Legislature:
Category:
Reset
Active:

Triq tal-Coast Road – tibdil fil-pjanti

Question

Billi jidher li l-pjanti għal Triq tal-Coast Road reġgħu nbidlu, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema bidliet ġodda ġew sottomessi u jqiegħed kopja tal-istess pjanti fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jispeċifika għal-liema parti tat-triq qed jirreferi għaliha meta jgħid li l-pjanti reġgħu nbidlu.

12-il Distrett Elettorali — proġetti ġodda ta' infrastruttura

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema proġetti ġodda ta’ infrastruttura mistenni jinbdew mill-Ministeru matul l-2015 fil-lokalitajiet tat-12-il distrett elettorali, il-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar? Kemm mistennija li tkun l-ispiża marbuta ma’ dawn il-proġetti?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fir-rigward ta’ proġetti infrastrutturali, Transport Malta tagħmel xogħlijiet f’toroq li jaqgħu taħt ir-responsabbilta’ tagħha mill-lat ta’ manutenzjoni u kostruzzjoni ta’ toroq ġodda. Min-naħa tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet, għaddej xogħol ta’ tisbiħ fl-inħawi fejn kien hemm il-Fekruna Restaurant fix-Xemxija, liema proġett hu mistenni li jitlesta sas-sajf ta’ din is-sena.

Arriva – bendybuses — inċidenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-okkażjonijiet, fiż-żmien li s-servizz tat-trasport pubbliku kien immexxi mill-kumpanija Arriva, fejn kien hemm inċidenti tat-traffiku u inċidenti ta’ natura oħra rrappurtati lill-pulizija, li fihom kienu involuti bendybuses? Jista’ jagħti l-informazzjoni sena b’sena skont is-sena li fiha saru l-inċidenti? Jista’ jgħid jekk kienx hemm involuti iktar vetturi f’kull inċident, u jekk iva, jista’ jgħid kemm kien hemm vetturi involuti f’kull inċident? Jista’ jindika fejn kien hemm nies li kellhom jiddaħħlu l-isptar minħabba dawn l-inċidenti ?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-karozzi tal-linja tat-tip bendy buses intużaw fuq is-servizz tat-trasport pubbliku f’Malta bejn Lulju 2011 u Awissu 2013. Skont informazzjoni li kienet ġiet mgħoddija lil Transport Malta minn Arriva Malta Ltd, jirriżulta li kien hemm total ta’ 595 inċidenti tat-traffiku u inċidenti ta’ natura oħra li fihom kienu involuti bendy buses. It-tabella t’hawn taht turi d-dettalji tan-numru ta’ inċidenti li fihom kienu involuti dawn il- karozzi tal-linja sena b’sena, kif ukoll in-numru ta’ persuni li ddaħħlu l-isptar għall-kura kaġun ta’ dawn l-istess inċidenti: Sena Numru ta' Inċidenti Numru ta' persuni illi ddaħħlu l-isptar għall-kura Lulju sa Diċembru 2011 101 3 Jannar sa Diċembru 2012 280 1 Jannar sa Awissu 2013 214 5 Total 595 9 Dettalji tal-inċidenti Lulju sa Diċembru 2011 Jannar sa Diċembru 2012 Jannar sa Awissu 2013 Kolliżjonijiet bejn 2 karozzi tal-linja 6 44 20 Ħabta bejn karozza privata u karozza tal-linja 79 177 149 Ħabta bejn żewġ jew iktar karozzi privati u karozza tal-linja 0 1 3 Inċidenti oħrajn 16 58 42 Total 101 280 214 Lulju sa Diċembru 2011 Jannar sa Diċembru 2012 Jannar sa Awissu 2013 Numri totali ta’ vetturi involuti f’inċidenti (esklużi karozzi tal-linja) 85 223 175

