Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari nru. 26967?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-Kumpless Sportiv tal-Marsa tad-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport, bħalissa hemm tmien persuni li qegħdin jittieħdu passi kriminali mill-pulizija kontrihom.
F'kull każ kienu ttieħdu passi dixxiplinari kontra dawn l-individwi skond il-proċeduri taċ-Ċivil. Fuq il-parir ta' l-Avukat Ġenerali tittieħed azzjoni kriminali kontra dawn il-ħaddiema.
Fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni hemm disa' persuni li qed jittieħdu passi kriminali mill-pulizija kontrihom. Fil-każijiet kollha, il-proċeduri kriminali mbdew mill-pulizija.
Fid-Dipartiment tal-Mużewijiet, bħalissa hemm tlitt ħaddiema li qegħdin jittieħdu passi kriminali kontrihom.
Fil-każ imsemmi, l-passi kriminali bdew mill-pulizija wara li dawn għamlu investigazzjonijiet indipendenti mid-Dipartiment.
Kif jitolbu l-Proċeduri tad-Dixxiplina (1999) tal-PSC ebda azzjoni dixxiplinarja ma tkun tista' tittieħed mid-Diviżjoni sakemm jiġi konkluż il-każ quddiem il-Qorti. Wara l-konklużjoni tal-każ, kopja tas-sentenza tintbgħat lill-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku għal konsiderazzjoni tagħha u għal xi rakkomandazzjonijiet li tkun tixtieq tagħmel.
Jista' l-istudenta li isimha qed jintbagħat separatament tingħata ċ-ċertifikat tal-ewwel sena fl-iskola Fra Diego Bonanno, Marsa kif ingħataw studenti oħra li temmew l-ewwel sena?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li minn stħarriġ li sar fl-iskola ma jidhirx li qatt ingħataw ċertifikati lil studenti meta temmew l-ewwel sena.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienu r-raġunijiet li għalihom il-persuna li d-dettalji qed jintbagħtu separatament ma ġietx magħżula għall-post ta' supply kindergarden assitant minkejja l-kwalifika li għandha?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub qed jinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm jirriżulta li kellna studenti sekondarji matul din is-sena skolastika li qatt ma attendew skola sekondarja ġenerali tal-gvern jew junior lyceum kif suppost? F'liema skejjel?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li l-informazzjoni mitluba trid tinġabar mill-iskejjel, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jispjega l-fatt li fl-iskola privata, li isimha qed jintbagħat separatament, qed jiġi mgħallem l-Istorja ta' Malta bl-Ingliż peress li l-għalliem in kwestjoni ma jafx bil-Malti? Jista' jgħid jekk dan l-għalliem li jgħallem it-tfal tal-Form III u l-Form IV fit-taqsima sekondarja għandux il-permess li jgħallem dan is-suġġett? Jista' l-Ministru jgħid jekk kellux ilmenti dwar dan?
Response (GALEA, LOUIS)
Filwaqt li nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba għal Mistoqsija numru 22899, tlabt lid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni tassigura li l-iskola konċernata tottempora ruħha mal-permessi maħruġa.
Jista' l-Ministru jgħid x'tibdil se jsir fit-tmexxija u l-organizzazzjoni tal-skolasport? Min qed jaħdem fuq dan il-pjan?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-programm ta' Skolsport joffri tagħlim fi 3 skemi li huma:
1. Il-Fondazzjoni għat-tfal bejn il-5 u 7 snin
2. Il-Parteċipazzjoni għat-tfal bejn it-8 u l-10 snin
3. Performance għat-tfal bejn il-11 u 16-il sena.
It-tfal li japplikaw għall-Programmi tal-Fondazzjoni u l-Parteċipazzjoni ser ikunu segwiti minn għalliema ta' l-Edukazzjoni Fiżika filwaqt li t-tfal li japplikaw għall-program ta' Performance ikunu mgħallma minn coaches kwalifikati fil-qasam sportiv tagħhom u rakkomandati mill-Assoċjazzjoni Sportiva relevanti.
L-għalliema ta' l-ewwel 2 programmi ser ikollhom programm skematiku dettaljat fil-ġinnastika edukattiva, fl-għawm u fl-atletika, jew aħjar attivita` motorja filwaqt li l-coaches tal-Programm ta' Performance għandhom skema mħejjija mill-Assoċjazzjoni Sportiva tagħhom. Barra minn hekk it-tfal ta' bejn it-8 u l-10 snin ser ikollhom il-possibilita` li jipparteċipaw f'kull tip ta' sport ieħor offrut minn Skolasport.
Dan il-pjan ġie mfassal minn uffiċjali tad-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport.
