Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk għall-ETC persuna tirreġistra bħala bajjad ifissirx li trid taċċetta xogħol bħala kaħħal u jew bennej (ċioe fil-kostruzzjoni) għax inkella tinqata' mir-reġistrar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi persuni li qegħdin jirreġistraw għax-xogħol jiġu offruti mpjieg skond il-preferenzi li huma jirreġistraw għalihom. Jekk, wara ammont ta' żmien ma jsibux xogħol, jew dak ix-xogħol li huma jkunu rreġistraw għalih ma jkunx hawn fis-suq, il-Korporazzjoni tista' toffri xogħol li huwa relatat. Jekk l-individwu ma jkollux il-ħiliet meħtieġa, il-Korporazzjoni tgħinu billi tibgħatu għat-taħriġ jew jekk ikun eleġibbli ddaħħlu fi skemi li toffri l-Korporazzjoni. Ix-xogħol ta' bajjad huwa parti mis-settur tal-kostruzzjoni u għalhekk persuni jistgħu jintbagħtu, dejjem skond il-kriterji mitlubin minn min iħaddem u skond il-proċeduri tal-Korporazzjoni. Ta' min jgħid u jfakkar illi l-ewwel obbligu qiegħed fuq l-individwu biex isib xogħol. Kull min jirrifjuta offerta ta' xogħol jew taħriġ mingħajr raġuni valida jinqata' minn fuq ir-reġistru.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kif jispjega id-diskrepanzi fil-figuri tal-part-timers fis-sena 2000 bejn dawk ippublikati bejn il-Ministeru tal-Finanzi u dawk tal-ETC ippublikati mill-NSD?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ tasal għan-numru ta' part-timers skond l-informazzjoni li tirċievi mingħand l-employers jew l-individwi fil-formola ta' dikjarazzjoni ta' bidu ta' Impjieg.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm day centres f'Malta w Għawdex? Jista' l-Ministru jgħid kemm jattendu f'kull ċentru? X'inhu l-istaff complement b'kull ċentru? X'inhu l-ispiża totali f'kull ċentru? Kemm hu stmat li tqum kuljum kull persuna li tattendi ċentri bħal dawn?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f'Malta hawn 10 Ċentri ta' Matul il-Jum. L-attendenza u l-istaff complement ta' kull Ċentru hi kif ġej:
Ċentru Membri Uffiċċjal Spejjeż
ta' Matul Regolari Inkarigat u Salarji u
il-Jum Staff Kera
Stima 2001
Żejtun 95 8 Lm27,210
Ħamrun 143 5 Lm23,004
Dingli 69 4 Lm11,520
Qormi 95 5 Lm17,262
Sliema 67 6 Lm17,250
Żurrieq 66 5 Lm19,670
Mtarfa 119 4 Lm11,300
B'Kara 71 4 Lm12,347
Bormla 51 4 Lm11,100
Luqa 67 3 Lm 9,675
In-nefqa rikorrenti hi kollha mħallsa mill-Gvern.
Il-membri jħallsu bejn Lm1.00 u Lm2.50 fix-xahar skond in-numru ta' ġranet li l-anzjan/a jattendu.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li joħroġ is-sussidju mil-Housing Authority ta' mara separata li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament li kellha tikri post tal-privat wara li kienet ilha tistenna li d-diparitment ta' l-akkomodazjoni jagħtiha post alternativ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li, fi żmien qasir, l-Awtorita' tad-Djar ser tibgħat għall-persuna ndikata biex tiffirma l-kuntratt għas-sussidju fuq il-kera.
Jista' l-Ministru jara jekk il-pensjoni li qiegħed jirċievi anzjan hijiex żbaljata peress li jidher li hija baxxa ħafna u mill-arretrati ili ħa jidher li hemm xi żball? Jista' dan l-individwu li l-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament jiġi infurmat bit-talba tiegħu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li 'l-persuna minnu ndikata qiegħda titħallas kif suppost u skond l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali. Inżid ngħid illi l-istess persuna ġiet infurmata bil-miktub dwar dan.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta u f'liema ċirkostanzi anzjani jistgħu japplikaw għall-tnaqqis fir-rata tad-dawl u l-ilma kif wkoll ir-rata tat-telefons?
