Legislature:
Category:
Reset
Active:

Fabbrika ġdida tal-ħalib frisk

Question

Jista' il-Ministru jaġġornani dwar il-proġett tal-fabbrika ġdida tal-ħalib frisk? Din se tkun lesta qabel Mejju 2004 jew wara u fil-każ, meta hu maħsub li din tkun inbniet?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li, wara li saru konsulenzi kemm ma’ esperti Ewropej kif ukoll ma’ esperti privati, ġie deciż li għas-snin li ġejjin tiġi upgraded il-fabbrika preżenti. Ix-xogħol diġa beda u huwa pprogrammat biex jitlesta is-sena d-dieħla.

Proċessuri tat-tadam

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm tħallsu f'sussidji ta' flus il-proċessuri tat-tadam lokali fuq it-tadam li xtraw mingħand il-bdiewa separatament? Kemm kienet il-produzzjoni f'Malta u Għawdex separatament u fuq kemm tmien ta' raba'?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sena l-oħra, is-sussidji fuq it-tadam tħallsu skond il-piż u mhux skond it-tmiem ta’ raba u kienu jammontaw kif muri fit-tabella t’ hawn taħt. Mis-sena d-dieħla, il-ħlas se jsir skond l-‘area’ ta’ produzzjoni u d-dettalji ta’ produzzjoni f’ Malta u f’ Għawdex se jinżammu separatament. Ninsab infurmat li b' kollox tħallsu l-ammont ta' Lm325,142.21 lil tliet proċessuri tat-tadam: Sussidju ta’ 5ċ / kg Magro Brothers Ltd. - Lm 176,052.30 (3,521,046 kg) Vernon Foods Manufacturing and Trading Ltd. - Lm 118,442.86 (2,368,857 kg) Farmers Foods Ltd. - Lm 30,647.05 ( 612,941 kg) Ma jinżammux figuri separati għall-produzzjoni ta' tadam għal Malta u Ghawdex iżda l-produzzjoni totali kienet ta' 6.5 miljun kilo.

Konsortium tal-landscaping

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 115, jista' il-Ministru jinformani bid-dettall separatament u cioe` kemm intnefqu flus a) fil-pjanti; b) fi xtieli; c) f'siġar; d) f'vetturi; e) f'inġenji u apparat ieħor iżda mhux inkluż in-nefqa li tħallset lill-ħaddiema bħala bonus jew overtime?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab Infurmat li l-ftehim li sar bejn il-Gvern u l-‘Embellishment and Landscaping Consortium’ jipprovdi għal żewġ tipi ta’ pagamenti, dawk għal manutenzjoni u dawk fuq proġetti : i. Manutenzjoni Il ħlas għall-manutenzjoni isir fuq rata ta’ ‘ manday basis ’ li hija ‘ all inclusive ’, jiġifieri tinkludi pagi, salarji, ‘ bonuses ’, ‘ overtime ’ materjal, inġenji, tgħamir, spejjeż oħrajn ( overheads) u qliegħ ( profit). Sa l-aħħar ta’ Mejju 2003 tħallsu Lm 1,453,103.70 fuq manutenzjoni. ii. Proġetti Il-proġetti jitħallsu kemm a bażi ta’ materjal pprovdut, kif ukoll għall-pagi, salarji, ‘ bonuses ’ etc. Sa l-aħħar ta’ Mejju 2003 tħallsu Lm 336,676.89 għal materjal pprovdut u Lm 277,715.30 għall-pagi.

Applikazzjonijiet — MEPA - Bini tal-Gvern

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm saru applikazzjonijiet quddiem il-MEPA għall-bini tal-Gvern (Housing ġdid) mill-Awtorita' tad-Djar u mid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar minn Jannar 2002 sal-15 ta' Lulju 2003? Liema huma il-lokalitajiet? Liema xahar saru l-applikazzjonijiet? Liema proġetti diġa ħareġ il-permess tagħhom u meta ħareġ il-permess?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-infurmazzjoni mitluba.