Jista' l-Ministru jgħid b'referenza għall-mistoqsija numru 27044, jista' l-Ministru jikkunsidra li jbiddel il-prassi u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-minuti tal-board tal-manteniment lill-istudenti minħabba li dak li suppost ġie u qed jiġu diskuss huwa ta' nteress l-aktar għall-istudenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Ma jidhirlix li għandi nbiddel il-prassi wisq aktar meta l-istudenti għandhom ir-rappreżentanti tagħhom fuq il-Bord.
Jista' l-Ministru jgħid kif tifel li jagħlaq it-tlett snin fl-ewwel jiem ta' Ottubru 2001 mhux se jidħol fil-kindergarten f'Ottubru iżda se jdaħħluh f'Jannar 2002?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tfal jidħlu l-iskola b'dan il-mod:
* Li twieldu minn l-ewwel ta' Jannar sa 30 ta' Settembru 1998 jidħlu f'Ottubru 2001.
* Li twieldu minn l-ewwel ta' Ottubru sal-31 ta' Diċembru 1998 jidħlu f'Jannar 2002.
* Li twieldu mill-ewwel ta' Jannar sal-31 ta' Marzu 1999 jidħlu f'April 2002.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru bookings u eventwalment inħarġu biljetti għas-safar għal ministeru u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mit-22 ta' Ġunju 1999 sal-lum?
Jista' l-Ministru jgħid separatament:
(1) għand liema aġenziji saru dawn il-bookings u mingħand liema aġenziji nxtraw il-biljetti ta' l-ajru;
(2) kull aġenzija kemm tħallset għal dawn il-biljetti;
(3) għal liema destinazzjonijiet inħarġu dawn il-biljetti?
(PQ waslet 6/6/2001)
Response (GALEA, LOUIS)
Jien m'iniex sodisfatt li l-utilita` ta' l-informazzjoni dettaljata mitluba fil-mistoqsija Nru 26814 tiġġustifika li nordna li din għandha tinġabar.
Għalhekk sakemm ma ningħatax raġuni 'l għala qed tintalab, ma nara ebda skop li l-informazzjoni tinġabar.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 26291, jista' l-Ministru jgħid kemm telgħu impjegati tad-dipartiment tal-mużewijiet ma' l-esebizzjoni u min kienu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-impjegati tad-Dipartiment tal-Mużewijiet li kienu involuti fit-twettiq ta' l-esebizzjoni ġewwa San Marino kienu kif ġej:
Armar ta' l-esebizzjoni:- 14-20 ta' Mejju 2001
Pierre Bonello - Responsabbli mill-esebizzjoni f'isem id-Dipartiment tal-
Mużewijiet u mid-disinn ta' l-esebizzjoni inkluż l-armar tagħha.
Michael Spiteri - Għajnuna għall-armar ta' l-esebizzjoni.
14 ta' Mejju - Vjaġġar Malta-Ruma-San Marino u superviżjoni fuq ir-runway.
15 ta' Mejju - Spakkjar, dwana u verifika li l-materjal ma sostniex danni.
16-18 ta' Mejju - Armar ta' l-esebizzjoni u superviżjoni tad-dawl.
17 ta' Mejju - Amministrazzjoni ma' l-awtoritajiet lokali.
19 ta' Mejju - Ftuħ għall-pubbliku ta' l-esebizzjoni u superviżjoni.
20 ta' Mejju - Vjaġġar San Marino-Ruma-Malta.
Żarmar ta' l-esebizzjoni:- 15-19 ta' Lulju 2001
Pierre Bonello - Responsabbli mill-esebizzjoni f'isem id-Dipartiment tal-
Mużewijiet u mid-disinn ta' l-esebizzjoni inkluż iż-żarmar tagħha.
Mario Coleiro - Għajnuna għaż-żarmar ta' l-esebizzjoni.
15 ta' Lulju - Vjaġġar Malta-Ruma-San Marino
16-17 ta' Lulju - Dwana, spezzjoni mill-Belle Arti, żarmar ta' l-esebizzjoni, pakkjar
ta' l-oġġetti arkeoloġiċi.
18 ta' Lulju - Pakkjar tal-panelli, siġillar tal-kaxxi, vjaġġar San Marino-Ruma u
dwana ġewwa Fiumicino.
19 ta' Lulju - Superviżjoni fuq ir-runway u vjaġġar Ruma-Malta.
It-tlett ħaddiema involuti huma uffiċjali tal-Mużew ta' l-Arkeoloġija, ta' esperjenza fuq dan it-tip ta' xogħol u fuq l-immaniġjar ta' l-oġġetti arkeoloġiċi.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari nru. 26963?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li biex sar ix-xogħol għall-manutenzjoni fuq l-olympic diving stand saru tlett sejħiet għal offerti.