Arriva – karozzi tal-linja — inċidenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-okkażjonijiet, fiż-żmien li s-servizz tat-trasport pubbliku kien imexxi mill-kumpanija Arriva, fejn kien hemm inċidenti tat-traffiku u inċidenti ta’ natura oħra rrappurtati lill-pulizija, li fihom kienu involuti karozzi tal-linja, eskluż bendybuses? Jista’ jagħti l-informazzjoni sena b’sena skont is-sena li fiha saru l-inċidenti? Jista’ jgħid jekk kienx hemm involuti iktar vetturi f’kull inċident, u jekk iva, jista’ jgħid kemm kien hemm vetturi involuti f’kull inċident? Jista’ jindika fejn kien hemm nies li kellhom jiddaħħlu l-isptar minħabba dawn l-inċidenti ?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi il-kumpanija Arriva Malta Ltd mexxiet l-operat tat-trasport publiku bejn Lulju 2011 u Diċembru 2013. Skont l-informazzjoni li kienet ġiet mgħoddija lil Transport Malta mill-istess operatur, jirriżulta illi kien hemm total ta’ 2,771 inċidenti tat-traffiku u inċidenti ta’ natura oħra li fihom kienu involuti karozzi tal-linja, minbarra il-bendy buses. It-tabella hawn taħt annessa tagħti d-dettalji tan-numru ta’ inċidenti illi fihom kienu involuti karozzi tal-linja eskluż dawk tat-tip bendy buses sena b’sena, kif ukoll n-numru ta’ inċidenti fejn kienu involuti aktar minn vettura waħda, minbarra ix-xarabank, u n-numru ta’ persuni illi ddaħħlu l-isptar għall-kura kaġun ta’ dawn l-istess inċidenti. Sena Numru ta' Inċidenti Numru ta' persuni illi ddaħħlu l-isptar għall-kura Lulju sa Dicembru 2011 721 7 Jannar sa Dicembru 2012 1089 21 Jannar sa Dicembru 2013 961 22 Total 2771 50 Dettalji tal-Inċidenti Lulju sa Diċembru 2011 Jannar sa Diċembru 2012 Jannar sa Diċembru 2013 Kolliżjonijiet bejn żewġ karozzi tal-linja 63 132 72 Habta bejn karozza waħda u karozza tal-linja 466 681 636 Ħabta bejn aktar minn karozżza waħda ma’ karozza tal-linja 8 21 11 Inċidenti oħrajn 184 255 242 Total 721 1089 961 Lulju sa Diċembru 2011 Jannar sa Diċembru 2012 Jannar sa Diċembru 2013 Total ta’ vetturi involuti f’ inċidenti (esklużi karozzi tal-linja) 545 856 730

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura – persuni inġaġġati f’position of trust

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi lista tal-persuni li ġew ingaġġati f'position of trust mid-dipartimenti, entitajiet u awtoritajiet li jiffurmaw parti mill-Ministeru li hu jmexxi bejn id-9 ta' Marzu 2013 sal-31 ta' Jannar 2015?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill Onorevoli Interpellant li l-persuni li huma fis-Segretarjat tiegħi huma kollha Persons of Trust li l-kuntratt ta’ impjieg tagħhom huwa bbażat fuq id-dokument Engagement of Staff for Ministers Secretariat li kien ġie inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra fil-15 ta’April 2013. Rigward Persons of Trust oħra fi ħdan il-Ministeru tiegħi, l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Autobuses De Leòn — vetturi fuq ir-rotot

Question

Skont il-kuntratt illi l-Gvern iffirma mal-Autobuses de Leòn, jista’ l-Ministru jgħid kemm-il vettura suppost kellha l-Autobuses de Leòn fuq ir-rotta on day one, jiġifieri fit-8 ta’ Jannar 2015? Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm attwalment fuq ir-rotta fid-data tas-7 ta’ Frar 2015, u ċjoè d-data ta’ meta ġiet sottomessa din il-mistoqsija parlamentari?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ammont ta’ vetturi li kienu qed joperaw fuq is-servizz tat-trasport pubbliku fit-8 ta’ Jannar 2015 ma kienx mistenni li jkun differenti mill-ġurnata ta’ qabel, jiġifieri minn meta s-servizz kien qed jiġi operat mill-Gvern. Dan l-ammont kien jammonta għal total ta’ 290 vettura. Fis-7 ta Frar 2015, l-ammont ta’ vetturi fis-servizz kien jammonta għal 290 vettura. Infurmat ukoll li skont il-kuntratt iffirmat fit-8 ta’ Jannar 2015, l-operatur huwa obligat li jkollu flotta ta’ mhux anqas minn 358 vettura sa meta jiġu implimentati r-rotot il-ġodda kollha, jiġifieri aktar tard din is-sena. Dan jinkludi 142 vetturi ġodda tat-tip low floor b’magna Euro 6.

Autobuses De Leòn –kuntratt

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-multi illi hemm ikkontemplati fil-kuntratt tal-Autobuses de Leòn?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill- Onorevoli Interpellant tirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 13935.