Valletta — Karozzini fil-pjazza

Question

B'referenza għal mistoqsijiet oħra li għamilt jien dwar iż-żwiemel (tal-karozzini) li qed jinżammu esposti għax-xemx quddiem il-Palazz fejn kont ġejt aċċertat qabel ma l-Parlament aġġorna għall-vaganzi tas-sajf li qed jittieħdu passi biex din il-problema tiġi riżolta, jista' l-Ministru ġentilment jinforma lill-Kamra għaliex dawn il-povri żmiemel tħallew sajf ieħor esposti għax-xemx u sħana enormi li kienet qed tagħmel? Għaliex din il-każ ċar ta' moħqrija fuq dawn l-annimali qed jitħalla jiġri quddiem l-ogħla awtoritajiet u quddiem l-istess Parlament li ftit żmien ilu illeġisla kontra l-moħqrija ta' l-annimali u jibqa' qisu ma qed jiġri xejn? Jista' l-Ministru ġentilment jintervjeni personalment biex din il-problema tiġi riżolta fl-aqsar żmien possibbli?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l-Kunsill Lokali ta’ l-Belt Valletta għamel arranġamenti sabiex waqt is-sħana tas-sajf, il-karozzini tpoġġew ma’ ġemb il-Palazz, fid-dell, jew ta’ n-naħa ta’ Pjazza Regina, jew in naħa l-oħra, fi Triq L-Arcisqof. Sadanittant, l-istess Kunsill Lokali għadu għaddej biex isib soluzzjoni dejjiema. Nixtieq ninforma wkoll lill-Onor. Membru li d-Diviżjoni ta’ l-Ikel u Attivita’ Veterinarja ħadet inizzjativa billi ġew avvicinati kucciera individwali fejn ġie spjegat lilhom il-ħarsien ta’ żwiemel kemm waqt li jkunu fil-venda, kif ukoll waqt ix-xogħol. Qegħdin jitħejjew gwidi (guidelines) ta’ limiti fisjoloġici biex il-kucciera jevitaw li ż-żwiemel tagħhom jgħaddu minn stress.

Annimali mdaħħla Malta illegalment

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'se jsir mix-xadina li nqabdet tiddaħħal Malta illegalment maqfula u marbuta f'bagalja? Jaqbel il-Ministru li wara l-moħqrija li għaddiet minnha din ix-xadina, issa m'għandhiex tinżamm maqfula bla bżonn u jekk hu possibbli tinħeles fl-abitat addattat għaliha?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-annimali li jinqabdu jiddaħħlu Malta illegalment jinżammu l-kwarantina sakemm tinqata’ is-sentenza tal-Qorti u sakemm tinstab akkomodazzjoni adegwata lokalment, jew barra minn Malta. Din issir bil-kollaborazzjoni mal-Awtorita’ ta’ l-Ambjent u l-Ippjanar (M.E.P.A.)

Bdiewa/raħħal/sajjieda — Għajnuna finanzjarja

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 89, jista' il-Ministru jinfurmani kemm kien in-numru ta' bdiewa, raħħala u sajjieda separatament u jagħti l-ammonti separati?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninfurma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għada qed tinġabar.

