Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn inħarġet tender għad-dawl tal-fortifikazzjonijiet tal-Birgu (72039/2013) meta diġà kienet ħarġet tender oħra simili CT118/2009 li qatt ma ġiet aġġudikata? Ma jaħsibx li peress li din it-tender inħarġet darbtejn dawk li diġà tefgħu offerta se jiġu ddiskriminati għax il-prezz tagħhom hu diġà magħruf? Jaħseb il-Ministru li tal-inqas din id-darba t-tender tinħareġ għal dawk li kienu ġew shortlisted fl-ewwel ħarġa tat-tender?
Response (VELLA, KARMENU)
Is-sejħa CT2116/2009, Contract Notice 118/2009 kienet Request for Information - Lighting Installation for Birgu u kif kien hemm speċifikat fl-Executive Summary ta` din l-istess sejħa l-iskop kien ta` riċerka dwar sistemi tad-dawl li hawn fis-suq.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol ta’ restawr fuq il-bieb prinċipali tal-Forti Sant’Anġlu? Jista’ jgħid fiex wasal il-proġett iffinanzjat minn fondi Ewropej għal din il-forti storika?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat li x-xogħol ta’ restawr fuq il-bieb prinċipali u r-rampa ta’ barra ta’ Forti Sant Anġlu huwa lest. Bħalissa għaddej ukoll b’ritmu tajjeb ix-xogħol ta’restawr fuq is-sally port li jwassal għall-Batterija De Guiral.
Ix-xogħol li qiegħed jiġi iffinanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali inbeda wkoll. Matul ix-xahar ta’ Ġunju għalqu l-investigazzjonijiet arkeoloġici li kienu ppjanati qabel ma jinbeda x-xogħol ta’ infrastruttura. Fil-preżent għad iridu jiġu awarded iż-żewġ kuntratti li jwasslu għar-restawr u l-finishing tal-partijiet tal-forti li jaqgħu taħt Heritage Malta. It-tender tar-restawr waqa lura minħabba appelli li saru minn wieħed mill-kuntratturi, waqt li l-proċess tat-tender tal-finishing jinsab fl-aħħar fażi tiegħu.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħata xogħol ta’ konsulenza mill-Ministeru tiegħu jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu fid-dekasteru tiegħu lill-individwu li ismu qed jintbagħat separatament, mis-sena 2000 sal-lum? Jista’ jgħid dwar xiex kien dan ix-xogħol, jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender u kemm kienet l-ispiża f’kull każ?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onoroveli Interpellant li fil-perjodu imsemmi, l-individwu in kwistjoni ma ngħata l-ebda xogħol ta’ konsulenza.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' direct orders li ngħataw minn kull wieħed mill-kunsilli lokali tat-12-il distrett elettorali matul l-aħħar sitt xhur? Kemm kien il-valur ta' kull waħda minn dawn id-direct orders u lil min ngħataw? X'tip ta' xogħol kien involut f'dawn id-direct orders?
Response (VELLA, KARMENU)
Qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba, skont kif miġbura mingħand il-kunsilli lokali rispettivi, fuq il-Mejda tal-Kamra.
Kunsilli Lokali — użu bħala uffiċċji tal-customer care
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 321, jista’ l-Ministru jgħid x’talbiet saru lid-Direttur tal-Kunsilli lokali minn Marzu 2013 sal-lum biex kunsilli lokali jintużaw bħala cutomer care offices minn Ministri u/jew Segretarji Parlamentari? Jista’ jispeċifika minn min saru u għal liema kunsilli lokali?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat li d-Direttur għall-Gvern Lokali rċieva talba waħda mingħand il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Għaxaq. Din it-talba ġiet irtirata mill-istess Kunsill Lokali.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2632 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u li issa ġiet riferuta lilu u jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta’ studenti li jattendu korsijiet f’xi dixxiplina marbuta mat-turiżmu fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS)? Liema korsijiet qed jattendu, u minn liema lokalitajiet ġejjin?