Trasport pubbliku — Kiri ta’ vetturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’mekkaniżmu ntuża biex inkrew is-7 seaters, il-14 seaters u l-18 seaters illi ddaħħlu fuq ir-rotot tat-trasport pubbliku, u ċjoè kif intgħażlu l-kumpaniji u l-operaturi illi fil-fatt intgħażlu biex jagħtu dan is-servizz?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din id-deċiżjoni ittieħdet mill-operatur tat-trasport pubbliku, li hija kumpanija privata. Għaldaqstant, il-Gvern ma jidħolx fil-mekkaniżmu ta’ kif ġiet meħuda din id-deċiżjoni.

Trasport pubbliku — Kiri ta’ vetturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fuq l-istruzzjonijiet ta’ min inkrew is-7 seaters, il-14 seaters u l-18 seaters illi ddaħħlu fuq ir-rotot tat-trasport pubbliku, jekk hux fuq struzzjonijiet tal-Gvern jew tal-Autobuses de Leon?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li din id-deċiżjoni ittieħdet mill-operatur tat-trasport pubbliku, li hija kumpanija privata. Għaldaqstant, il-Gvern ma jidħolx fil-mekkaniżmu ta’ kif ġiet meħuda din id-deċiżjoni. Dawn il-vetturi sejrin ikunu qed jintużaw għal perjodu limitat fi Frar 2015.

Trasport pubbliku — Vetturi fuq ir-rotot

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm vetturi 7 seaters, 14 seaters u 18 seaters, separatament għal kull kategoriga, fuq ir-rotot tat-trasport pubbliku? Jista’ jagħti din l-informazzjoni applikabbli għad-data tas-7 ta’ Frar 2015, u ċjoè d-data ta’ meta ġiet sottomessa din il-mistoqsija parlamentari?

Response (MIZZI, JOE)

Minn informazzjoni provduta mill-operatur tat-trasport pubbliku, jirriżulta li b’kollox, fis-7 ta’ Frar 2015 kienu qegħdin jintużaw tnax-il vettura b’kapaċita’ ta’ 8, 13, 14, 16 u 18-il seat , kif spjegati fit-tabella t’hawn taħt: Kapaċita’ ta’ seats Numru ta’ vetturi 8 4 13/14 4 16/18 4 Huwa mistenni li dawn ser jibdew jitneħħew mis-servizz fil-jiem li ġejjin.

Trasport pubbliku — Vetturi wżati temporanjament

Question

In vista tal-fatt li skont rapport illi deher f’ġurnal online lokali fl-aħħar ta’ Jannar, li rrapporta li waslu f’Malta ħames xarabanks mill-Ingilterra (The Independent Online 31.01.2015), jista’ l-Ministru jgħid kemm-il minibus jew vettura oħra, u ta’ liema tip, illi kienu qegħdin jintużaw temporanjament sakemm waslu dawn ix-xarabanks, tneħħew minn fuq ir-rotta u minn fejn?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li jien ninsab infurmat li sal-lum, l-operatur tat-trasport pubbliku mporta mill-Ingilterra total ta’ 15-il karrozza tal-linja. Dawn il-karozzi tal-linja qed jintużaw primarjament fuq ir-rotot li qabel kienu qed jiġu operati permezz ta’ sub-contracted low floor coaches fuq ir-rotot 13, 61, X4, X5 u X7. Infurmat ukoll li l-operatur tat-trasport pubbliku qiegħed fil-proċess li jimporta 17-il karozza tal-linja oħra ta’ l-istess tip fil-ġimgħat li ġejjin.

Gozo Channel – investigazzjoni dwar inċident

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inkjesti u investigazzjonijiet saru dwar l-inċident li fih trakk inqaleb fuq il-vapur tal-Gozo Channel? Min għamel dawn l-inkjesti u investigazzjonijiet? Jista’ jippreżenta kopja tar-rapporti li saru fuq dan l-inċident fuq il-Mejda tal-Kamra? X’passi qed jittieħdu biex ma jerġgħux jiġru inċidenti bħal dan?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fir-rigward ta’ dan l-inċident qed issir investigazzjoni mill-Marine Safety Investigation Unit fi ħdan Transport Malta. L-għan ta’ din l-investigazzjoni hu sabiex jiġi assigurat li ma jkunx hemm inċidenti simili fil-futur. Transport Malta wkoll nediet investigazzjonijiet oħra f’dak li jirrigwarda l-operat tal-vapur, hekk kif stabbilit skont ir-Regolamenti għall-Bastimenti Kummerċjali u l-Att dwar il-Bastimenti Merkantili. Dawn l-investigazzjonijiet kollha għadhom ma ġewx konklużi.

