Legislature:
Category:
Reset
Active:

B'Kara — Crash barriers quddiem razzett

Question

Jista' l-Ministru serjament jikkonsidra li jsiru crash barriers quddiem ir-razzett, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, għaliex kull darba l-karozzi qegħdin jifqagħlu l-ħajt għaliex jinsab f'liwja ta' triq maġġura?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq ser jieħu passi biex il-`crash barriers` li hemm bżonn jitwaħħlu.

Mtarfa Bypass — Retaining wall

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ir-retaining wall li qiegħed isir fil-ġemb ta' l-Imtarfa Bypass hux kopert bil-permessi mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-ħajt imsemmi mill-Onor. Interpellant ittella bħala miżura urġenti biex jilqa t-tafal li beda nieżel fit-triq, u sabiex b`hekk ma jkunx hemm periklu għal min jużha. Għalissa qed jiġi diskuss ma` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar kif din l-istruttura għandha titlesta.

Dipartiment tat-Toroq — PA 984/00

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għall-applikazzjoni li saret lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar mid-Dipartiment tat-Toroq, PA 984/00?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-maltempijiet għamlu l-ħsara fit-triq eżistenti li qegħda riskju li taqa` ġol-baħar, għalhekk id-Dipartiment ser ikollu jagħmel triq oħra biex jipprovdi aċċess fl-inħawi, u b`hekk ikun hemm bżonn li ssir applikazzjoni għall-permess ta` l-Awtorita`.

Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni — Karozza uffiċjali mikrija

Question

Jista' l-Ministru jgħid min għandu aċċess u permess li jsuq u juża l-karozza uffiċjali ministerjali tiegħu?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob l-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ta l-Prim Ministru għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 5477.

Qormi — Triq San Edwardu - Zebra crossings

Question

Jista' l-Ministru jgħid hux ippjanat li jsiru xi zebra crossing fi Triq San Edwardu, Ħal Qormi, minħabba t-traffiku li jgħaddi minnha kontinwament u għaldaqstant qed issir dejjem aktar diffiċli għan-nies biex jaqsmu?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li peress li Triq San Edwardu hija `one way` u jgħaddi ħafna traffiku, il-Kunsill Lokali ta` Ħal Qormi qiegħed jipprepara pjan għall-kontroll tat-traffiku, qabel ma jiġi deċiż jekk hemmx lok għal `zebra crossing` jew le.

Żebbuġ — Pelican lights

Question

B'riferenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 15105, jista' l-Ministru jgħid meta hu propost li jsir dan ix-xogħol f'Siġġiewi Road, Ħaż-Żebbuġ?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-disinn ta` l-ewwel `pelican light` huwa lest, u x-xogħol mistenni jibda fi żmien qasir. Id-disinn tat-tieni `crossing` għad irid isir peress li s-`survey` għadu qiegħed jiġi ppreparat.

PTA — Xiri ta' karozzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-aħħar żviluppi f'dak li għandu x'jaqsam max-xiri tal-karozzi ġodda tal-linja? Billi ż-żieda fin-noll tal-karozzi tal-linja kienet marbuta ma' żieda fis-servizz ipprovdut, x'titjib kwalitattiv ġie rreġistrat mindu ġiet fis-seħħ iż-żieda msemmija?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li t-taħdidiet bejn l-Awtorita` tat-Trasport Pubbliku u l-operaturi dwar ix-xiri ta` karozzi tal-linja ġodda għadhom mhux konklużi. Dwar it-tieni parti tad-domanda nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari Nru. 14315.

San Pawl il-Baħar — Triq Massimiliano Colbe - Tiswija

Question

B'riferenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 15101, jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li Triq Massimiliano Colbe, San Pawl il-Baħar tiġi surfaced peress li fiha hemm diversi residenti?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari Nru. 15101.