Irziezet

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn f'pajjiżna irziezet tat-tiġieġ; irziezet tal-fniek; irziezet tal-majjal u irziezet tal-baqar? Jista' jgħid ukoll jekk sarux rapporti dwar kif sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea se tolqot u taffettwa n-numru ta' dawn l-irziezet? Jekk ir-risposta hi fl-affermattiv, jista' jgħid kif dan se jsir u minn liema rapporti u studji jirriżulta dan? Jekk huwa possibbli, jista' ukoll ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' dawn ir-rapporti?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta' rziezet huwa: Tiġieġ (Broilers/Layers) 355 ir-razzett Majjal 172 ir-razzett Baqar 149 ir-razzett Għar-rigward ta' fniek dawn mhumiex irreġistrati fil-mument, iżda fil-futur qrib, dawk li għandhom iżjed minn 20 fenka, ser ikunu jridu jirreġistraw mad-Divizjoni tal- Ikel u Attivita' Veterinarja, u għalhekk ser ikollna figura ghal dawn. Ma kienx meħtieġ li jsiru xi rapporti minħabba li l-parti l-kbira ta’ l-annimali fl-irziezet għall-laħam jew ħalib kellhom permess / kwoti skond il-Konvenzjoni ta’ l-Kunsill ta’ l-Ewropa li hija riflessa fil-liġijiet ta’ l-Unjoni Ewropeja. Sar survey intensive fuq kull razzett ta’ l-industrija tal-bajd, fejn hemm numru ta' rziezet li m' għandhomx gaġeġ adattati. Intlaħaq ftehim mal-Unjoni Ewropeja biex 12 ir-razzett ikollhom żmien ta’ tranżizzjoni ta' sentejn biex jirranġaw il-gaġeġ.

Annimali li jiddaħlu Malta illegalment — Kwarantina

Question

B'referenza għar-rapporti li dehru fl-istampa lokali wara li fid-dwana nqabdet xadina tiddaħħal Malta illegalment u li qed tinżamm kwarantina, jista' l-Ministru jgħid hemmx il-ħsieb li jsir titjib fil-faċilitajiet ta' fejn jinżammu l-annimali kwarantina minħabba li skond dawn ir-rapporti dan il-post hu nieqes minn faċilitajiet adegwati?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Il-kwarantina isiru modifikazzjonijiet kontinwament biex kemm jista' jkun tkun adegwata għal kull tip ta' annimal li jiddaħħal Malta, kemm legalment, kif ukoll illegalment. Fil-futur immedjat ser jinbena Border Inspection Post li jkun immaneġġjat mit-Taqsima ta' l-Ikel u Attivita' Veterinarja, u dan il-post se jkollu il- facilitajiet l-aktar bżonnjużi.

Ħaddiema — Post fejn jinżammu l-annimali kwarantina

Question

Kemm hemm impjegati jaħdmu fil-post fejn jinżammu l-annimali kwarantina u x'inhu l-grad tagħhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninfurma lill-Onor. Interpellant li fil-post fejn jinżammu l-annimali kwarantina hemm disa’ (9) impjegati. 1 Assistant Veterinary Support Officer 2 Senior Operatives 6 General Hands

Annimali mdaħħla Malta illegalment — Post fejn jinżammu - Kwarantina

Question

B'referenza għar-rapporti li dehru dan l-aħħar fl-istampa lokali fejn intqal li annimali li jinqabdu jiddaħħlu Malta illegalment jibqgħu jinżammu maqfula fil-kwarantina sakemm imutu jista' l-Ministru jgħid jekk dan hux veru jew le? Kemm hemm annimali bħalissa f'dan il-post? Kemm minnhom inqabdu jiddaħħlu Malta illegalment jew ġew konfiskati mill-awtoritajiet? Kemm ilu hemm kull annimali? Jista' l-Ministru ġentilment iwieġeb dawn il-mistoqsijiet waħda waħda?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninfurma lill-Onor. Interpellant li 1. L-annimali jinżammu il-kwarantina sakemm tinqata' is-sentenza tal-Qorti u sakemm tinstab akkomodazzjoni adegwata lokalment jew barra minn Malta. Din issir b’ kollaborazzjoni mal-Awtorita’ ta’ l-Ambjent u l-Ippjanar (M.E.P.A.). 2. Kien hemm 45 li inġiebu illegalment/konfiskati. L-annimali l-oħra, l-aktar klieb u qtates jagħmlu il-perjodu kif stipulat fil-liġi tal-kwarantina u għalhekk jidħlu u joħorġu regolarment. 3. Għar-rigward tat-tielet parti tal-mistoqsija, l-informazzjoni għada qed tinġabar

Sussidji — Sajjieda

Question

B'referenza għas-sussidji li ngħataw lis-sajjieda jista' il-Ministru jagħtini b/down lill-min ingħataw u kemm?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari miktuba numru 12.

