Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #18082 Sitting 354 2000-07-19 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta — Ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm jammontaw in-numru ta' ħaddiema li huma on loan ma' l-Enemalta Corporation ? Jista' jgħid x'tip ta' xogħol qed jagħmlu?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li bħalissa hemm tlitt ħaddiema minn azjendi oħra mislufa lill-Korporazzjoni Enemalta. Dawn qed jagħmlu xoghol ta' handyman, labourer u Technical Instructor rispettivament
Leg 9 PQ #18083 Sitting 354 2000-07-19 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

WSC — Ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm jammontaw in-numru ta' ħaddiema li huma on loan mal-Water Services Corporation? Jista' jgħid x'tip ta' xogħol qed jagħmlu?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li bħalissa l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma għandha jaħdmu magħha żewġ ħaddiema mislufa minn azjendi oħra. Wieħed huwa mpjegat bħala "welder burner" u l-ieħor bħala xufier ta' trakk.
Leg 9 PQ #18153 Sitting 354 2000-07-19 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi — Safar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'safar u riċevimenti fl-ewwel sitt xhur tas-sena 2000 fil-ministeru, dipartimenti u korporazzjonijiet eċċ, li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-ministeru tiegħu?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #18232 Sitting 354 2000-07-19 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi — Korporazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm awtoritajiet, korporazzjonijiet, aġenziji, istituti u kwalukwe organizzazzjonijiet oħra kważi non-governmental li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid kull entita' meta ġiet imwaqqfa? Jista' jgħid is-salarji u fringe benefits li jieħdu f'kull każ iċ-chairpersons u d-diretturi ta' kull entita'? Jista' jgħid kemm minn dawn iċ-chairpersons u diretturi kienu mpjegati fiċ-Ċivil qabel ma marru ma' dawn l-entitajiet u f'liema grad kienu l-aħħar?

Response (BONNICI, JOSEF)

Il-lista ta' l-entitajiet li jiffurmaw parti mid-dekasteru li għalih jiena responsabbli kienet ġiet pubblikata fil-ħarga tal-Gazzetta tal-Gvern tad-9 ta' Settembru 1998. Informazzjoni dwar il-kompożizzjoni tal-bord tat-tmexxija ta' kull entita' kif ukoll ir-remunerazzjoni relattiva, ingħatat preċedentement meta ġew imwieġba diversi mistoqsijiet dwar il-materja.
Leg 9 PQ #18076 Sitting 353 2000-07-19 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Air Malta — Ħaddiema on loan

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm jammontaw in-numru ta' ħaddiema li huma on loan ma' l-Air Malta ? Jista' jgħid x'tip ta' xogħol qed jagħmlu?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u t-tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #18078 Sitting 353 2000-07-19 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

MDC — Ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm jammontaw in-numru ta' ħaddiema li huma on loan ma' l-MDC? Jista' jgħid x'tip ta' xogħol qed jagħmlu?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li fil-preżent hemm ħaddiem wieħed misluf lill-Korporazzjoni għall-Iżvilupp ta' Malta. Dan qed jagħmel xogħol ta' natura teknika mat-taqsima ta' l-Estates Management.
Leg 9 PQ #18081 Sitting 353 2000-07-19 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

BOV — Ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm jammontaw in-numru ta' ħaddiema li huma on loan mal-Bank of Valletta ? Jista' jgħid x'tip ta' xogħol qed jagħmlu?