Alterazzjonijiet strutturali ta' l-Olympic Diving Stand:
Kien hemm offerta waħda. Din l-offerta ma setgħetx tiġi aċċettata għaliex kienet 38% ogħla mill-istima tad-Dipartiment u anke wara li ġiet riveduta fuq talba tal-Bord baqgħet 33% ogħla mill-istima. Għalhekk il-Kumpanija Kalaxlokk ġiet mitluba jagħmlu offerta għal dan ix-xogħol. Din l-offerta kienet tammonta għal Lm3468.40 u ġiet aċċettata wara li nkisbet l-approvazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi.
Refurbishment ta' l-Olympic Diving Stand:
Għal din is-sejħa kien hemm żewġ offerti u intgħażlet dik ta' Kalaxlokk Co. Ltd għall-ammont totali ta' Lm1357. L-offerta l-oħra kienet ta' Bayswater Engineering Co. Ltd u kienet tammonta għal Lm2332.
Xiri u Stallazzjoni ta' Diving Boards:
Kien hemm żewġ offerti minn għand M. Malmsten AB li kienet tammonta għal Lm17,674 u A. Flister Ltd. li kienet tammonta għal Lm18,113. Ġiet aċċettata l-orħos offerta ta' M. Malmsten AB. Il-prezz jinkludi 6% dazju.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kellna studenti fl-aħħar sena tal-primarja fl-iskejjel tal-gvern f'Malta u f'Għawdex, kemm bniet u kemm subien?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' studenti fl-aħħar sena tal-primarja (Year 6) fl-iskejjel tal-Gvern f'Malta u f'Għawdex fis-sena skolastika 2000/2001 kien:
Bniet Subien Total
Malta 1667 1965 3632
Għawdex 153 151 304
Total 1820 2116 3936
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 26296 li oriġinarjament saret lil-Ministru tal-Finanzi u cioe wara d-diskussjonijiet mal-ministeru ta' l-edukazzjoni dwar l-għajnuna mwiegħda lill-ġenituri li jibgħatu t-tfal fl-iskejjel privati, jista' jgħid itteħditx deċiżjoni dwar kif se jsir issa li s-sena skolastika waslet biex tispiċċa? X'inhu n-numru ta' ġenituri li mistennija jibbenefikaw mill-għajnuna mwiegħda?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 26475 f'Seduta 555 ta' l-istess Onor. Membru.
Matul din is-sena skolastika, jista' l-Minstru jgħid kemm kien hemm każi rrapportati ta' teħid ta' droga minn studenti subien jew bniet fl-iskejjel Maltin? X'passi ttieħdu? X'tip ta' droga kienet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ma kellha ebda rapporti ta' każi ta' teħid ta' droga minn studenti subien jew bniet fl-iskejjel Maltin.
B'riferenza għar-rapport li ġie mxandar f'"l-orizzont" fit-30 ta' Mejju u ffirmat mill-ġurnalista John Pisani, fejn intqal illi ġurnalisti "daħlu f'għadd ta' skejjel bla xkiel ta' xejn" jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu mid-dipartiment biex tissaħħaħ is-sigurta' fl-iskejjel fl-interess tat-tfal u ta' l-għalliema?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li kull skola qed tieħu u tibqa' tieħu l-miżuri neċessarji biex tiżgura li fl-interess tat-tfal u ta' l-għalliema u ta' kull min jaħdem hemm tkun post edukattiv b'sigurta`.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 25381, jista' l-Ministru jagħti lill-Kamra d-dettalji mitluba peress li l-informazzjoni mitluba: (1) tikkonċerna nfiq pubbliku; (2) biex il-Kamra tkun informata, kif wara kollox huwa d-dover tal-gvern li jonforma, dwar il-pożizzjoni tal-kontijiet finanzjarji ta' l-entitajiet governattivi; (3) biex il-Kamra tkun assigurata li l-proċeduri wżati u li qed jintużaw fi ħlasijiet u f'kontijiet pendenti huma korretti u fl-ambitu tar-regolamenti?
Ma jaħsibx il-Ministru li bl-informazzjoni mitluba jkun qiegħed jikkonferma bil-fatti li jemmen fi trasparenza u amministrazzjoni bla ħabi u bla abbuż?
Fin-nuqqas li tingħata din l-informazzjoni, jista' jagħti raġuni għala mhijiex tingħata meta din hija informazzjoni importanti u tikkonċerna infiq pubbliku u għaldaqstant għandu dritt għaliha?
(PQ waslet 30/5/2001)
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor Membru għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 25812.
Għalkemm is-suġġett taż-żewġ mistoqsijiet huwa differenti, il-parametri huma simili u l-istess stedina f'dik it-tweġiba tgħodd ukoll għal din.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 26961, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-minuti kollha minn kemm ilu jiltaqa' l-board tal-Manteniment lill-Istudenti
Response (GALEA, LOUIS)
Mhix il-prattika li l-minuti ta' bordijiet tal-Gvern jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.