Ix-Xatt tal-Gżira – tnaqqis ta’ kareġġjata

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu stmat li jgħaddu vetturi mix-Xatt tal-Gżira f’ġurnata ta’ xogħol? Kemm hu stmat li se ssir konġestjoni żejda mit-tnaqqis ta’ kareġġjata u kemm se tkun iż-żieda tal-fumes għad-dannu tan-nies li jgħixu jew ikunu qed jimxu hemm?

Response (MIZZI, JOE)

Nibda billi ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-deċiżjoni li tiġi implimentata il- bus-lane fix-Xatt tal-Gżira, kienet parti mill-proġett tal- MODUS liema Grant Agreement għall-fondi ERDF ġie ffirmat mill-Gvern preċedenti f’Ottubru 2012. Ninsab infurmat li, minn moniteraġġ li sar mit-Taqsima għall-Immaniġġjar tat-Traffiku fi ħdan Transport Malta, jirriżulta li l-medja ta’ vetturi żgħar li jgħaddu mill-Gżira fid-direzzjoni lejn il-Belt Valletta huwa ta’ 763 fis-siegħa f’ħinijiet peak tal-ġurnata, filwaqt li l-medja ta’ vetturi ta’ trasport pubbliku hija ta’ 33 fis-siegħa. Dan il-moniteraġġ sar fi ġranet varji ta’ xogħol bejn Settembru 2014 u Jannar 2015. Ninsab infurmat ukoll li karreġġjata waħda f’din it-triq tiflaħ sa massimu ta’ 1300 vettura fis-siegħa. Meta wieħed jikkunsidra l-medja ta’ 763 vettura fis-siegħa, dan hu 59% tal-massimu li tilħaq it-triq. Għaldaqstant huwa kkalkulat li hemm kapaċita’ suffiċjenti fit-triq sabiex tlaħħaq mad-domanda tat-traffiku.

Iż-Żurrieq – Triq San Bartolomew – parking bays

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12978, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-parking bays li saru riċentament fi Triq San Bartolomew bejn Triq Alessandru u Triq San David fiż-Żurrieq għandhomx il-permessi neċessarji ta' Transport Malta peress li dawn qed joħolqu periklu għal residenti li joqogħdu fl-istess parti tat-triq, speċjalment għal fatt li faċċata ta' fejn saru dawn il-parking bays m'hemmx bankina?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li l-kaxxi tal-parkeġġ in kwistjoni ġew sanzjonati minn Transport Malta fuq talba tal-Kunsill Lokali taż-Żurrieq. Fir-rigward tas-saħħa u sigurta’, jien infurmat li l-kaxxi tal-parkeġġ saru man-naħa tal-bankina u li din il-bankina ma ġietx ostakolata mill-istess kaxxi tal-parkeġġ.

Iż-Żurrieq – Triq Ħal Far — xogħlijiet

Question

B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 5005, 6257 u 7626, jista’ l-Ministru jgħid meta se jibda u jispiċċa x-xogħol ta' għoti ta' tarmak f'din t-triq?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-tweġibiet mogħtija għall-Mistoqsijiet Parlamentari numru 7626, 6257, 5005 għadhom japplikaw.

Transport Malta – ingaġġ ta’ impjegati ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il impjegat ġdid se timpjega magħha Transport Malta fil-ġimgħat li ġejjin? Se jkun hemm sejħa pubblika għalihom?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Transport Malta timpjega skont l-eżiġenzi tas-servizz u dejjem skont il-Kostituzzjoni u d-direttivi stabbiliti tal-Gvern dwar reklutaġġ ma’ dipartimenti u entitajiet pubbliċi.

Transport Malta – ingaġġ ta’ inspectors u security personnel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il inspector u security personnel se timpjega magħha Transport Malta fil-jiem jew ġimgħat li ġejjin?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Transport Malta mhux ser timpjega l-ebda inspector jew security personnel fil-jiem jew ġimgħat li ġejjien. M’hemm l-ebda proċess mibdi sabiex jiġu mpjegati ħaddiema f’dawn iż-żewġ kategoriji.