Response (BONNICI, JOSEF)

Peress li l-bank imsemmi mill-Onorevoli Interpellant huwa kumpanija privata ikkwotata fil-Borża ta' Malta, dan ma jaqax taħt id-dekasteru tal-Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi.
Leg 9 PQ #17880 Sitting 352 2000-07-18 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Ta' Qali — Villaġġ Artiġjanali

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex se tkun tikkonsisti l-iskema ta' sħubija bejn gvern u privat li permezz tagħha l-gvern irid jiżviluppa Ta' Qali, inkluż il-villaġġ artiġjanali? Is-Segretarju Parlamentari, l-Onor Edwin Vassallo, diġa' ġie avviċinat minn xi persuna/persuni li wrew interess f'dan l-iżvilupp u diġa' wrewlu l-pjanti għall-inħawi? Min huma dawn il-persuni?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-iskema ta' sħubija bejn Gvern u privat ser tikkonsisti filli l-Gvern jgħaddi l-art għal numru ta' snin biex tiġi żviluppata minn dak l-iżviluppatur li jintagħżel wara sejħa għall-offerti. Ma jirriżultalix li s-Segretarju Parlamentari Onorevoli Edwin Vassallo ġie avviċinat minn xi ħadd li wrieħ il-pjanti tal-proġett.
Leg 9 PQ #18070 Sitting 352 2000-07-18 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Ministeru għas-Servizzi Soċjali — Konsulenti lokali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm jammontaw in-numru ta' konsulenti lokali li qed jagħtu servizz lill-Ministeru, dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid min huma u x'tip ta' xogħol qed jagħmlu? Jista' jgħid x'salarji u kundizzjonijiet għandhom?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #18073 Sitting 352 2000-07-18 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi — Konsulenti barranin

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm jammontaw in-numru ta' konsulenti barranin li qed jagħtu servizz lill-ministeru, dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid min huma u x'tip ta' xogħol qed jagħmlu? Jista' jgħid x'salarji u x'kondizzjonijiet għandhom?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #18074 Sitting 352 2000-07-18 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

MIA — Ħaddiema on loan

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm jammontaw in-numru ta' ħaddiema li huma on loan ma' l-MIA? Jista' jgħid x'tip ta' xogħol qed jagħmlu?

Response (BONNICI, JOSEF)

Fil-preżent hemm 487 ħaddiem jaħdmu mal-kumpanija Malta International Airport li għad għandhom l-opportunita' li jiddeċiedu jekk iridux jibqgħu mal-kumpanija jew imorru lura lejn il-post tax-xogħol oriġinali tagħhom u għalhekk huma meqjusa bħala mislufin lill-Kumpanija. Dawn il-ħaddiema huma mqassma kif gej: TAQSIMA NUMRU TA' HADDIEMA Air Traffic Control 112 Uffiċċju Meteoroloġiku 29 Tifi tan-Nar 95 Trasport 30 Inġinerija 67 Komunikazzjoni 108 Riggers 17 Dispatchers 16 Finanzi 2 Riżorsi Umani 2
Leg 9 PQ #18194 Sitting 352 2000-07-18 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Bormla — Triq J. Pace - Dawl

Question

Jista' l-Ministru jara li tkun irranġata l-bozza li hemm fuq il-bieb 4, blk 11, Triq J. Pace, Bormla, għax l-ilmenti tal-ġirien huma li din titfi u tixgħel?

Response (BONNICI, JOSEF)

It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferita lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex isir l-istħarriġ meħtieġ u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni neċessarja.
Leg 9 PQ #18249 Sitting 352 2000-07-18 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Tarzna

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew ikkummissjonati studji dwar it-tarzna f'dawn l-aħħar ftit xhur? Minn min saru? X'kienu r-rakkmandazzjonijiet tagħhom? Tista' tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopji ta' l-executive summary tagħhom?

Response (BONNICI, JOSEF)

F'dawn l-aħħar xhur ma ġie ikkummissjonat l-ebda studju dwar it-Tarzna (Malta Drydocks), ħlief għal dawk marbuta mal-proċess li wassal għat-tfassil u konferma tal-Business Plan ta' l-istess azjenda. Il-qofol ta' dan il-Business Plan huwa tbassir finanzjarju għall-ħames snin li ġejjin. It-tfassil tal-Business Plan sar mit-Tarzna stess bil-għajnuna tal-MIMCOL, li min-naħa tagħha qed tkompli issegwi mill-qrib l-andament tat-Tarzna f'isem il-Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi. Kmieni din is-sena, mal-ħatra tal-Kunsill il-ġdid, dan ħass il-bżonn li jagħmel evalwazzjoni indipendenti ta' dan il-Business Plan fejn, għal dan l-iskop, inkariga lill-istess awdituri tat-Tarzna jeżaminaw it-tbassir finanzjarju rilevanti. Il-Business Plan huwa prinċipalment dokument ta' natura kummerċjali u għalhekk ma nħossx li jkun għaqli li kopja tiegħu titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #18251 Sitting 352 2000-07-18 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Servizzi Ekonomiċi — Economic Impact Assessment Studies