Bormla — Trasport pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex il-linja diretta, tal-karozza tal-linja minn Bormla lejn l-iSptar San Luqa tas-7.30 a.m. twaqqfet? Jista' l-Ministru jara li din ir-rotta terġa' tibda ssir?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li kemm ilha mwaqqfa l-Awtorita` dwar it-Trasport Pubbliku dan il-vjaġġ li rrefera għaliħ l-Onor. Interpellant qatt ma sar. Peress li nifhem il-ħtieġa ta` vjaġġ ta` dan it-tip, l-Awtorita` qedha f`diskussjonijiet ma` l-Assoċjazzjoni tat-Trasport Pubbliku sabiex tara l-possibilitajiet li dan il-vjaġġ jibda jsir mill-aktar fis possibbli.

Mosta — Twessigħ ta' triq

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet maħsuba, u jekk hemm, fiex waslu, biex titwessa' l-parti ta' Triq il-Mitħna li tisbokka fi Triq Durumblat fil-Mosta, minħabba l-konġestjoni kontinwa maħluqa bit-traffiku qawwi li jgħaddi minnha kuljum? Jista' jgħid jekk hemmx xi pjani mill-Gvern Ċentrali jew dak lokali biex jingħalqu għat-traffiku jew jiġu one way xi toroq li jipprovdu l-uniku aċċess minn u lejn il-qasam tad-djar Ta' Mliet lejn iċ-ċentru tal-Mosta? Jekk iva, liema huma? X'aċċess se jibqa' għall-eluf ta' residenti fl-imsemmi qasam tad-djar?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Gvern għadu kif lesta l-esproprijazzjoni biex it-triq titwessa, u qed jittieħdu passi biex tiġi ppreparata sejħa għal offerti għal dan ix-xogħol. Dwar l-immaniġjar tat-traffiku fil-lokal din hija `domain` tal-Kunsill Lokali, u għalhekk l-Onor. Interpellant hu mitlub jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Mosta — Triq il-Ħtajriet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk inbdewx u fiex waslu l-proċeduri biex tinfetaħ għat-traffiku Triq il-Ħtajriet li aktar minn erba' snin ilu kienet indikata mill-gvern u mill-kunsill tal-Mosta bħala soluzzjoni alternattiva għas-sistema tat-traffiku minn u lejn iċ-ċentru tal-Mosta?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li saru taħdidiet ma` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar u ġiet stabilita rotta alternattiva sabiex it-traffiku ikun jista` jiħfief minn ġoċ-ċentru tal-Mosta. Għadu kif tlesta s-`survey` ta` din ir-rotta u ser jibda x-xogħol biex isiru l-pjanti dettaljati għall-kostruzzjoni tal-proġett.

Qormo — Triq Dun Mario - Ilma tax-xita

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'se jagħmel id-dipartiment biex l-ilma tax-xita niżel minn Triq Dun Mario, f'Ħal Qormi, ma jibqax jaqleb għal Sqaq Nru. 1, bil-konsegwenza li l-familji li jgħixu fl-Isqaq, isofri minn tbatijiet żejda minħabba f'hekk?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li minn `inspection` li saret jidher li jista` jkun hemm lok li jinqalbu l-livelli tat-triq. Id-Dipartiment tat-Toroq għalhekk ser jagħmel `survey` ta` l-isqaq biex jiddetermina jekk b`hekk l-għargħar msemmi mill-Onor. Interpellanta jkunx evitat.

Qormi — Triq l-Isbandola

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex meta nfetħet Triq l-Isbandola għal Triq Dun Mario f'Ħal Qormi, ma twaqqax il-ħajt sewwa u tħalla madwar metru 'l barra, bil-konsegwenza li qed tkerraħ din il-parti tat-triq? Jista' jgħid hux ippjanat li din il-biċċa ħajt titwaqqa'? Meta?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li Triq l-Isbandola infetħet mill-privat li skond kif jidher ma wettaqx ix-xogħol kollu meħtieġ. Id-Dipartiment tat-Toroq qed jidħol f`kuntatt mas-sidien tal-ħajt biex ix-xogħol meħtieġ isir.

Birkirkara — Triq Geneste

Question

Jista' l-Ministru jikkonsidra li Triq F. Geneste f'Birkirkara (private road) tingħata t-tarmak għall-użu tar-residenti?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li Triq F. Geneste f`Birkirkara ser tkun inkluża f`sejħa għal offerti li ser issir għal xogħol fit-toroq tal-lokalita`.

Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni — Karozzi mikrija

Question

Jista' l-Ministru jgħid min għandu aċċess u permess li jsuq u juża l-karozzi mikrija mill-ministeru?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi l-onorevoli interpellant għat-tweġiba li ta l-Prim Ministru għall-Mistoqsija Nru 5477 u għal dik li tajt għall-mistoqsija 13363.

San Pawl il-Baħar — Bypass - Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex minn Diċembru 1999 'l hawn ma sarux ix-xogħlijiet ta' manutenzjoni fuq il-bypass ta' San Pawl il-Baħar? Jista' jara li jintervjeni sabiex ix-xogħlijiet isiru mill-aktar fis possibbli, irrispettivament minn min hu responsabbli mill-ħsarat kkawżati? Jekk fl-affermattiva, meta?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li saru diversi xogħolijiet ta` manutenzjoni fil-Bypass minn Diċembru `l hawn. Mill-mistoqsija wieħed jassumi li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-parti tat-triq fejn kellhom jitpoġġew `barriers` bħala prekawzjoni fejn mexa t-tafal mill-għelieqi li hemm mal-ġemb tat-triq. F`dal każ id-Dipartiment qiegħed f`kuntatt mal-perit tas-sidien ta` din l-art li qiegħed jipprepara r-rapport neċessarju dwar l-istabilita` tat-tafal u tat-triq fil-lokalita`.

PTA — Baħrija

Question

Peress li r-residenti tal-Baħrija jridu li s-servizz tat-trasport pubbliku jkun aktar spiss minn dak attwali, u dan għar-raġuni li l-komunita' tal-Baħrija u l-madwar qed dejjem tikber, jista' l-Ministru jara li jibda programm ta' laqgħat ma' l-awtoritajiet konċernati sabiex dan il-bżonn urġenti tar-residenti tal-Baħrija jiġi rimedjat? Meta fil-fatt se jibdew dawn il-laqgħat? Jista' jikkunsidra li għalihom ikun preżenti rappreżentant tal-poplu tal-Baħrija?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li servizz ta` din ix-xorta diġa` jeżisti kif miftiehem bejn il-Kunsill Lokali tar-Rabat u l-Assoċjazzjoni tat-Trasport Pubbliku, tant hu hekk, li l-Kunsill Lokali jikkontribwixxi finanzjarjament lill-Assoċjazzjoni tas-servizz li tagħti. Jekk tinħass il-ħtieġa li dan is-servizz ikompli jiżdied, nara kif dan l-arranġament ikun jista` jsir.

Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni — Karozzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid min għandu aċċess u permess li jsuq u juża l-karozzi uffiċjali tal-ministeru?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi l-Onorevoli membru għad-dokument `Engagement of Staff for Private Secretariats` li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f`seduta 124 fis-16 ta` Ġunju 1999.

Rabat — Għar Barka - Trasport pubbliku

Question

Peress li r-residenti ta' Għar Barka, ir-Rabat ilhom s-snin jitolbu li jiġi estiż it-trasport pubbliku fir-Rabat, Malta, jista' l-Ministru jara li jibda programm ta' laqgħat mill-ġdid ma' l-awtoritajiet konċernati ħalli mill-aktar fis possibbli u mmedjat dawn il-familji jiġu rispettati u ċioe' jiġi rrimedjat dan il-bżonn tagħhom li ilu pendenti għal aktar minn għaxar snin?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li fuq l-aġenda ta' l-Awtorita' dwar it-Trasport Pubbliku hemm dan is-suġġett. Appena jiġi elett is-Sindku l-ġdid tar-Rabat, l-Awtorita' għandha ssejjaħ laqgħa fil-preżenza ta' l-Assoċjazzjoni tat-Trasport Pubbliku biex jiġi diskuss dan il-punt.
Leg 9 PQ #15207 Sitting 273 2000-03-28 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni

Vetturi — Ambulanzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn ambulanzi fil-pajjiż? Kemm minnhom huma tal-gvern u kemm tal-privat?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li fil-pajjiż hawn disgħa u sittin (69) ambulanza. Sebgħa u ħamsin (57) huma tal-gvern u tnax (12) huma tal-privat.