulizija sabitx u bagħtet lura lejn iċ-Ċina ċittadini Ċiniżi li nstabu Malta bil-visa skaduta u jekk iva, jagħti ċ-ċifri?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub fl-ewwel parti tal-Mistoqsija mhux disponibbli taħt forma kompjuterizzata. Ninsab infurmat ukoll illi matul is-sena 2004 kien hemm 97 presuna ta' nazzjonalita' Ċiniża li tneħħew minn Malta wara li nstab li kienu Malta irregolarment, filwaqt li matul din is-sena, s'issa kien hemm 15.