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari numru 17943?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-impact studies li l-Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi nieda in konnessjoni ma' l-applikazzjoni ta' Malta għal sħubija fl-Unjoni Ewropea jinsabu fi stadju avvanzat u mistennija li jiġu konklużi sa Settembru li ġej.
Leg 9 PQ #17922 Sitting 351 2000-07-18 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

METCO — Libja

Question

B'riferenza għall-uffiċċju li l-METCO se jiftaħ fil-Libja, jista' l-Ministru jinfurmana x'se jkun l-impenn tal-METCO sabiex tiżviluppa l-għanijiet tal-protokoll fl-oqsma tal-biedja u sajd li kien sar bejn Malta u l-Libja f'Ġunju tas-sena 1997?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tajjeb jingħad li l-uffiċċju li l-METCO ser tiftaħ fil-Libya għandu l-għan li jiġu żviluppati aktar il-kuntatti kummerċjali bejn iż-żewġ pajjiżi. Dan ser isir permezz ta' kuntatti aktar regolari u personali ma' individwi u kumpaniji Libjani u barranin ibbażati fil-Libja. L-iskop ta' dawn il-kuntatti huwa li opportunitajiet ta' kummerċ li jiġu identifikati, jiġu mgħoddija lil intrapriżi Maltin biex huma jkomplu d-diskussjonijiet mibdija. Naturalment is-settur ta' l-agrikultura, fosthom prodotti ta' l-ikel u xorb ippakkjati, ħxejjex u ħut huma wħud mill-prodotti li jistgħu jkunu identifikati għal aktar diskussjonijiet bejn intrapriżi Maltin u Libjani.
Leg 9 PQ #18063 Sitting 351 2000-07-18 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi — Konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm jammontaw in-numru ta' konsulenti lokali u barranin li taw servizz lill-ministeru, dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mill-5 ta' Settembru 1998 sal-31 ta' Mejju 2000? Jista' jgħid min kienu u x'tip ta' xogħol qed jagħmlu? Jista' jgħid x'salarju u kondizzjonijiet irċevew?

Response (BONNICI, JOSEF)

Sakemm ma ningħatax raġuni valida għaliex qed tintalab informazzjoni daqshekk dettaljata, b'mod partikulari għaliex għall-perjodu bejn il-5 ta' Settembru 1998 u l-31 ta' Mejju 2000, ma narax il-ħtieġa għaliex għandha tinġabar tali informazzjoni li tinvolvi xejn anqas minn sebgħa u għoxrin entita' bejn dipartimenti, korporazzjonijiet u azjendi li jiffurmaw parti mid-dekasteru li għalih jiena responsabbli.
Leg 9 PQ #17904 Sitting 350 2000-07-17 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Gozo Channel — Karozzi/vetturi

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 17643 li oriġinarjament kienet saret lill-Ministru għat-Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe' jgħid kemm kien in-numru ta' karozzi/vetturi li wżaw is-servizz tal-Gozo Channel fl-ewwel sitt xhur tas-sena? X'kienet il-pożizzjoni għall-istess perjodu fis-snin 1997, 1998 u 1999?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-informazzjoni mitluba hija kif ġej: XAHAR 1997 1998 1999 2000 Jannar 40,316 34,093 34,823 41,023 Frar 33,966 37,557 37,547 42,260 Marzu 44,282 40,960 49,503 54,687 April 41,992 52,859 56,957 60,689 Mejju 48,891 50,269 55,947 56,497 Ġunju 49,620 51,758 63,539 63,606
Leg 9 PQ #17995 Sitting 350 2000-07-17 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

St Microelectronics — Dawl

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif lil din il-Kamra x'kienu r-raġunijiet għaliex id-dawl tal-fabbrika St Microelectronics, li tilgħab rwol daqstant importanti fis-settur tal-manifattura lokali, inqata' tliet darbiet fi żmien relattivament qasir? X'passi konkreti ttieħdu f'kull każ mill-awtoritajiet?

