Korp tal-pulizija — Membri li qed isegwu korsijiet
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm membri fil-korp tal-pulizija li qed isegwu korsijiet l-Universita'? Tenendo kont l-ammont konsiderevoli ta' gradwati fil-liġi fl-istess korp, jaħseb li huwa opportun li fl-aħħar jiġi stabilit il-prosecuting unit li kien ġie propost?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm 9 membri sponsorjati mill-Korp tal-Pulizija li qed isgwu korsijiet full time l-Universita`. Ma` dawn hemm ukoll 25 Uffiċjal Kadetti li qed isegwu kors ta` sena, filwaqt li hemm ukoll 15-il membru ieħor tal-Korp li qed isegwu korsijiet part time.
Infurmat ukoll illi għalkemm il-Korp tal-Pulizija għandu 9 membri li huma gradwati fil-liġi (2 avukati, 5 prokuraturi legali u 2 nutara), hemm membru wieħed biss (prokuratur legali) li qiegħed għad-dispożizzjoni tal-Korp. Dan il-membru preżentement qed imexxi l-legal office tal-Korp, u minbarra li jagħti parir legali lill-kollegi tiegħu, qiegħed ukoll jassistihom fil-Qorti meta jkun hemm il-bżonn. L-oħrajn jew qed ikomplu bl-istudji tagħhom sabiex jiggradwaw bħal avukati, jew qed isegwu l-kors ta` Uffiċjali Kadetti. Wara li dawn ilestu l-istudji tagħhom, il-Korp tal-Pulizija jkun jista` jerga` jikkonsidra l-proposta dwar it-twaqqif tal-Prosecutions Unit.
Jista' il-Ministru jara jekk jistax jgħin lill-kunsill lokali tal-Marsa għar-rigward ta' l-uffiċini amministrattivi minħabba li għal diversi drabi l-kunsill ġie miżmum mill-MEPA milli jiżviluppa uffiċini ġodda li jkunu addattati għal persuni b'diżabilita' u għal anzjani u anke biex issir librerija pubblika fil-lokalita' peress li m'hemmx?
Response (BORG, TONIO)
Il-Gvern huwa lest, permezz tal-proċess ta` devoluzzjoni, igħin lill-Kunsilli Lokali biex jieħdu proprjeta` pubblika biex jamministrawha għal skopijiet ta` fejda fil-lokal skond u fil-mod stabbilit fid-domanda parlamentari nru. 2115.
Nistiednu għalhekk li l-Kunsill Lokali Marsa jsegwi din il-proċedura għall-skopijiet indikati mill-Onorevoli Interpellant.
Naturalment kull żvilupp irid ikun kopert mill-permessi kollha ta` l-awtoritajiet kompetenti.
Jista' il-Ministru jgħid meta beħsiebu jagħti wkoll l-awtorita' lill-Malta High Commissions u Ambaxxati ta' Malta biex dawn ikunu jistgħu joħorġu certificate of dual citizenship fl-istess waqt li joħorġu passaport Malti, sabiex iċ-ċittadini Maltin li ma joqogħdux Malta ma jkollhomx għalfejn jerġgħu jippreżentaw id-dokumenti kollha neċessarji jekk u meta jkollhom bżonn l-għajnuna tal-pulizija u entitajiet oħra f'Malta?
Response (BORG, TONIO)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 1526, inżid ngħidlu li m`hemmx il-ħsieb li l-awtorita` li qed jirreferi għaliha tiġi estiża lill-Ambaxxati jew Kummissjonijiet Għolja li hemm barra minn Malta.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ilha differita għas-sentenza l-kawża li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament? Jista' jgħid meta kien l-aħħar differiment u jgħid ukoll meta tressqet oriġinarjament il-persuna ndikata?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-kawża li d-dettalji tagħha ingħataw separatament, ilha differita għas-sentenza mit-23 ta` Marzu 1998.
Il-persuna indikata tressqet oriġinarjament fis-17 ta` April 1995 filwaqt li l-aħħar differiment ingħata fl-10 ta` Ottubru 2003 fejn il-kawża tħalliet għas-sentenza għad-9 ta` Diċembru 2003 fid-9.30am.
Jista’ il-Ministru jgħid jekk meta jkun hemm nuqqas ta’ qbil bejn l-aħwa, anke jekk tkun persuna waħda biss li mhux qed taqbel, u allura din tkun qed iżżomm il-bejgħ ta’ proprjeta`, jistax ix-share tagħha jitpoġġa l-Qorti? Jekk ir-risposta hija le, kif jidher li hu l-każ fil-preżent, jikkonsidra l-gvern li jagħmel tibdil f’dan is-sens?