Response (VELLA, KARMENU)
Qiegħed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' persuni li qed jagħtu xi forma ta' servizz lil kull wieħed mill-kunsilli lokali tad-9 u t-12-il distrett elettorali, kemm fl-uffiċċju kif ukoll barra mill-uffiċċju?
Response (VELLA, KARMENU)
L-Onorevoli Interpellant jifhem u japprezza li l-Kunsilli Lokali huma fornuti b’varjetà sħiħa ta’ servizzi differenti minn bosta persuni. Għaldaqstant ikun aħjar jekk jispeċifika aħjar x’tip ta’ servizzi qiegħed jirreferi għalihom.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-kumpaniji, li d-dettalji tagħhom qed jingħataw separatament, għandhomx kuntratti mal-Ministeru, inkluż entitajiet kollha li jaqgħu taħtu? Jekk iva, jista' jgħid x'tip ta' kuntratti għandhom? Jista' jgħid meta daħal fis-seħħ dan il-kuntratt u sakemm se jibqa' fis-seħħ? Jista' jgħid kemm huwa l-valur ta' kull kuntratt?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat li Heritage Malta tigi pprovduta servizzi ta’ ‘Cash-in-transit’ mit-tieni kumpanija f’Malta u mit-tielet kumpanija f’ Ghawdex.
Il-kuntratt mat-tielet kumpanija beda fl-14 ta’ Novembru 2008, sabiex jipporvdi ‘cash-in-transit’ services minn erbgħa (4) siti f’Għawdex, li aktar tard fid-9 ta’ Ottubru 2009 żdiedu għal total ta’ sitta (6) fuq perjodu indefinit. Il-kuntratt ikopri fih kull traġitt li jiswa minn €11.85 sa massimu ta’ €10,000 fis-sena, VAT mhux inkluza. (Ċirka 17-il traġitt fix-xahar).
Din ir-rata giet riveduta f’Lulju 2012 ghal €18.25, VAT mhux inkluza, għal kull traġitt. Dan is-servizz sewa b’kollox €3,875, VAT mhux inkluza.
Is-servizz tat-tieni kumpanija ghal ‘Cash-in-transit’ beda mid-Dipartiment tal-Mużewijiet (MUS525/2000) fit-28 ta’ Mejju 2001. Dan it-tender jinkludi ‘collection of entrance fees’ bir-rata ta’ €6.71 għal kull traġitt, liema rata ġiet riveduta fl-2009 ghal €6.40, VAT Eskluza. Dan is-servizz illum għadu jingħata, għal erbatax-il sit f’Malta (cirka 134 tragitt fix-xahar), bir-rata ta’ €15.00, VAT eskluża għal kull traġitt, liema rata għoliet minn Lulju 2012, minħabba l-istess ragunijiet hawn fuq imsemmija, għal total ta’ €17,450 (excl VAT) fl-2012.
Is-servizz komprensiv ghal ‘cash-in-transit’ fis-siti kollha ta’ Heritage Malta f’Malta u Għawdex huwa parti minn tender li Heritage Malta ħarget fil-31 ta’ Lulju 2012 (CT2085/12 - Provision of security services and cash in transit), liema tender għadu ma ġiex aġġudikat minħabba li qiegħed fi stadju t’appell.
Filfrattemp l-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu għandha kuntratt mat-tielet kumpanija
għal għaxar xhur (10), għas-sigurta’ tal-proġett tal-Ġnien ta’ Pembroke. Dan il-kuntratt daħal fis-seħħ f’Novembru 2012 u għandu valur ta €467.28 fix-xahar.
L-Air Malta tagħmel użu ad hoc mis-servizzi tat-tielet kumpanija għall-prezz ta’ € 181.70 fil-gimgħa.