Response (BONNICI, JOSEF)

Kien hemm tlett każijiet ta' qtugħ ta' dawl fl-ST Microelectronics. L-ewwel każ seħħ nhar l-14 ta' Ġunju u kien ikkaġunat minn ħsara f'wieħed minn żewġ underground cables li hemm jissuplixxu lil din il-fabbrika. It-tieni qtugħ seħħ nhar it-23 ta' Ġunju. Dakinhar li kien seħħ il-blackout madwar Malta u Għawdex. L-ST Microelectronics reġgħet ħadet lura il-provvista ta' l-elettriku sagħtejn biss wara li seħħ dan il-qtugħ. Sa dak il-ħin 80% ta' Malta kienet għadha bla dawl. L-aħħar qtugħ seħħ nhar il-Ġimgħa li għadda u dakinhar 40% ta' l-impjant kien bla dawl. Fil-każijiet kollha msemmija, il-Korporazzjoni Enemalta ħadet il-passi kollha meħtieġa sabiex immedjatament tissewwa l-ħsara li kien hemm. L-impjegati tal-Korporazzjoni ħadmu lejl u nhar sabiex il-provvista ta' l-elettriku fl-ST Microelectronics terġa' lura għan-normal. Ta' min isemmi li ż-żewġ cables li sa llum jissupplixxu l-fabbrika ta' l-ST Microelectronics huma mgħobbija sew u għalhekk meta ssir ħsara fuq wieħed minn dawn iż-żewġ cables, ma hemmx sors ieħor ta' elettriku. Il-cable irid jissewwa sabiex il-provvista tiġi lura għan-normal. Dan l-aħħar tqiegħdu żewġ cables oħra. Dawn ser jiġu utilizzati biex tissaħħah il-provvista lejn din il-fabbrika. Dawn sejrin jinxtiegħlu waqt ix-shutdown qasir tal-fabbrika f'Awissu li ġej. Hemm ukoll ipproġettat li jinbena Distribution Centre maġenb il-fabbrika ta' l-ST Electronics.
Leg 9 PQ #17996 Sitting 350 2000-07-17 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

GSP

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-implikazzjonijiet tat-tneħħija tal-GSP mill-Istati Uniti? Liema huma dawk is-setturi industrijali li se jiġu milquta direttament?

Response (BONNICI, JOSEF)

It-tneħħija tal-GSP mill-Istati Uniti tirrifletti l-livell għoli ta' żvilupp ekonomiku li pajjiżna rnexxielu jikseb matul is-snin li għaddew. Minn analiżi li l-Ministeru tiegħi għamel aktar kmieni din is-sena, jirriżulta li l-aktar settur li jista' jintlaqat huwa dak ta' l-industrija ta' prodotti tad-deheb u prodotti oħra anċillari.
Leg 9 PQ #17949 Sitting 349 2000-07-17 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

IPSE — One stop shop

Question

Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar il-one stop shop li l-IPSE se twaqqaf għas-settur ta' l-għamara?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-għajnuna kollha li qed tingħata lill-intrapriżi ta' l-għamara qed tiġi ikkoordinata mill-IPSE. Għalhekk huwa mportanti li l-klijent jaħdem ma' l-IPSE biex jibbenifika mhux biss mill-għajnuna li tagħti l-IPSE, iżda wkoll biex din tgħinu jikseb għajnuna minn korporazzjonijiet oħra.