Response (BORG, TONIO)
Kull koproprjetarju għandu d-dritt li jagħżel huwa kemm-il darba jbiegħx sehemu jew le. Għalhekk jekk ma jkunx hemm qbil wieħed irid jibda proċeduri legali sabiex jew tiġi maqsuma l-proprjeta` komuni inkella sabiex issir il-bejgħ in subbasta.
Proċedura li tieħu l-ħin tagħha u hija magħrufa li taf tkun komplikata. Għalhekk fl-abbozz numru 15 emendi għall-Kodiċi Ċivili Kap 16 preżentement fuq l-aġenda tal-kamra fil-klawsola sitta u erbgħin (46) qed tiġi proposta proċedura li tagħmel dawn il-każijiet anqas diffiċli sabiex jiġu riżolti.
Pulizija — Rapporti dwar traffikar ta' droga ħdejn id-detox centre
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' rapporti permezz ta' telefonati u/jew ittri li tressqu lill-pulizija fil-kwartieri ġenerali tad-Depot dwar traffikar ta' droga ħdejn id-detox centre ta' l-isptar San Luqa, inkluż traffikar li jsir saħansitra fl-4.00 a.m. u fil-5.00 a.m. tant li jirriżulta li hemm residenti fl-inħawi mwerwra minħabba dak li jaraw? Jista' jgħid x'passi ttieħdu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ma tinżammx statistika ta` telefonati u/jew ittri kif qed isemmi l-Onorevoli Interpellant. Pero` matul dawn l-aħħar xhur, il-Pulizija rċeviet xi lmenti minn familja li toqgħod fil-viċinanzi ta` l-isptar dwar persuni li jattendu d-Detox Centre liema persuni qegħdin spiss jinstabu bil-qegħda fuq l-għatba tal-bieb tagħhom u li allegatament juru mġieba mhux xierqa. Dwar dawn ir-rapporti l-Pulizija ħadet l-azzjoni meħtieġa billi ta` kuljum bejn is-sitta ta` filgħodu u s-sagħtejn ta` wara nofs inhar qed ikun hemm żewġ kuntistabbli bl-uniformi fil-viċinanzi tad-Detox Centre kif ukoll tal-ħanut tax-xorb li hemm fil-kantuniera ta` l-imsemmija pjazza. Barra dan qed ikun hemm ukoll membri tal-Pulizija pajżana mill-Iskwadra ta` kontra d-Droga f`ħinijiet differenti tal-ġurnata. Ta` min iżid illi tul dawn l-aħħar ġimgħat qed ikun hemm ukoll żewġ membri mit-Taqsima tal-Muturi sabiex ikun ikkontrollat aħjar it-traffiku ġewwa u fil-viċinanzi ta` l-isptar. Dan kollu barra ż-żewġ membri l-oħra tal-Korp li jkun hemm għassa ġewwa d-Dipartiment tal-Emerġenza ta` l-isptar.
Jista' il-Ministru jgħid x' inhu n-numru ta' immigranti li qed jinżammu mill-pulizija u mis-suldati li ilhom miżmuma aktar minn sena? Kemm hu n-numru ta' dawk li ilhom miżmuma aktar minn sentejn? X'inhuma r-raġunijiet prinċipali li dawn baqgħu jinżammu msakkrin? Kemm hemm li għadha ma ġietx stabbilita n-nazzjonalita' tagħhom? Kemm minn dawn huma taħt is-16-il sena? Kemm hemm trabi li twieldu waqt li ommijiethom kienu miżmuma hawn?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm 232 immigrant illegali fiċ-ċentri ta` akkomodazzjoni tal-Pulizija u l-Forzi Armati li ilhom aktar minn sena, filwaqt li minnhom, hemm 5 li ilhom aktar minn sentejn. Hemm numru minnhom li kellhom l-applikazzjoni rifjutata u qed jistennew li jiġu ripatrijati. Dan jista` jsir biss malli jiġu akkwistati d-dokumenti mill-pajjiżi konċernati. Hemm ukoll numru li qed jistenna l-eżitu tal-proċeduri quddiem il-Qorti Kostituzzjonali. Kollha kemm huma iddikjaraw nazzjonalita` imma l-verifika sseħħ biss meta jaslu d-dokumenti. Hemm 19 li skond id-dikjarazzjonijiet li għamlu mal-wasla tagħhom għandhom anqas minn 16-il sena, filwaqt li hemm ukoll 9 trabi li twieldu Malta.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm immigranti li kienu daħlu Malta illegalment u wara ċertu żmien ingħataw permess li jaħdmu anke temporanjament f'Malta? Kif jiġi deċiż lil min jingħata permess? X'inhu x-xogħol li qegħdin jagħmlu, jekk inhu l-każ?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Membru li immigranti illegali ma jingħatawx permess biex jaħdmu Malta.