Fiż-żewġ każi kemm bżonn li l-anzjan jew anzjani jkollhom il-karta r-roża?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-Risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 14371.
Jista' l-Ministru jgħid kemm iddaħħlu CSA's matul dawn l-aħħar sentejn? Mill-liema vot qegħdin jitħalsu dawn?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn l-aħħar sentejn daħlu 246 CSAs. Dawn kienu mqassmin hekk:
1999 - 105
2000 - 78
2001 - 63
Dawn qegħdin jiġu mħallsin mil-vot tas-Servizz u Kura fid-Djar għall-Anzjani.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk l-ETC tistax' tiġġustifika s-seasonal pattern li permezz tiegħu il-labour supply jonqos fl-aħħar quarter tas-sena u jiżdied fl-ewwel quarter tas-sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Labour Supply naqas fl-aħħar quarter tas-sena minħabba t-tnaqqis fl-impiegi f'ċerti setturi partikolarment bħas-settur tat-turiżmu u tal-wholesale and retail. Iż-żieda fil-labour supply fl-ewwel xaharejn ta' din is-sena hija dovuta l-aktar għal żieda fl-impiegi fil-community and business u f'xi setturi oħra fil-manifattura.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm b'kollox impressed drivers? Kemm minnhom diġa ġew integrati fis-settur pubbliku? X'xogħol ingħataw? Meta mistennija jiġu integrati fis-settur pubbliku? X'xogħol ingħataw? Meta mistennija jiġu integrati l-oħrajn? Minn dawk kollha li kellhom xogħol ta' impressed drivers kullħadd aċċetta li jidħol mal-Gvern?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Prim Ministru.
Jista' l-Ministru jgħid x'reclassification execises saru fil-qasam tal-labour market f'dawn l-aħħar ħmistax-il xahar? X'kienu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 24666 ninfurmah li b'riżultat tar-reclassification exercises li saru f'dawn l-aħħar 15-il xahar, kien hemm sitta u għoxrin kumpanija li nbidel is-settur tagħha. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta' dawn il-kumpaniji.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inqatgħu mir-reġistrar f'dawn l-aħħar tliet xhur talli ma aċċettawx xogħol mal-kuntratturi? X'etajiet kellhom? Kemm minnhom kienu long term unemployed?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jista' l-Onor Interpellant jispeċifika għal liema settur ta' 'kuntratturi' qed jirreferi għaliha fil-Mistoqsija Parlamentari tiegħu?
Jista' l-Ministru jinvestiga dwar jekk hux il-każ li l-persuna li d-dettalji tagħha qegħdin jiġu mgħoddija separatament ikollha l-kera gravanti l-fond li hi tiddetjeni riveduta issa li miet żewġha?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'xogħol għamlet il-persuna li isimha qed jintbagħt separatament kemm dam konsulent tal-Ministeru tal-Politika Soċjali b'sena b'sena? Fejn kien l-uffiċju tiegħu? Kellu staff taħt is-superviżjoni tiegħu? Min kien dan l-istaff, bil-karigi?
Saret sejħa biex jintela' l-post ta' konsulent li ngħatat il-persuna imsemmija? X'kwalifiki kella l-persuna msemmija biex kienet impjegata bħala konsulent?
Jista' jgħid f'liema kumitati, bordijiet, konnessi mal-qasam tal-politika soċjali kienet membru l-persuna msemmija jirrappreżenta l-Ministeru tal-Politika Soċjali bejn l-1989 u l-1994?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li bejn Lulju 1989 u Diċembru 1994, il-persuna ndikata kienet responsabbli mill-introduzzjoni u żvilupp tal-komputeriżżazzjoni fil-Ministeru. L-uffiċċju tagħha kien fil-Ministeru u bħala konsulent ma kelliex impjegati taħt is-superviżjoni tagħha.
L-ingaġġ ta' konsulenti mhux suġġett għal sejħa għall-applikazzjonijiet. Il-persuna konċernata kellha diplomi fl-elettronika u taħriġ u esperjenza fil-kamp ta' l-informatika.