L-Imrieħel — xogħlijiet fuq il-pedestrain crossing fil-bypass

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jinbeda x-xogħol fuq il-pedestrain crossing fil-bypass tal-Imrieħel?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi d-Dipartment tal-Kuntratti ppublika sejħa għal Pre-Qualification Questionnaire (PQQ) fit-30 ta’ Jannar 2015 sabiex ikun jista’ jibda l-proċess għall-implimentazzjoni tal-proġett inkwistjoni.

Iż-Żebbuġ (Għawdex) – Triq il-Ponta

Question

Jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex titwessa’ Triq il-Ponta fiż-Żebbuġ, Għawdex, f’dik il-parti li tagħti għal ħdejn l-iskola primarja taż-Żebbuġ?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Autobuses Urbanos de Leon — kuntratt

Question

Jista’ l-Ministru jgħid sa liema data ser ikun qiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li Transport Malta ffirmat ma’ Autobuses Urbanos de Leon kif kien wiegħed hu stess li ser jagħmel appena l-Kamra tirriżuma xogħolha fit-tieni gimgħa ta’ Jannar 2015?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ġaladarba l-poplu ikun infurmat b’dak kollu li għandu jkun jaf fuq is-servizz tat-trasport pubbliku ġdid, u dan mingħajr tfixkil min-naħa tal-Oppożizzjoni li jidher biċ-ċar li l-unika għan tagħha hu li tħawwad l-imħuħ, il-kuntratt iffirmat mal-Autobuses de Leon jiġi mpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Nassigura lill-Onorevoli Interpellant li dan mhux ser idum ma jiġri daqs kemm dam biex tpoġġa l-kuntratt li Gvern preċedenti kien għamel mal-kumpanija Arriva. Infakkar lill-Onorevoli Interpellant li l-kuntratt li sar mal-kumpanija Arriva Malta Ltd ħa kważi ħdax-il xahar biex tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra minn meta kien ġie iffirmat. Infakkru li l-kuntratt kien ġie iffirmat nhar l-20 ta’ Novembru 2010 u tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra nhar it-3 t’Ottubru tas-sena ta’ wara. Infakkru ukoll li dan il-kuntratt kien tpoġġa fuq il-Mejda b’ xi informazzjoni imneħħija minnu hekk kif stqarr l-istess Ministru responsabbli mit-trasport ta’ dak iż-żmien. Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi għall-Mistoqsija Parlamentari numru 27764 ta’ l-aħħar leġiżlatura biex tivverifika dan kollu. Madankollu nerġa inserraħ ras l-Onorevoli Interpellant li l-kuntratt mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra fil-mument opportun. F’ Marzu li ġej ser titniehda kampanja estensiva ta’ informazzjoni u dan sabiex ninfurmaw lill-poplu fuq is-servizz tat-trasport pubbliku l-ġdid. Qed nagħmlu l-affarijiet kif għandhom isiru, biex ma nirrepetux l-istess żbalji li saru mill-Gvern preċedenti fil-perjodu meta l-Arriva ħadet f’ idejha l-operat tat-trasport pubbliku f’pajjiżna fl-2011. Għaldaqstant nixtieq infakkar ukoll lill-Onorevoli Interpellant fil-kampanja negattiva li ilha għaddejja min-naħa tal-Oppożizzjoni li l-uniku għan tagħha, kien u għadu, li tiżra’ d-dubji fost il-poplu. Infakkru fl-istorja maħluqa mill-Oppożizzjoni dwar ir-raġuni li wasslet lill-Arriva biex twaqqaf l-operat tagħha ġewwa pajjiżna. Infakkru li l-kumpanija Arriva kienet talbet €45 miljun f’sussidju biex topera rotot proposti mill-Gvern preżenti, liema rotot ser jiġu maħduma mill-operatur il-ġdid b’sussidju ta’ €29 miljun. Konna wasalna f’punt fejn l-Arriva Malta Ltd. riedet li tillikwida l-kumpanija. Għaldaqstant