Iżda dawk il-persuni li setgħu daħlu Malta b`mod illegali u sussegwentement jiġu rikonoxxuti bħala refuġjati jew persuni li għandha tingħatalhom protezzjoni, qed jingħataw permess biex jaħdmu Malta. Ix-xogħlijiet li jagħmlu dawn il-persuni huma diversi.
Jista' il-Ministru jgħid x'passi ħa d-dipartiment ta' l-artijiet dwar il-problema li għandu l-fond li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?
Response (BORG, TONIO)
Il-każ li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant huwa wieħed ta` leakage ta` ilma għal ġo proprjeta` residenzjali tal-Gvern. Ninsab infurmat li d-dipartiment responsabbli minn ħsarat fi proprjeta` residenzjali tal-Gvern huwa dak tal-Bini u Kostruzzjoni ta` Djar. Huwa għalhekk li fil-każ in kwistjoni t-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern kienet irreferiet l-ilment li kien hemm lil dan id-dipartiment li s`issa pero` ma rnexxielux isib minn fejn ġej dan il-leakage.
Jista' l-Ministru jgħid meta l-pulizija li jkunu għassa f'lokalitijaiet ta' divertiment bħalma huma Paceville u Wied il-Għajn jieħdu azzjoni jekk jaraw tfal żgħar ta' 13,14 u 15-il sena jiġġerrew mat-triqat tard fil-għaxija jew kmieni fil-għodu speċjalment jekk ikunu xurbana? Ma taqax taħt ir-responsabbilta' tal-pulizija li tara li tfal ta' din l-eta' ma jitħallewx f'dawn il-postijiet?
Response (BORG, TONIO)
Kif naħseb japprezza l-Onorevoli Interpellant filwaqt li huwa d-dover tal-ġenituri li jieħdu kura ta` uliedhom, id-dover tal-Pulizija huwa li tħares il-bon ordni pubbliku. Għaldaqstant sakemm il-minuri ma jkunux qed jikkommettu xi ksur ta` liġi, mhux il-kompitu tal-Pulizija li trażżan il-moviment tagħhom, sakemm ovvjament ma jkunx jidher li tali persuni jkollhom bżonn ta` assistenza.
Stabbilimenti bil-permess biex joperaw bħala recording studios
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn stabbilimenti li għandhom il-permess meħtieġ tal-pulizija u ta' l-awtorita' ta' l-ippjanar biex joperaw bħala recording studios? X'jisimhom u f'liema indirizzi għandhom il-permessi joperaw?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-liċenzji tan-negozju msemmija, m`għadhomx jinħarġu mill-Pulizija. Għaldaqstant, ġentilment nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.
Ħal Qormi — Triq l-Imdina - Vetturi mhux liċenzjati
Question
Jista' il-Ministru jara li l-pulizija tieħu ħsieb li tneħħi vetturi mhux liċenzjati u li jkunu jokkupaw spazju ta' parking għal xhur sħaħ u dan f'Imdina Road, Qormi quddiem il-housing estate ta' Pascarella?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi minn spezzjoni li għamlet il-Pulizija fil-post imsemmi mill-Onorevoli Interpellant, ma ġiet innotata ebda vettura li mhix liċenzjata.
Jista' il-Ministru jinvestiga l-qagħda fir-reġistri tal-qrati u dan: a) għar-rigward tal-qrati superjuri u dawk tal-maġistrati f'Malta fejn id-deputati jirrifjutaw li jgħaddu proċess meta mitluba u trid tinqeda minn massimu ta' żewġ messaġġiera bil-konsegwenza li trid tagħmel ħin twil tistenna; b) għar-rigward tal-cash fir-reġistri, jista' jispjega għalfejn hawn ma tinqedix jekk ma jkollokx flus eżatt għax bqija ma teżistix?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi m`huwiex kompitu tad-Deputat Reġistratur li jnewwel proċessi u huwa għalhekk illi fiż-żewġ Reġistri hemm b`kollox seba` messaġġiera - erbgħa fir-Reġistru tal-Qrati Superjuri u tlieta fir-Reġistru tal-Qrati tal-Maġistrati. Meta xi messaġġier f`xi Reġistru jkun assenti, id-Dipartiment tal-Qrati Ċivili jagħmel l-almu kollu sabiex jibgħat xi ħadd minfloku. Pero` fl-ebda ħin ma jkun hemm ir-Reġistru nieqes minn dak in-numru ta` messaġġiera li jassigura kontinwita fix-xogħol. Għandu jiġi apprezzat ukoll il-fatt li jkun hemm każi fejn ikun hemm ftit tad-dewmien, u dan huwa mistenni f`post fejn il-kwantita` ta` nies li jkunu jridu jinqdew ikun kbir, speċjalment filgħodu.
