Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — persons of trust

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx persuni li huma ngaġġati bħala persons of trust (POT) fi ħdan il-Ministeru tiegħu jew entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu li ngħataw permess biex jagħmlu xogħol bit-telework? Jekk iva min huma u kemm bħala persentaġġ jistgħu jagħmlu telework mill-ħin kollu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li fid-dekasteru tiegħi hemm persuna waħda ingaġġata bħala person of trust li tagħmel xogħol bit-telework. Dan huwa Dr Mark Mifsud li, mill-01 ta' Mejju 2011, ingħata permess li jagħmel 100% mill-ħin tiegħu fil-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija kollu bit-teleworking.

Sport Promotion Unit

Question

Jista' l-Ministru jgħid min hu responsabbli mill-iSport Promotion Unit u x'inhu r-rwol tiegħu fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Isport?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li min-naħa kurrikulari, din taqa' taħt l-Uffiċjal Edukattiv tal-Edukazzjoni Fiżika u l-iSport is-Sur Stephen Grima. Dan m'għandu l-ebda rwol fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Isport.

Sport Promotion Unit — għalliema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm għalliema impjegati mal-iSport Promotion Unit, SPU, u kemm-il siegħa jagħmlu kull wieħed jew waħda fil-ġimgħa dedikati lill-SPU u kemm-il siegħa jagħmlu fuq lezzjonijiet tal-Edukazzjoni Fiżika? Kif jipparaguna dan mas-sena skolastika li għaddiet?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li hemm 14-il għalliem fl-iSport Promotion Unit, 13 f'Malta u għall-ewwel darba hemm wieħed f'Għawdex. Dawn l-għalliema għandhom ġurnata ddedikata għall-organizzazzjoni ta' sports u attivitajiet fiżiċi u erbat ijiem oħra fejn ikunu qed jgħallmu fl-iskejjel. In-numru ta' sigħat li kull għalliem qed ikollu ma' l-istudenti ma naqasx imma baqa' l-istess bħal tas-sena l-oħra.

Sport Promotion Unit – sports festival

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-iskeda ta' sport festivals li organizzat l-iSport Promotion Unit fis-sena skolastika 2012/13 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-programm ta' sport festivals li hemm ippjanati mill-istess unit għal din is-sena skolastika?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-iskeda ta' sport festivals li organizza l-iSport Promotion Unit għas-sena skolastika 2012/13. Kif wieħed jinnota, l-isport festivals isiru bejn Jannar u April ta' kull sena. Għalhekk l-iskeda tal-isport festivals tas-sena skolastika 2013/14 għadha qed tiġi mfassla.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – segretarju permanenti