Il-kumplament tal-entitajiet fi’ ħdan il-Ministeru tat-Turiżmu ma jgħamlux użu mis-servizzi tal-kumpaniji imsemmija.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu ppjanat li jidħlu cruise liners f'Għawdex fil-perijodu tas-sajf, ċjoè minn Ġunju 2013 sa Settembru 2013? Dan in-numru kif jikkompara mal-istess perijodu tas-sena li għaddiet (2012)? Kemm hi l-mira tal-Gvern ta' turisti li jaslu fuq cruise liners f'Għawdex matul is-sena sħiħa 2013, u din kif tikkompara ma’ dik tas-sena 2012?
Response (VELLA, KARMENU)
Jekk it-temp jippermetti huma ppjanati li jidħlu Għawdex 9 cruise liners fil-perijodu Gunju 2013 sa Settembru 2013. Dan huwa l-istess numru li kellna fl-2012.
Dan għandu jammonta għal 1492 passiġier.
Tul is-sena 2012 kien hemm 14-il cruise liner li daħlu Għawdex u dawn kienu qed iġorru total ta’ 3,539 passiggier. Fl-2013 huwa ppjanat li jkollna 16 – il cruise liner li hu stmat li ser iġorru total ta’ 4,225 passiggier, jiġifieri żieda ta’ 686 passiggier fuq 2012.
Sfortunatament minħabba temp ħazin, nhar il-22 ta’ Marzu 2013, il-cruise liner Black Watch, bi 807 passiġġieri, ma rnexxielux jankra l-Imġarr.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħata xogħol ta’ konsulenza mill-Ministeru tiegħu jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu fid-dekasteru tiegħu lill-individwu li ismu qed jintbagħat separatament, mill-1999 sal-lum? Jista’ jgħid dwar xiex kien dan ix-xogħol, jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender u kemm kienet l-ispiża f’kull każ?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onoroveli Interpellant li fil-perjodu imsemmi, l-individwu in kwistjoni ngħata xogħol ta’ konsulenza legali mill-kumpanija Malta Air Traffic Services Limited, preċizament fi Frar ta’ din is-sena (2013). Infurmat li dan ix-xogħol ta’ konsulenza legali ingħata permezz ta’ Direct Order u ma kien hemm l-ebda kuntratt formali bejn iż-żewġ partijiet.
Infurmat ukoll li l-proċess t’arbitragg għadu għaddej u għaldaqstant sal-lum għadu ma sar l-ebda ħlas rigward din il-konsulenza. Fil-prassi normali kull każ jittieħed individwalment hu ma hemmx rata ta’ ħlas stabbilita’.
Jista’ l-Ministru jagħti breakdown ta' kemm intefqu mill-fondi pubbliċi biex isir rinovar fil-Ministeru tiegħu minn Marzu 2013 ’l hawn? Jista’ fil-breakdown jinkludi l-uffiċċju tiegħu, kif ukoll tal-istaff tiegħu u konsulenti rispettivi. Jista’ fis-somma jinkludi l-ispejjeż fuq l-għamara kollha tal-uffiċċji, kompjuters u n-nefqa biex dawn jitwaħħlu mas-sistemi neċessarji kif ukoll l-ispiża fuq stationery? Jista’ għal kull item/servizz jgħid kif dan ġie mixtri/inġaġġat, jekk hux permezz ta’ direct order, quotations jew tender?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jgħid hemmx pjanijiet li jkun hawn titjira diretta tal-ajru minn Malta għal Ġinevra, fl-Iżvizzera, peress li bosta Malti jżuru din il-belt minħabba l-uffiċċji importanti li jinsabu fiha?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Air Malta fil-fatt ittir dirett bejn Malta u Ġinevra darba fil-ġimgħa kull nhar ta’ Sibt bejn April u Ottubru. Għalissa m’hemmx ħsieb li ttir għal din il-belt anki fix-xitwa.