Wied il-Għajn — Impjanti ta' riċiklaġġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid xi pjanijiet għandu l-gvern għas-solid waste recycling plant kif ukoll tal-liquid recycling plant ta' Sant'Antnin ġewwa Marsascala?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkoncernat.

Wied il-Għajn — Tindif ta' materjal tal-kostruzzjoni

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhu jżomm milli jsir it-tindif tal-materjal ta' kostruzzjoni li kien intefa' fil-qasam li jiġi wara r-razzett tal-ħbiberija u l-impjant tar-riċiklaġġ ta' Sant'Antnin ġewwa Marsascala?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkoncernat.

Ilma — Livell ta' salinita'

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-livell ta' salinita' fl-ilma li jitqassam lill-bdiewa huwiex ta' livell aċċettabbli jew le u jekk fin-negattiv, dan ikunx ta' ħsara għall-uċuħ tar-raba'?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li s-salinita’ ta’ l-ilma li jitqassam lill-bdiewa mill-impjant tat-tisqija tad-drenaġġ qegħda tvarja matul il-ġurnata, u minn ġurnata għall-oħra, u minħabba f’ hekk isir monitoraġġ regolari biex f’ ħinijiet li l-livell joqrob lejn livelli mhux aċċettabbli, dan ma jintużax għat-tisqija. Jien infurmat ukoll li minn-naħa tad-Dipartiment tad-Drenaġġ qed jittieħdu l-miżuri neċessarji biex il-livell ta’ salinita’ jibqa’ aċċettabbli. Għal aktar informazzjoni nistieden l-Onor. Interpellant biex isaqsi ‘l-Ministru kkonċernat.

Greenhouse gases

Question

Jista' il-Ministru jgħid xi prekawzjonijiet se jittieħdu biex jiġu kkontrollati l-greenhouse gases li jiġġeneraw il-landfills u jekk hemmx pjanat fil-futur li dawn ir-renewable energy sources jintużaw biex jiġġeneraw l-elettriku?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Waħda mill-aspetti mportanti ta' ‘engineered landfill’ hi li il-‘greenhouse gases’ li tipproduċi jiġi mmonitorjati u kkontrollati. Fil-fatt il-‘greenhouse gases’ iġġenerati minn ‘engineered landfill’ jiġu miġbura permezz ta' sistema ta' ‘pipes’ u pompi u jispiċċaw maħruqin ġo ‘flare’ biex ma jagħmlux ħsara amjentali. Din is-sistema ta' ġbir tal-gassijiet tinkludi wkoll strumenti li kontinwament jimmornitorjaw il-gassijiet li jkunu qed jiġu ġġenerati. Jekk tiġi żviluppata ‘engineered landfill’ fil-viċinanzi tal-Magħtab hu mistenni li ftit li xejn ikunu ġġenerati ‘landfill gases’ addizzjonali. Fil-fatt, hu mistenni li meta tibda tintuża l-‘engineered landfill’ il-ġdida jonqsu l-gassijiet li jiġu ġġenerati mill-Magħtab minħabba l-fatt li ma jibqax jiżdied l-iskart domestiku li bħalissa jintrema f' din il-miżbla. Filwaqt li jekk tieqaf topera l-Magħtab preżenti u tibda topera ‘engineered landfill’ l-ammonti ta' ġenerazzjoni ta’ ‘greenhouse gases’ fl-inħawi huma mistennija li jonqsu drastikament. Għar-rigward tat-tieni parti tal-mistoqsija, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat. Nixtieq infakkar lill-Onor. Interpellant li dan il-Ministeru hu responsabbli mir-regolamentazzjoni għall-proġetti ta’ l-iskart u mhux għall-implementazzjoni tagħhom.