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li l-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol għandu Segretarju Permanenti ġdid? Jekk iva, min hu? Skont liema kriterji ntgħażel għall-ogħla kariga ta' policy u amministrazzjoni fil-ministeru? Xi preparazzjoni u esperjenza relevanti għandu fil-qasam edukattiv biex ikun jista' jikkontribwixxi b'mod konkret f'dan il-qasam importanti fl-amministrazzjoni u l-futur tal-pajjiż?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nibda biex ngħid li s-Segretarju Permanenti ma jaħtrux il-Ministru, u l-kostituzzjoni hija ċara dwar hekk. Iżda se nwieġeb xorta waħda. Nikkonferma li l-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol għandu Segretarju Permanenti ġdid. Dan hu s-Sur Joseph Caruana. Intużaw l-istess kriterji li dejjem intużaw. Kemm ilu jeżisti l-Ministeru tal-Edukazzjoni l-ħatra ta' Segretarju Permanenti okkupawha diversi persuni li ma kinux ġejjin direttament mill-qasam edukattiv. Dan ġara taħt amministrazzjonijiet differenti. Dan il-Ministeru jinkorpora oqsma differenti u mhux tal-edukazzjoni biss. Għall-qasam edukattiv speċifiku l-Ministeru għandu Diretturi Ġenerali u Diretturi. Kif se nsemmi, is-Sur Caruana għandu karriera fl-amministrazzjoni pubblika u l-esperjenza tiegħu tħaddmet taħt amministrazzjonijiet differenti. L-amministrazzjoni preċedenti afdatu mhux f’ħatra waħda imma fi tnejn f’daqqa fl-istess ħin u l-ħidma tiegħu ġiet imfaħħra saħansitra mill-awtoritajiet kompetenti fl-Unjoni Ewropeja. Is-Sur Caruana, okkupa l-kariga ta’ Aġent Direttur tal-Eżamijiet bejn Novembru 1999 sa Marzu 2000 u Assistent Direttur tal-Eżamijiet bejn Marzu 2000 u Frar 2004. Matul dan iż-żmien hu ta kontribut fit-tibdil u tfassil tas-sistemi tal-eżamijiet fil-livell Sekondarju u post-Sekondarju, kif ukoll ħa diversi inizjattivi edukattivi fosthom it-tfassil tas-sistema kompjuterizzata fid-Dipartiment tal-Eżamijiet bħall-introduzzjoni u l-iżvilupp tas-servizzi online tal- e-government u l- m-gov . Kien responsabbli mit-tfassil u l-pubblikazzjoni tal- Quality Service Charter fid-Dipartiment tal-Eżamijiet, kif ukoll ġab l-amministrazzjoni tal -eżamijiet tal-MATSEC fl-istess Dipartiment. Ikkontribwixxa fit-tfassil ta’ inizjattivi li kienu mnedija mid-dipartiment bħall-ECDL. Matul dan iż-żmien huwa kellu kuntatt ma’ universitajiet barranin. Huwa okkupa l-kariga ta’ Infomation Managament Officer fi ħdan il-Ministeru tal-Kompetittivita` bejn Frar u Ottubru 2004. Matul dan il-perjodu huwa kkoordina proġetti relatati mas-Sistema tal-Informatika fi ħdan l-istess Ministeru u mexxa t-trasferiment tas-sistema tal-pagamenti tal-liċenzji tat-televiżjoni għas-Servizzi Korporattivi fi ħdan l-istess Ministeru. Bejn Ottubru 2004 sa Ġunju 2008, is-Sur Caruana serva bħala Direttur tas-Servizzi Korporattivi fi ħdan il-Ministeru tal-Agrikoltura u s-Sajd fejn ta gwida u sapport lid-Direttorati f’affarijiet finanzjarji u ta’ riżorsi umani. Minn Awwissu 2007 sa Ġunju 2008 kien Aġent Direttur tal-Aġenzija għall-Pagamenti fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali, u bejn Ġunju 2008 sa Ġunju 2013 serva bħala Kap tal-Aġenzija għall-Pagamenti tal-Fondi Agrikoli. Matul dan iż-żmien serva wkoll bħala Aġent Direttur Ġenerali tas-Sajd bejn Ottubru 2011 sa April 2013. Matul dan iż-żmien huwa ta kontribut sabiex itejjeb is-servizzi u l-operat ta’ dawn id-Direttorati, kif ukoll ħa sehem intensiv fid-diskussjonijiet li kienu qegħdin isiru fir-Riforma tal-Politika Agrikola Komuni kif ukoll tal-Politika tas-Sajd Komuni rispettivament kemm fuq livell lokali u kif ukoll fi ħdan il-Kummissjoni Ewropeja. Sabiex itejjeb is-servizzi li jingħataw kemm lill-bdiewa u lis-sajjieda, is-Sur Caruana waqqaf ‘call centres’ għall-ħtiġijiet tal-bdiewa u tas-sajjieda rispettivament. Infatti twaqqaf il- Call Centre għall-bdiewa ġewwa Ta’ Qali filwaqt li fi ħdan id-Direttorat tas-Sajd twaqqaf servizz ta’ 24 siegħa Call Centre fejn is-sajjieda jistgħu jinqdew f’kull ħin tal-ġurnata. Tnieda wkoll servizz online għall-bdiewa. Dawn il-kisbiet setgħu jinkisbu permezz ta’ tmexxija effettiva u soda u użu aħjar tar-riżorsi. F’dan il-Ministeru s-Sur Caruana ser ikompli jikkontribwixxi għall-governanza aħjar sabiex jinkisbu r-riżultati mixtieqa u jiġu implimentati l-istrateġiji varji fl-iżvilupp tas-sistema edukattiva, fix-xogħol u fl-oqsma l-oħra li jaqgħu fi ħdan dan il-Ministeru.

Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol — impjegati ingaġġati ma’ kuntrattur

Question

Jista l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati fid-diversi uffiċini u dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu f'Għawdex li huma impjegati ma' kuntrattur? Jista’ jgħid x'inhu x-xogħol li jagħmlu u fejn, min hu l-kuntrattur, x'kuntratt hu u jpoġġih fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista’ jagħti d-data tal-ingaġġ ta' kull impjegat?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant għadu qiegħed jinġabar u tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport – Spejjeż ta’ Media Events

Question

Jista’ l-Ministru jgħid mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum, xahar b’xahar, kemm ġew organizzati PR u media events mill-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport? Kemm kienet l-ispiża ta’ kull attività u kemm kienet in-nefqa totali ta’ dawn l-attivitajiet? Min kienu l-kuntratturi li ħadmu fuq dawn l-attivitajiet u jekk dawn intgħażlux wara sejħa pubblika?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. It-tagħrif huwa dwar kontijiet imħallsa diġà.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — riklamar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, kemm nefqu flus f'kampanji ta' riklamar u sponsorships fuq stazzjonijiet televiżivi u tar-radju, kif ukoll mezzi stampati lokali, l-uffiċċju tiegħu, tas-segretarjat parlamentari u l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, f'dawn l-aħħar sitt xhur, maqsuma skont l-istazzjon jew mezz stampat, kemm tal-istat u kif ukoll privati/politiċi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabelli rigward l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant kif se nsemmi:- Tabella 'A' - Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol/Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja/ EFL Monitoring Board Tabella 'B' - Direttorat għal Servizzi Edukattivi Tabella 'Ċ' - Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ Tabella 'D' - Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi/Aġenzija Programmi tal-Unjoni Ewropeja Tabella 'E' - Kunsill Malti Għall-Isport Tabella 'F' - MCAST Tabella 'Ġ' - NCFHE u MCST L-ammonti indikati huma kontijiet imħallsa diġà.

Edukazzjoni — tnaqqis fil-Budget 2013

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemm xi voti mill-budget tal-edukazzjoni 2013, li ġew mnaqqsa minn kif approvati? Jekk iva, liema? Jekk iva, x’inhu l-ħsieb wara dan it-tnaqqis, vot b’vot?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant dwar il-qasam tal-Edukazzjoni qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

e-learning — infiq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa totali f’investimenti kapitali mill-2008 sal-lum li saru sabiex titwettaq l-istrateġija tal-e-learning? Fiex tikkonsisti dan l-infiq? Kemm intużaw Fondi Ewropej?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li n-nefqa totali f'investimenti kapitali mill-2008 sal-lum li saret mill-Ministeru tal-Edukazzjoni sabiex titwettaq l-istrateġija tal-e-Learning kienet ta' €1.9 miljun. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-infiq relatat mal-istrateġija tal-e-Learning li sar mill-e-Learning Centre mill-2008 sal-lum. Taħt il-kategorija "Resources" insibu teknoloġiji li jgħinu lil studenti bi bżonnijiet speċjali, pubblikazzjoni tal-magażin "LearnIT" u xiri ta' hardware u software bħall-NXT, PRO BOTs, Wii, Digital Camcorder, Talking Photo Albums, eċċ. Dwar in-nefqa ta' Fondi Ewropej fir-rigward tal-Istrateġija tal- e-Learning , nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jindirizza din il-mistoqsija lill-Ministru responsabbli mill-Aġenzija tal-Gvern għall-Informatika.

Ministeru għall-Edukazzjoni – shortfalls fil-budget

Question

Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar shortfalls fil-voti tal-budget għal din is-sena li qed jipproġetta sal-aħħar ta' din is-sena? Jista' jgħid liema huma l-line votes? Kemm hija x-shortfall ta' dawn il-line votes?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li x-shortfalls fil-Vot 15 (Ministeru) u Vot 16 (Edukazzjoni) tal-Budget għal din is-sena kif ġew indikati mill-entitajiet jammontaw għal madwar €15.6 miljun. It-tagħrif dettaljat mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skejjel tal-Knisja — fondi

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 3718, jista' l-Ministru jgħid kemm qiegħed jiġi pproġettat li se jagħti fondi lill-iskejjel tal-Knisja sal-aħħar ta' din is-sena?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-talba totali mill-iskejjel tal-Knisja sal-aħħar tas-sena hija proġettata li tkun ta’ €49,684,283.28. Il- fondi allokati taħt Line Item 5024 – Church Schools għall-2013 huwa ta’ €48,500,000.00. Se jintalbu fondi addizzjonali ta’ €1,184,283.28 mill-Ministeru tal-Finanzi.