Pero’ l-Air Malta ittir ukoll bejn Malta u Zurich kuljum fis-sajf u ħames darbiet fil-ġimgħa fix-xitwa.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta’ persuni li qed jirreġistraw li ġew attached (jew sekondati) mal-kunsilli lokali, lokalità b’lokalità? Jista’ jagħti tagħrif dwar f’liema kunsilli lokali, lokal b’lokal marru dawn il-ħaddiema u kemm kienu f’kull każ? Jista’ jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm impjegati tal-Gvern li ġew sekondati mal-kunsilli lokali matul l-aħħar sitt xhur? Jekk iva, kemm kienu u fejn intbagħtu, lokal b’lokal?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat li bħalissa hemm 193 persuna li qed jirreġistraw għax-xogħol mal-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ, l-ETC, u li ġew assenjati xi xogħol ma’ Kunsilli Lokali. Qed inpoġġi d-dettalji miltuba fuq il-Mejda tal-Kamra. Intant infurmat ukoll li matul dawn l-aħħar sitt xhur, mill-ewwel (1) ta’ Jannar 2013 sallum, ma kienx hemm ufficcjali pubbliċi li kienu deployed ma’ Kunsilli Lokali.
Jista’ l-Ministru jgħid x’għajnuna konkreta bi ħsiebu l-Gvern joffri lil dawk il-parteċipanti fl-isfilata tal-Karnival li reċentement sofrew danni kbar fl-imħażen tagħhom minħabba fit-traġedja li sofrew l-istess parteċipanti u dilettanti tal-Karnival?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat li s-Segretarjat Parlamentari qiegħed fil-proċess li jsib post alternattiv biex il-parteċipanti u dilettanti li soffrew danni fl-imħazen tagħhom ikollhom post alternattiv minn fejn jaħdmu.
Peress li f'diversi lokalitajiet f’Għawdex u f’Malta hemm ġonna pubbliċi u playing fields li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-kunsilli lokali u peress li ħafna minnhom ma għandhomx ilqugħ mix-xemx u allura mhux addattati biex jintużaw mit-tfal matul il-ġranet tas-sajf, jista’ l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandu l-Gvern f'dan ir-rigward?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għadu kemm twaqqaf Local Government Working Committee b’membri mill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali u mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali. Dan il-kumitat beda jiddiskuti materji li ilhom pendenti u jeħtieġu attenzjoni immedjata.
Fost dawn hemm ir-rapporti li qed isiru mill-Malta Competition and Consumer Affairs Authority dwar l-istat tal-playing fields. Għalkemm ma hemmx pjan konkret dwar l-ilqugħ mix-xemx, nemmen li din hija priorità u għalhekk se nagħti direzzjoni sabiex din tkun fuq l-aġenda meta jkunu diskussi r-rapporti li semmejt.
Jista’ l-Ministru jgħid x'miżuri qed jieħu l-Gvern sabiex il-bajjiet tagħna jsiru iktar aċċessibbli?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li filwaqt li l-Awtorità tat-Turiżmu m’hiex l-aġenzija kompetenti biex tipprovdi dan it-tip ta’ aċċess fil-bajjiet kollha Maltin u Għawdxin, l-Awtorità kull sena tassigura li dawk il-bajjiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħha (jiġifieri San Ġorġ, l-Għadira, Għajn Tuffieħa, Qawra Point, Fond Għadir u Buġibba Perched Beach) fejn hu possibbli jkunu aċċessibbli.
L-Awtorità tat-Turiżmu ħadet passi biex tinstalla rampi tal-injam sabiex tiżdied l-aċċessibilita`. Inxtraw ukoll numru ta’ siġġijiet bir-roti (beach strollers) għal fuq ir-ramel biex ikunu jistgħu jintużaw minn persuni b’diżabilità.
Fil-bajja tal-Għadira ġie mqiegħed portable toilet (għal persuni b’diżabilità), kif ukoll dawk it-toilets li jinstabu fl-istess bajja fin-naħa tat-telgħa tal-Armier żdiditilhom rampa biex dawn ukoll ikunu aċċessibbli.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il garaxx jew post ieħor instabu s’issa mill-konsultent li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament biex fihom ikunu jistgħu jsiru rehersals minn bands lokali? F’liema lokalitajiet huma dawn il-postijiet? Għal liema bands instabu? Kemm sewa kull post li nstab?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa għaddejja ħidma sabiex jinstab sit adegwat u mhux garaxxijiet. F’dan is-sit il-bands u l-artisti Maltin ser ikollhom iċ-ċans li jipprattikaw u jagħmlu rehearsals tagħhom.