aħna għamilna dak kollu possibli sabiex impedejna milli dan iseħħ billi xtrajna il-kumpanija għal Euro u waqqafna kumpanija tranżitorja, il-Malta Public Transport Services Ltd. sakemm jintagħżel l-operatur il-ġdid. B’hekk salvajna l-impjiegi tal-ħaddiema u bqajna noffru servizz ta’ trasport pubbliku aħjar minn dak li sibna. Saret kritika distruttiva għall-aħħar min-naħa tal-Oppożizzjoni, minkejja li kull statistika miġbura kienet turi mod ieħor, fil-perjodu li l-operat tat-trasport pubbliku kien f’idejn il-kumpanija tal-Gvern. Matul dan il-perjodu kien hemm żieda fil-passiġġieri li jużaw it-trasport pubbliku, żieda fil-bejgħ ta’ biljetti, kif ukoll żieda fil-manutenzjoni tal-karozzi li wasslet għal inqas inċidenti. Rajna ukoll tnaqqis drastiku fl-ilmenti. Akkużaw lill-MPTS li kienet waqqfet ċertu Night Routes , meta fil-fatt dawn kienu twaqqfu żmien qabel, meta t-trasport kien għadu f’ idejn l-Arriva. L-istess ġara meta l-Arriva, f’lejliet l-ewwel tas-sena, fl-aħħar jiem tal-operat tagħha f’ pajjiżna, talbet €5 għal kull vjaġġ . Li ma qalitx l-Oppożizzjoni hu li l-ftehim iffirmat mill-istess Oppożizzjoni, dak iż-żmien fil-Gvern, kien jippermetti li jsir dan. Infakkru ukoll fl-istorja mibnija mill-Oppożizzjoni fir-rigward tal-kumpanija Skoċċiża McGill’s li qalu rtirat l-interess tagħha minħabba l-intoppi li sabet min-naħa tal-Gvern. Infakkru li meta l-kumpanija McGill’s kienet bagħtet rappreżentanti tagħha ġewwa pajjiżna biex jagħmlu laqgħat max-xufiera, il-Partit Nazzjonalista kien ipprova jagħti l-impressjoni li l-Gvern żamm din il-laqgħa mistura. Dan meta il-Ministeru tiegħi lanqas biss kien jaf b’din il-laqgħa aħseb u ara kemm stajna konna involuti f’din l-istess laqgħa. L-istess Partit Nazzjonalista kien qal li b’ McGill’s f’ Malta, kien ser ikollna Arriva oħra, u dan minħabba l-fatt li d-direttur maniġerjali ta’ din il-kumpanija qabel kien jaħdem mal-Arriva. L-istess ġara fil-konfront tal-kumpanija National Express. Il-Partit Nazzjonalista anke f’ dan il-każ, permezz tal-kelliema tiegħu, qal li kien diffiċli li taħdem mal-Gvern u li l-istess Gvern kien qed juża politika ta’ ħabi. Kontradizzjoni fl-għola livell, meta tqis li l-kumpanija li illum qed tmexxi t-trasport pubbliku f’ pajjiżna hija kumpanija sussidjarja ta’ l-istess National Express . Kampanja negattiva saret ukoll fuq żjara ta’ verifikazzjoni li saret ġewwa Spanja fuq l-operat tal-kumpanija Autobuses de Leon, bi klawsola fl- Expression of Interest kienet tippermetti li jsir dan. U dan sar peress li d-differenza fit-talba għas-sussidju mill-kumpanija Arriva, dik Spanjola u dik Maltija kienet waħda sostanzjali. Filwaqt li l-iSpanjoli talbu sussidju ta’ 29 miljun ewro, it-talba tal-Arriva kienet ta’ 45 miljun ewro u tal-Maltin kienet ta’ 40 miljun ewro. Ridna nivverifikaw li din id-differenza fit-talba ma jkolliex impatt negattiv fis-servizz offrut. L-Oppożizzjoni mill-ewwel ħarġet bl-attakki tagħha fuq din il-kumpanija Spanjola biex ibeżżgħu lill-poplu, fosthom li din hija kumpanija provinċjali u tħaddem ftit nies. Beżżgħu li ser ikun hemm tkeċċija ta’ ħaddiema mill-istess Spanjoli, kif ukoll li l-impjiegi tal-Maltin kien ser jiġi meħuda mill-ħaddiema Spanjoli, meta l-fatti qed juru mod ieħor. Mhux talli ma tkeċċewx ħaddiema, iżda qed isiru sejħiet biex jiġu ingaġġati aktar ħaddiema ma’ dawk li diġa’ hemm. U