Legislature:
Category:
Reset
Active:

Awtorita' tad-djar — Talba għal akkomodazzjoni alternattiva

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'tama hemm li anzjana li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li għandha aktar minn 80 sena li tgħix f'post, li apparti li huwa sub-standard mhuwiex addattat għall-ħtieġijiet tagħha, tiġi pprovduta post alternattiv peress li f'dan il-post jgħixu wkoll numru kbir ta' nies?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jien infurmata illi d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali qed jikkunsidra l-applikazzjoni ndikata flimkien ma' oħrajn simili.

Awtorita' tad-Djar — Talba għal akkomodazzjoni alternattiva

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'tama hemm li koppja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tiġi pprovduta post alternattiv? Tista' il-Ministru tgħid kemm għandhom punti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jien infurmata illi d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali qed jikkunsidra l-applikazzjoni ndikata flimkien ma' oħrajn simili. Jekk il-persuna ndikata tixtieq aktar informazzjoni tista tirrikorri fis-sezzjoni tal-Customer Care fi ħdan id-Dipartiment.

Ħal Tarxien — Ħwienet fi Triq id-Dejma

Question

Tista' il-Ministru tgħid jekk il-ħwienet li jinsabu fi Triq id-Dejma, Tarxien (kopja tal-pjanta qed tintbagħat separatament) humiex proprjeta' ta' l-Awtorita' tad-Djar? Jekk fl-affermattiv, meta se joħorġu għall-bejgħ jew għall-kiri?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-Awtorita' tad-Djar bniet tlett ħwienet fi Triq id-Dejma, Tarxien. Il-Ħanut numru 2 ġie mibjugħ b'tender waqt li t-tnejn l-oħra ser joħorġu għall-bejgħ, wieħed f'Awissu u l-ieħor f'Settembru ta' dis-sena.

Sigurta' Soċjali — Pensjoni mhux kontributorja

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'inhi l-inqas pensjoni mhux kontributorja li persuna tista' tirċievi? Tista' allura tinvestiga l-każ ta' persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li minkejja li ħadmet għal ħafna snin qed tirċievi l-inqas pensjoni? Tista' ukoll tara x'inhi r-raġuni kif is-snin li l-istess persuna għamlet taħdem fit-Tarzna fis-sittinijiet mhumiex recorded u allura mhux qed ikunu riflessi fil-pensjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali qed jinvestiga l-każ indikat mill-Onor. Interpellant u ser jinforma lill-persuna konċernata direttament bl-eżitu ta' din l-investigazzjoni.

Pensjonijiet

Question

Tista' l-Ministru tispjega għaliex il-pensjoni ta' persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament qed tinqata' parti minnha kull xahar u jekk huwa l-każ, kif ġie nfurmat, li huwa għandu jagħti lid-dipartiment, tista' l-Ministru tgħid x'inhu dak li huwa dovut bl-eżatt?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali nforma direttament bil-miktub dwar il-każ lill-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant.

Awtorita' tad-djar — Każ dwar post battal

Question

Tista' il-Ministru tindaga għaliex post tal-housingisfel li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li huwa battal qed jitħalla miftuħ bil-konsegwenza li hemm ħafna ħmieġ, ġrieden u annimali oħra ġo fih? Il-post diġa ġie rappurtat lis-sanita'.

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jien infurmata illi l-post indikat qiegħed biex titneħħa l-ordni ta' rekwiżizzjoni minn fuqu peress li hu kamra waħda f'kerrejja u mhux tajjeb biex jinkera.

Sigurta' Soċjali — Każ dwar relief

Question

Tista' il-Ministru tgħid għaliex il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, inqatgħulha xi flus mir-relief u dan għaliex id-dipartiment qed jgħid illi s-sena l-oħra t-tifel tagħha ħadem xi ftit u qala' madwar Lm800 f'sena waħda?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali nforma direttament lill-persuna konċernata bil-miktub dwar il-każ tagħha.