Dan il-post għandu jservi ukoll bħala vetrina kulturali fejn artisti lokali ikollhom spazzju għall-gigs u performances bil-għan li nappoġjaw kontinwament lill-mużiċisti Maltin fl-iżvillup tat-talenti tagħhom. Dan is-sit ser ikun miftugħ għall-partijiet kollha interessati fil-qasam.
Sa issa ġew identifikati numru ta’ siti f’żoni ċentrali ta’ Malti. F’dan l-istadju għadu prematur sabiex wieħed jistabbilixxi estimi ta’ nfieq għal dan il-proġett.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm operaturi li għandhom liċenzja biex jikru umbrelel u/jew deckchairs fuq jew ħdejn il-bajjiet? Kif inhuma mqassma, kemm f'Malta u kemm f'Għawdex, u f’liema bajjiet jistgħu joperaw? Kif jinħarġu dawn il-liċenzji, kull meta jiġu mħallsa u kif jiġi determinat l-ammont dovut għal din il-liċenzja?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li b’ kollox hawn dsatax (19)-il operatur liċenzjati mill-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu biex jikru umbrelel u/jew deckchairs fuq jew ħdejn il-bajjiet.
L-informazzjoni lokali b’lokal qiegħdha titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.
Sa’ l-2002 il-Pulizija kienet tilliċenzja dan l-operat, u sussegwentement dawn ġew mgħodija lill-Malta Tourism Authority li kompliet toħrog il-liċenzja lil dawn l-operaturi skond il-permessi originali.
Applikazzjonijiet ġodda jiġu ikunsidrati biss fuq art privata u jridu jkunu approvati ukoll mill-MEPA jew permess tad-Dipartiment tal-Artijiet f’dan ir-rigward. Il-liċenzja tiġi mħallsa anwalment b’ratra fuq kull liċenzja ta’ €116.
Fil-każ ta’ Kemmuna l-Awtorita’ tat-Turiżmu toħrog sejħa għall-offerti pubblika u wara jinħareġ permess mid-Dipartiment tal-Artijiet lil min tkun ġiet mgħotija is-sejħa.
Jista' l-Ministru jgħid liema linji tal-ajru hekk magħrufa low cost qed joperaw minn u lejn Malta bħalissa? Kemm-il titjira fil-ġimgħa joperaw dawn il-linji u lejn liema destinazzjonijiet? Jista' jgħid jekk hemmx pjanijiet li jkollna iktar low cost airlines joperaw minn pajjiżna u x' qed isir għal dan il-għan?
Response (VELLA, KARMENU)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bid-detalji tal-linji tal-arju magħrufa bħala ‘low cost’ jew li mhux identifikati bħala ‘flag carriers’ li qiegħdin joperaw minn u lejn Malta bħalissa.
Id-diskussjonijiet mal-partijiet kollha koncernati isiru regolarment sabiex nesploraw il-possibiltajiet kollha biex nimmassimizzaw l-opportunitajiet kollha biex intejjbu u nkattru l-aċċessibilità lejn pajjizna.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu pjanat li jidħlu cruise liners f'Malta fil-perijodu tas-sajf, ċjoè minn Ġunju 2013 sa Settembru 2013? Dan in-numru kif jikkompara mal-istess perijodu tas-sena li għaddiet (2012)? Kemm hi l-mira tal-Gvern ta' turisti li jaslu fuq cruise liners matul is-sena 2013 u din kif tikkompara ma’ dik tas-sena 2012?
Response (VELLA, KARMENU)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni miġbura mill-Valletta Cruise Port.
Is-sena l-oħra waħda mill-kumpanija ħadet deċizjoni li tnaqqas il-vjaġġi lejn Malta.