Segretarju Permanenti — Handover ta' rapporti

Question

B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 3719 u 1137, jista' l-Ministru jgħid minn min ħa l-parir biex ma jqiegħedx fuq il-Mejda tal-Kamra rapport li sar mis-Segretarju Permanenti? Jista' jagħti r-raġunijiet għalfejn dan ir-rapport ma jistax jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra? Meta wieħed iqis li l-Ministru tkellem dwar dan ir-rapport fil-pubbliku, x'qed iżomm lill-Ministru milli jippubblika dan ir-rapport?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Il-parir kien ingħatali mis-Segretarju Permanenti preċedenti peress li r-rapport li ħejja hu kien intenzjonat għal użu intern. Madanakollu, qiegħed ngħaddi kopja tar-rapport mitlub lill-Onor. Interpellant b'mod kunfidenzjali.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – konsulenti

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 4338, fejn il-Ministru qal li se tingħata tweġiba f'seduta oħra, jista' l-Ministru jgħid x'qed iżommu milli jwieġeb din il-mistoqsija? Jista' jgħid kemm hemm konsulenti mqabbda mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol biex jagħmlu xogħol ta' konsulenza mal-Ministeru u fid-Direttorati tal-Edukazzjoni? X'inhu r-rwol tagħhom u kemm hi l-ispiża ta' kull konsulent?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba kienet qed tinġabar. Rigward il-kumplament tal-mistoqsija, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 4338.

Kunsill Malti għall-Isport – paġni fuq il-Magażin L-Isportiv

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa kull xahar biex il-Kunsill Malti għall-Isport ikollu għaxar paġni kull xahar fuq il-magażin L-Isportiv, u kemm hi n-nefqa biex dan il-magażin qed jintbagħat bil-posta lill-għaqdiet sportivi u lill-kunsilli lokali? Jista’ jgħid kemm kienet l-ispiża kull xahar meta l-Kunsill Malti għall-Isport, qabel Marzu li għadda, kellu seba’ paġni kull xahar fuq il-magażin sportiv u kemm kienet in-nefqa fuq il-posta dak iż-żmien? Jista’ jgħid ukoll min, fil-Kunsill Malti għall-Isport jieħu ħsieb jikteb l-artikli li jidhru fuq il-magażin f’isem il-Kunsill Malti għall-Isport?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-Kunsill Malti għall-iSport bħalissa qed iħallas €3,356 fix-xahar għall-pubblikazzjoni u d-distribuzzjoni bil-posta tal-magazin l-Isportiv, mentri qabel Marzu li għadda din l-ispiża kienet ta’ €1,400 fix-xahar. Din iż-żieda fl-ispejjeż hija dovuta għal żieda fin-numru ta’ kopji, żieda sostanzjali fin-numru ta’ paġni u tqassim tal-magazin fil-Kunsilli Lokali kollha ħalli tinxtered iktar il-kultura sportiva. Il-paġni tal-KMS jinkitbu mill-editur tal-magazin, kif ukoll mill-uffiċċju tal-komunikazzjoni tal-KMS.

Pixxina Nazzjonali — xogħlijiet

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 5019, jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa stmat li jiswa x-xogħol li huwa propost fir-rapport imqiegħed?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li x-xogħol huwa stmat li jiswa €610,000.00

Tal-Qroqq — Kumpless Sportiv - Manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħol ta’ manutenzjoni sar fil-Kumpless Sportiv tal-Qroqq inkluż fil-Pixxina Nazzjonali minn Marzu 2013 ’l hawn?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Il-lista tax-xogħlijiet li saru fil-Kumpless Sportiv tal-Qroqq qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra. Dan huwa parti mix-xogħol li hemm bżonn li jsir ħalli l-pixxina terġa' tiġi fi stat li jixraq Kumpless bħal dak.