Ħal Għaxaq — Qasam Ħal Dmikki - Manutenzjoni fi Blokk A

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni illi l-partijiet komuni formanti Blokk A, Qasam Ħal Dmikki, Għaxaq ilha s-snin ma tiġi mantenuta meta blokok oħra viċin ġew ikkurati?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.

Awtorita' tad-Djar — Każ dwar kera

Question

Tista' il-Ministru tgħid għaliex il-kera residenzjali ta' l-inkwilin li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, ġiet riveduta u miżjuda minn Lm34 għal Lm51 fis-sena?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jien infurmata illi s-sussidju fuq il-kera tal-post indikat inħadem sewwa skond il-kuntratt iffirmat mill-inkwilin meta ngħata l-post.

Awtorita' tad-djar — Talba għal akkomodazzjoni alternattiva

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'tama hemm li ġenitur wieħed li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, jiġi pprovdut post alternattiv biex jipprova jrabbi t-tarbija tiegħu ta' erba' xhur f'ambjent diċenti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali qed jikkunsidra l-applikazzjoni tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant flimkien ma' applikazzjonijiet oħrajn simili. Ta' min jgħid li d-Dipartiment ma ġiex notifikat bit-twelid reċenti ta' tarbija.

Awtorita' tad-djar — Talba għal akkomodazzjoni alternattiva

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'tama hemm li persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li qegħda fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordina u li ftit taż-żmien ieħor tkun skontat is-sentenza, jinstabilha post fejn tgħix?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jien infurmata illi d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali qed jikkunsidra l-applikazzjoni ndikata flimkien ma' oħrajn simili.

Awtorita' tad-djar — Skema care & repair

Question

Tista' il-Ministru tgħid għaliex persuna anzjana ta' madwar 82 sena li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, ġiet imċaħħda milli tibbenefika mis-servizz care & repair ta' l-awtorita' tad-djar, għaliex l-awtorita' qed tissuġġerixxi lil din l-applikanta biex tapplika taħt skema 'W' (sussidju fuq xogħlijiet ta' irranġar u titjib f'residenzi)?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-ewwel parti tat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 6225 f'Seduta Nru. 145. Ninsab infurmata li waqt l-ispezzjoni li saret fuq il-post, it-tifel tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant, li kien preżenti, ddikjara li kien jippreferi li x-xogħolijiet isiru minn kuntrattur imqabbad minnhom taħt Skema W milli jistennew li x-xogħolijiet isiru minn kuntratturi wara l-ħruġ ta' tender taħt l-inizjattiva tal-care and repair.

Djar — Post tal-gvern fi stat perikoluż

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 5912, tista' il-Ministru tgħid x'passi ħa d-dipartiment tal-construction & maintenance (Bini u Tiswijiet tad-Djar) biex jitneħħa l-periklu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li d-Dipartiment tal-Bini u Tiswija tad-Djar għamel ix-xogħol meħtieġ biex jitneħħa l-periklu fil-post indikat mill-Onor. Interpellant.

Applikazzjoni għal skema ta' l-awtorita' tad-djar

Question

Tista' il-Ministru tgħid għaliex il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li applikat għal skema ta' l-Awtorita' tad-Djar u t-talba tagħha biex tibbenefika minn din l-iskema għadha ma ġietx milqugħa? X'qed iżomm lill-awtorita' milli toħroġ approval?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-Awtorita' tad-Djar ma għandha l-ebda file li jġib ir-referenza kkwotata mill-Onor. Interpellant.