Magħtab — greenhouse gases

Question

Jista' il-Ministru ġentilment jgħid jekk il-volum ta' greenhouse gases ġenerati mill-Magħtab humiex se jiżdiedu mal-greenhouse gases li tista' tiġġenera landfill daqshekk viċina? Dan l-effett se jiġi monitorjat rigorożament u kif se jiġi monitored? Dawn jistgħu jkunu ta' periklu għall-abitanti tan-Naxxar u ta' San Pawl il-Baħar u l-viċin?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 1226.

Ħal-Lija — Triq Sant'Andrija - Twaħħil ta' antenna

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-policy tal-MEPA dwar it-twaħħil ta' antenna tat-telefonija ċellulari f'partijiet residenzjali? Jista' jgħid meta saret l-applikazzjoni biex titwaħħal antenna simili fuq il-bejt ta' fond nru. 21, Triq Sant'Andrija, Ħal-Lija? Meta ġiet approvata? Meta saret l-ewwel oġġezzjoni m ill-kunsill lokali? Jikkonferma li din l-antenna kellha titwaħħal fuq il-bejt ta' skola ftit passi 'il bogħod minn din ir-residenza u kien hemm oġġezzjoni mid-dipartiment ta' l-edukazzjoni? Il-MEPA hi sodisfatta li din it-tip ta' antenna ma tagħmel l-ebda ħsara lil bniedem? Japprezza li r-residenti ta' l-inħawi huma nkwetati dwar dan?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien ninsab infurmat li f' każijiet bħal dawn ma' ssirx konsultazzjoni mad-Dipartiment tas-Saħħa minħabba il-‘blanket clearance’ li hemm mill-istess Dipartiment. Dwar il-każ inkwestjoni (PA 6245/02) ġiet segwita l-istess proċedura. Barra minn hekk saret ukoll kundizzjoni li l-permess huwa suġġett għall-approvazzjoni mid-Dipartiment tas-Saħħa. L-applikazzjoni ġiet validata fis-7 ta' Novembru 2002, filwaqt li d-deċiżjoni ttieħdet fit-2 ta' Dicembru 2002. Waqt l-ipproċessar ta' din l-applikazzjoni ma saret l-ebda oġġezzjoni minn-naħa tal-kunsill lokali. Ftit l-boghod min dan is-sit kien hemm applikazzjoni (PA 1452/02) li ġiet rrifjutata fit-2 ta' Lulju 2002, għar-raġuni li kien hemm oġġezzjoni mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni.

Prodotti — Sussidji

Question

B'referenza għall mistoqsija parlamentari numru 82 jista' il-Ministru jinfurmani bil-presentaġġi li se jkunu susidjati l-prodotti l-oħra bħal laħam aħmar, butir, ġobon, trab tal-ħalib xkumat u ħafna prodotti oħra? Jista' il-Ministru jgħid ukoll kemm se tkun l-ispiża ġdida fuq dawn il-prodotti sija għall-konsumaturi u fuq il-finanzi tal-Gvern u jew l-industrija ta'l-ikel ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-istess persentaġġi japplikaw għall-prodotti msemmija. Fir-rigward tal-prezzijiet, l-għan tas-sussidji hu li l-prezz tal-konsumatur jibqa’ l-istess ħlief, naturalment, meta l-prezz jiżdied minħabba żidiet fi spejjeż oħra. L-effett fuq il-finanzi tal-Gvern għandhu jkun newtrali minħabba li l-Gvern ser idaħħal aktar milli joħroġ fil-bilanċ ma’ l-UE. L-effett fuq l-industrija għandhu jkun ukoll newtrali dejjem jekk bħala total dawn ma jaqbżux il-livelli storiċi ta’ produzzjoni. Ta’ min isemmi li s-sussidju hu degressiv, iżda kif ingħad f’ diversi okkażjonijiet, id-differenza fil-prezzijiet bejn dawk Ewropej u dawk internazzjonai għandha tonqos sew u x’ aktarx tispiċċa għal kollox.