Skejjel pubbliċi – ħalib u frott frisk

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li hemm xi skejjel pubbliċi li fihom it-tfal mhux qed jingħataw iktar ħalib frisk u frott frisk? Jekk dan hu minnu, jista’ jgħid għalfejn ittieħdet din id-deċiżjoni u min ġie kkonsultat qabel ittieħdet din id-deċiżjoni?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li kull skola statali Primarja f'Malta u f'Għawdex tipparteċipa fl-iskema tal-Frott u l-Ħaxix. Hemm ukoll erba' Ċentri tar-Riżorsi Edukattivi li jipparteċipaw f'din l-iskema. Rigward il-ħalib, l-iskejjel statali Primarji kollha rċevew ċirkulari f'Ottubru 2013 biex min ikun interessat jipparteċipa fl-iskema jibgħat l-applikazzjoni. S'issa għadhom deħlin l-applikazzjonijiet. Id-deċiżjoni tittieħed mill-Kap tal-Iskola. L-għadd ta' skejjel primarji li qed jingħataw ħalib hu 51 filwaqt li dawk li mhux qed jingħataw hu 21.

Pubblikazzjoni ta’ kotba bil-Malti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’qed jagħmel il-Gvern sabiex jippromwovi iktar l-ilsien Malti? Teżisti xi tip ta’ għajnuna jew kumpens għal min jikteb u jippubblika kotba bil-Malti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tagħrif bi tweġiba għall-mistoqsija tal-Onor. Interpellant.

Evalwazzjoni ta’ Kwalifiċi Nazzjonali u Internazzjonali — applikazzjonijiet

Question

Peress li l-proċess ta' kif applikazzjoni għall-Evalwazzjoni ta’ Kwalifika Nazzjonali u Internazzjonali tiġi evalwata u bħalissa l-metodu online jieħu t-tul u trid tintu¿a wkoll ir-reġistrazzjoni tal-e-id li ttawwal aktar dan il-proċess u hemm ka¿ijiet fejn saħansitra ilhom minn Novembru tal-2012 sabiex jiġu evalwati kwalifiċi internazzjonali, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb sabiex dan il-proċess jitħaffef u jitjieb? Kemm-il applikazzjoni ġiet evalwata bejn 2008 sal-2012?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li s’issa l-applikazzjonijiet għall-Evalwazzjoni ta’ Kwalifiki Nazzjonali u Internazzjonali ma jsirux online permezz tar-reġistrazzjoni tal-e-id. Qatt ma kien hemm dan il-proċess in place. L-applikant jista’ japplika għal dan is-servizz billi jidħol fil-website tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (NCFHE) www.ncfhe.org.mt fejn hemm l-applikazzjoni taħt is-sezzjoni tal-website li jisimha MQRIC (Iċ- Ċentru Malti ta’ Informazzjoni dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki). Sabiex il-proċess ta’ evalwazzjoni jitjieb se jinxtara hardware ġdid fit-taqsima tal-MQRIC li taqa’ taħt l-NCFHE. Se tiġi żviluppata wkoll database li se tkun online . F’din id- database l-individwu se jkun jista’ jsib ħafna informazzjoni dwar l-Evalwazzjoni ta’ Kwalifiki Nazzjonali u b’hekk in-numru ta’ applikazzjonijiet se jitnaqqas ħafna. S’issa ġew evalwati dawn l-applikazzjonijiet – Sena 2009 – 1112-il kwalifika li minnhom ġew evalwati 954 (85%). Kien hemm ukoll 286 applikazzjoni prospettiva. Sena 2010 - 6400 kwalifika li minnhom ġew evalwati 5997 (93%). Kien hemm ukoll 1703 applikazzjoni prospettiva. Sena 2011 – 7607 kwalifika li minnhom ġew evalwati 2059 (92 %). Kien hemm ukoll 1396 applikazzjoni prospettiva. Sena 2012 – 8437 kwalifika li minnhom ġew evalwati 7144 (84%). Kien hemm ukoll 1302 applikazzjoni prospettiva. Infurmat li l-MQRIC mhux f’pożizzjoni li jagħti tagħrif statistiku qabel l-2009 peress li qabel din is-sena kienet tintuża sistema differenti li m’għadiex fis-seħħ.