Awtorita' tad-Djar — Każ dwar garage

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'wassal lill-Awtorita' tad-Djar biex tiddiskrimina ma' persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, biex ma tingħatax garage li għalih ġie offrut l-ogħla prezz? X'passi se tieħu l-awtorita' rigward din l-inġustizzja?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Waħda mill-kundizzjonijiet tat-tender għal bejgħ ta' garages mill-Awtorita' tad-Djar hi li jingħata d-dritt ta' l-ewwel rifjut lit-tenderer li tkun mill-istess lokal fejn ikun il-garage, sakemm dik il-persuna tħallas is-somma ta' l-għola offerta mitfuha. Ninsab infurmata li l-Awtorita' rċeviet żewġ offerti dwar il-garage li rrefera għalih l-Onor. Interpellant. It-tnejn kienu minn persuni li jgħixu fl-istess lokal, saħansitra fl-istess blokk ta' appartamenti. Peress li hu diffiċli jiġi stabbilit min mit-tenderers joqgħod l-aktar viċin tal-garage, u jkollu d-dritt ta' l-ewwel rifjut, l-Awtorita' ħasset li l-aktar mod ekwu biex tiddetermina min għandu dan id-dritt hu li ssir polza bejn iż-żewġ tenderers. Iż-żewġ tenderers ġew infurmati b'dan iżda l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant fetħet korrispondenza ma' l-Awtorita' permezz ta' l-Avukat tagħha dwar is-suġġett. Għal din ir-raġuni l-polza għadha ma saritx. Minn dan ma jirriżultax li l-Awtorita' għamlet xi diskriminazzjoni mal-persuna ndikata.

Revizjoni fil-pensjoni ta' dawk li jaqbżu is-sebgħin sena

Question

Tista' il-Minsitru tgħid jekk hemmx xi tip ta' reviżjonji fil-pensjoni għal dawk li jaqbżu s-70 sena? Jekk fl-affermattiv liema kategorija ta' ħaddiema huma eliġibbli?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Liġi dwar is-Sigurta' Soċjali tipprovdi li ssir reviżjoni tal-pensjoni kontributorja kull sena. Meta persuna li tilħaq l-eta' ta' 72 tkun tirċievi wkoll pensjoni tas-servizz li tkun ikkomutat parti minnha, ir-reviżjoni tkun tinkludi wkoll li 50 fil-mija ta' dik il-parti ikkomutata ma tiġix ikkalkulata aktar għal fini tal-pensjoni tas-Sigurta' Soċjali

Sigurta' Soċjali — Aġġustament tal-pensjoni

Question

Tista' il-Ministru tgħid meta se jsiru l-aġġustament fil-pensjoni u jingħataw l-arretrati lill-pensjonanti, ex ħaddiema tal-korporazzjoni Enemalta, u dan skond l-aħħar ftehim kollettiv iffirmat bejn il-unions u l-kumpannija? Jista' jara li ma jkunx hemm dewmien biex dan isir?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li bħalissa d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali għaddej bi proċess ta' reviżjonijiet ta' pensjonijiet b'riżultat ta' xi Ftehim Kollettiv ġdid ta' l-organizazzjonijiet li kienu mpjegati magħhom mill-pensjonanti. Dan l-eżerċizzju jinkludi wkoll ir-reviżjoni tal-pensjonijiet ta' l-ex impjegati tal-Korporazzjoni Enemalta. Ninsab infurmata wkoll li d-Dipartiment qed jagħmel dak kollu meħtieġ biex dan il-proċess jitlesta fl-anqas żmien possibbli.

Dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali — Talba għal akkomodazzjoni alternattiva

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'tama hemm li xebba omm b'206 punti li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tiġi allokata fond mid-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali qed jikkunsidra l-applikazzjoni mill-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant flimkien ma' oħrajn simili.

Awtorita' tad-Djar — Servizz care & repair

Question

Tista' il-Ministru tara li persuna anzjana li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tibbenefika mill-iskema/servizz care & repair ta' l-awtorita' tad-djar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li fil-25 ta' Ġunju 2004, l-Awtorita' tad-Djar għamlet spezzjoni tal-fond indikat u issa qed jitħejja r-rapport tekniku.