Ma jirriżultalix li din il-persuna kienet f'kumitati jew bordijiet konnessi mal-qasam tal-politika soċjali fil-perijodu ndikat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li immedjatament issir iż-żebgħa tal-flats, introduzzjoni ta' Intercom fil-flat ta' Triq il-Jum, Marsa. Fejn dan l-aħħar ġarab tluq?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li x-xogħol tat-tibjid tat-tromba tat-taraġ ser isir mill-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar fil-ġranet li ġejjin. Madanakollu l-intercom huwa r-responsabbilta' tar-residenti skond il-'policy' dwar it-tiswijiet.
Jista' l-Ministru jara li titwaħħal molla ta' bieb ta' barra ta' flat li l-partikularijiet tiegħu jidhru separatament min din il-mistoqsija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Għaddejt l-ilment ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa. Madanakollu nfakkru li xogħolijiet żgħar ta' manutenzjoni bħal bdil ta' bozoz maħruqa, ħġieg miksur jew serraturi f'postijiet komuni huma r-responsabbilta' ta' l-istess residenti skond il-policy approvata.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm fadal garages li ma ġewx mikrija jew mibjugħa fil-qasam tad-djar f'Ħal Farruġ li jiġu taħt l-appartamenti li nbnew f'dawn l-aħħar snin? Jista' jgħid x'sistema ntużat fil-għoti ta' dawn il-garages? Intużat is-sistema ta' preferenza għal dawk li huma residenti fl-appartamenti ta' fuqhom u madwar? Jekk le għaliex?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li fil-Qasam tad-Djar ta' Ħal-Farruġ, Ħal-Luqa, hemm 34 garage. Minn dawn 13 għadhom mhux mikrija jew mibjugħa. 11 il-garage huma mikrija lid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali u 10 oħra ġew mibjugħa. Dawn inbiegħu wara sejħa għall-offerti u ngħataw lil min offra l-aktar. Għalhekk mhux il-każ li tingħata xi preferenza lir-residenti ta' l-appartamenti ta' fuqhom jew madwarhom.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex fl-appartamenti 'l ġodda f'Ħal Farruġ u li nbnew mill-Gvern Nazzjonalista ma ġewx installati lifts ? Ħaseb il-Gvern għall-ispazju meħtieġ għall-installazzjoni tal-lifts f'każ li jkun dawn jiġu nstallati 'l quddiem?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li f'dawn l-appartamenti li nbnew fl-1995 ma kienux ġew stallati lifts u anqas tħalla spazju għal dan l-iskop. Jien infurmat ukoll li sa sitt snin ilu, jieġifieri meta dawn kienu ġew imfassla, kienet il-'policy' li fejn il-blokki jkunu ta' tlett sulari ma jsirx lift. Din il-politika nbidlet aktar tard meta fuq parir tal-Kummissjoni Persuni b'Diżabilita', bini ta' tlett sulari beda jsir bil-lifts ukoll. Meta aktar tard ittella sular ieħor fuq tnejn mill-blokki kien tard wisq biex dan il-lift jiġi inkluż fil-pjanta.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid min mill-ħaddiema ta' l-isptarijiet jew residenzi ta' l-anzjani, bħal St Vincent de Paule, għandhom dritt għal mediċi b'xejn?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellanti li l-ħaddiema fir-Residenza ta' San Vinċenz li jidhru hawn taħt huma intitolati għal mediċini b'xejn:
- In-nurses kollha;
- In-Nursing Aides/Health Assistants u Auxiliaries li fix-xogħol tagħhom għandhom kuntatt dirett mar-residenti;
- L-impjegati kollha li jaħdmu mal-Maintenance Section.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux il-ħsieb li wieħed mill-ħwienet li se joħroġ f'Ħal Farruġ jkun maħsub għal spiżerija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-Awtorita' tad-Djar qiegħda tipprepara t-tenders biex toħroġ għall-bejgħ il-ħwienet numru 1 u numru 3 fil-Qasam tad-Djar ta' Ħal-Farruġ, Ħal-Luqa. Dawn jinbiegħu lill-għola offerenti. L-Awtorita' ma ssibx oġġezzjoni jekk l-akkwirent japplika għall-permessi biex jiftaħ spiżerija.