Dwar is-sitwazzjoni tal-'cash' ninsab infurmat illi l-kaxxiera fiż-żewġ Reġistri jkollhom, ta` kuljum, 'float' sabiex jagħtu l-bqija.
Jista' il-Ministru jgħid fiex waslet l-applikazzjoni bil-file no: T2038/97 (plot 9 Ta' Pizzuta, Żejtun) għall-fidi ta' ċens? Id-dettalji tal-persuna qed jintbagħtu separatament.
Response (BORG, TONIO)
Jien infurmat li, wara li l-applikant in kwistjoni aċċetta s-somma għal fidi taċ-ċens impost fuq Plot 9, Ta` Pizzuta, Żejtun, tkomplew il-proċeduri sabiex jiġi finalizzat il-fidi u issa l-Uffiċċju Konġunt jinsab f`pożizzjoni li jiffirma l-kuntratt fi żmien xahrejn.
Jista' l-Ministru jgħid mill-1 ta' Jannar 2003 kemm inqabdu nies jikkaċċjaw f'postijiet riservati fejn ma tistax issir kaċċa fihom? Jista' jgħid ukoll kemm kienu dawk li ma kellhomx liċenzja għas-senter u b'hekk ma setgħux jikkaċċjaw? F' liema postijiet inqabdu? F'kull każ ittieħdet l-arma? F'kull każ ittieħdu passi bil-qorti? Kemm minn dawk li nqabdu kienu taħt it-tmintax-il sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Ottubru 2003, kien hemm sitt persuni, kollha l`fuq minn tmintax-il sena, li nqabdu għal kaċċa f`postijiet fejn il-kaċċa mhix permessa. Ħadd minn dawn ma irriżulta li ma kellux liċenzja sabiex ikun jista` jġorr arma tan-nar għal skop ta` kaċċa. Il-lokalitajiet fejn dawn inqabdu kienu Raħal Ġdid, Buskett, Marsaxlokk u Salini. Inbdew proċeduri quddiem il-Qorti kontra dawn is-sitt persuni, filwaqt li s-snieter ġew sekwestrati mill-Pulizija.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew proposti bye-laws mill-kunsilli lokali mit-twaqqif tagħhom sal-lum? Kemm minnhom ġew aċċettati? Jista' jagħti dan ir-rendikont sena b'sena u kunsill b'kunsill?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni li qed jitlob għad trid tinġabar u għalhekk tingħata tweġiba f`xi seduta oħra.
Jogħġbu l-Ministru jitfa' dawl fuq jekk Malta hijiex jew le eliġibbli għal xi għajnuna finanzjarja mill-Unjoni Ewropea tramite xi fond partikolari biex itaffi xi spejjeż tad-detenzjoni ta' l-immigranti llegali f'Malta? Jekk iva, saret xi talba f'dan is-sens?
Response (BORG, TONIO)
Għalkemm s`issa għad m`hemmx fondi mill-Unjoni Ewropea biex jittaffew l-ispejjeż għad-detenzjoni ta` l-immigranti illegali, jidher li hemm diskussjonijiet interni fl-Ewropa fuq dan il-punt.
Barra minn hekk, Malta diġa` ressqet it-talba tagħha għall-fondi mill-Fond Ewropew għar-Refuġjati biex ittaffi l-ispejjeż ta` persuni vulnerabbli, bħal tfal minorenni li jinsabu waħedhom kif ukoll ta` persuni li qegħdin diġa`a` jgawdu stat ta` refuġjat jew umanitarju taħt il-misura ta` integrazzjoni.
Tas-Sliema — Kumitat konġunt - ħlas ta' ċitazzjonijiet
Question
Jista' il-Ministru jinformani kemm ħarġu ittri bl-avukat li jitolbu ħlasijiet ta' ċitazzjonijiet għan-nom tal-kumitat konġunt ta' Tas-Sliema?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Kumitat Konġunt ta` Tas-Sliema ħareġ 6,081 ittra bl-avukat li jitolbu ħlasijiet ta` ċitazzjonijiet li ingħataw matul il-perijodu mill-1 ta` Marzu 2000 sal-31 ta` Ottubru 2002 u għadhom ma tħallsux.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm priġunieri fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin? Kemm għandhom eta' u minn liema pajjiż ġejjin?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fis-17 ta` Novembru 2003 in-numru ta` priġunieri fil-Faċilita` Korrettiva ta` Kordin kien ta` 265. It-tagħrif mitlub dwarhom hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.