l-Oppożizzjoni bl-aġir tagħha qed tkompli tippersisti bin-negattivita’ tagħha. Tant hu hekk, li ftit jiem ilu, fi programm fuq l-istazzjon televiżiv nazzjonali, waqt diskussjoni li kont preżenti għaliha jien, kien hemm rappreżentanta tal-Partit Nazzjonalista li ppruvat tiżvija u titfa’ d-dubji, speċjalment fejn jidħlu t-tariffi l-ġodda li ser jiġu introdotti f’ Lulju li ġej. Biex is-servizz u l-effiċjenza tat-trasport pubbliku tkompli titjieb il-Gvern ser jibqa’ impenjat li jnaqqas l-inkonvenjent ikkawżat mill-konġestjoni tat-traffiku. Anke hawn, l-Oppożizzjoni m’għamlitx dmirha sewwa kif kien mistenni li tagħmel. Bil-ftuħ ta’ Dock 7, indirizzajna b’mod konkret il-problema tat-traffiku fin-naħa t’ isfel ta’ Malta. Iżda anke hawn, l-Oppożizzjoni beżżet lill-poplu biex ma jużax Dock 7 għax skont huma, il-karozzi li kienu ser jagħmlu użu mid-Dock, ma kienux inxurjati. Baqgħu jinsistu li l- Bendy Buses għandhom jibqgħu jiċċirkolaw fit-toroq tagħna, meta kienu jafu li dawn kienu wieħed mill-fattur li kien qed jikkawża il-konġestjoni fit-traffiku, apparti l-inċidenti ta’ ħruq li kellhom l-istess karozzi, b’sogru għall- passiġġieri u għal sewwieqa oħra. L-istess Kap tal-Oppożizzjoni akkużana li s-sitwazzjoni tat-traffiku kienet marret għal agħar, iżda meta mistoqsi xi ħsieb għandu kif jista’ jsolvi din il-problema, it-tweġiba tiegħu kienet li hu qiegħed fl-Oppożizzjoni u r-risposti għandhom jiġu mingħand il-Ministru responsabbli u mhux mingħandu. Ta’ min ifakkar li minn studju li kien sar mill- Institute for Climate Change and Sustainable Development tal-Universita’ ta’ Malta bil-kollaborazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea rappreżentata f’Malta, is-sitwazzjoni tat-traffiku f’pajjiżna fil-perjodu ta’ Gvern preċedenti kienet ħafna aktar imwiegħra milli kienu jippruvaw ipinġuha. Dan l-istudju sar fl-2012, fit-tieni sena tal-operat tal-kumpanija Arriva. Hawnhekk rajna nuqqas fin-numru ta’ passiġġieri li jużaw it-trasport pubbliku, bil-konsegwenza li rajna żieda fil-karozzi privati fit-toroq tagħna, kif ukoll żieda drastika f’ inċidenti tat-traffiku. Dan kollu kien konsegwenza tal-falliment fir-riforma tat-trasport pubbliku. Ta’ min wieħed jinnota li waħda mill-persuni li għamlu dan l-istudju hija l-istess persuna li llum il-ġurnata tmexxi wieħed mid-disa’ fora maħtura mill-Partit Nazzjonalista. Dan kollu juri li l-għan ewlieni tal-Oppożizzjoni kien li tfixkel il-ħidma tal-Gvern biex jinstab operatur ġdid tat-trasport pubbliku , minflok li tagħti is-sehem tagħha, kif kellha d-dmir li tagħmel. Kumbinazzjoni waqt id-diskors tal-budget, dak inhar il-UBS għamlu talba għall-mandat li temporanjament kien ġie milqugħ. Fil-bidu tas-seduta, l-Oppożizzjoni dehret sodisfatta li kien sar dan il-mandat, meta jien lanqas biss kont għadni naf li sar. Dan seta’ ipperikola il-ftehim milħuq mal-operatur il-ġdid. Tajjeb li nfakkar ukoll li dan il-mandat inqata’ favur il-Gvern, bl-Oppożizzjoni ma tantx turi li hija sodisfatta b’ din id-deċiżjoni. Intopp ieħor mill-Oppożizzjoni kienet meta l-kuntratt bejn l- Autobuses de Leon u l-UBS ma ġiex imġedded minħabba nuqqas ta’ qbil bejn iż-żewġ naħat. Il-kumpanija Spanjola għamlet arranġamenti oħra biex is-servizz setgħa jkompli mingħajr ebda inkonvenjent għall-passiġieri. Hawnhekk l-Oppożizzjoni permezz tal- media tagħha tat l-impressjoni li ntużaw mini-buses minflok coaches , meta dawn l-istess mini-buses kienu ilhom jintużaw fuq diversi rotot. Nassigura lill-Onorevoli Interpellant li għadhom jintużaw l-istess ammont ta’ mini-buses daqs kemm kienu qed jintużaw meta il-ftehim mal-UBS kien għadu fis-seħħ. Il-kumpanija Spanjola kkonfermat li qed tissorvelja s-sitwazzjoni kuljum u sa issa ma kienx hemm problemi kbar fis-servizz. Sadanittant bdew jaslu aktar karozzi tal-linja low floor li qed jiżdiedu mal-flotta preżenti. Issa l-Oppożizzjoni qed tapprofitta ruħha ukoll minn persuni b’ diżabilita’ u tużahom bħala ballun politiku. Qajjmet l- issue tal-persuni b’ diżabilita’ li jużaw scooters . Li ma qalux hu li l-Arriva kienet ħolqot policy li ċertu scooters ma jitħallewx jitilgħu fuq il-karozzi tal-linja u din ir-restrizzjoni kienet parti mill-kundizzjoni tal-ġarr ta’ persuni. U Gvern preċedenti la qatt tkellem fuq din l- issue , aħseb u ara kemm oġġezzjona għaliha !! Fil-jiem li għaddew, fuq talba tiegħi, Transport Malta flimkien mal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilita’ (KNPD), għamlu sensiela ta’ provi ta’ motorised wheelchairs u mobility scooters ħdejn l-uffiċċji tal-istess KNPD ġewwa Ħal-Far. Il-prova saret kemm fuq karozza li ilha fis-servizz għal dawn l-aħħar erba’ snin, kif ukoll fuq karozza li daħħlet fis-servizz ftit tal-jiem ilu pprovduti mill- Malta Public Transport. Fi stqarrija konġunta minn Transport Malta u l- KNPD, ġie spjegat li hemm diversi tipi ta’ motorised wheelchairs u mobility scooters . Il- motorised wheelchairs li huma simili għall- wheelchairs normali setgħu jimmanuvraw tajjeb fuq il-karozzi. Min-naħa l-oħra mobility scooters li huma ġeneralment itwal minn motorised wheelchairs , ma setgħux jimmanuvraw u għaldaqstant ma jistgħux jintużaw fuq il-karozzi. Madankollu jeżistu mobility scooters, inkluż dawk bi tlett roti, li jimmanuvraw tajjeb u b’mod sigur fuq il-karozzi u skont ċertu persuni li jużaw dawn l-istess scooters ġieli ntużaw fuq karozzi tal-linja hawn Malta. Transport Malta u l- KNPD ħabbru li sett ta’ linji gwida ser ikunu preparati biex jiddistingwu bejn mobility scooters li jistgħu jintużaw fuq il-karozzi u bejn dawk li sfortunatament ma jistgħux jintużaw minħabba id-daqs tagħhom. B’hekk dawk il- wheelchairs u scooters li kienu jużaw il-karozzi jistgħu jibqgħu jagħmlu użu minn dan is-servizz. Stickers speċjalizzati ta’ identifikazzjoni ser jingħataw minn Transport Malta biex jitwaħħlu fuq dawn l- i scooters sabiex b’hekk ikunu jistgħu jiġu identifikati mix-xufiera. Nixtieq nagħmel referenza fejn persuna li tagħmel użu minn electric scooter ma tħallietx titla’ fuq tal-linja mix-xufier. Ninsab infurmat li din il-persuna ġiet avviċinata mill-operatur fejn ġie spjegat lilha il- conditions of carriage u tinsab sodisfatta bl-informazzjoni mogħtija lilha. Il-ħidma tal-Gvern kompliet għaddejja. Fassalna rotot ġodda wara konsultazzjoni miftuħa mal-pubbliku u mal-kunsilli lokali kollha, u dan mingħajr ma tfajna piż żejjed fuq il-poplu. Ħaddieħor nefaq miljun ewro fuq kampanja ta’ konsulenza u informazzjoni li wasslet biss għal kaos fil-pajjiż. Illum pajjiżna għandu operatur tat-trasport pubbliku ġdid u jien bħala Ministru ser nesiġi li l-istess operatur jimxi mal-ftehim biex ikollna servizz li jkun aċċettat mill-poplu Malti u Għawdxi kollu minkejja d-diffikultajiet li sibna.