Kummissarju għall-Ġustizzja – seduti fuq każijiet tad-drogi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il seduta nżammet mill-Kummissarju għall-Ġustizzja li tippresjedi fuq każjiet tad-drogi ai termini tal-Kapitlu 537 tal-Liġijiet ta’ Malta?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella t’hawn taħt:
Każijiet ppreżentati lit-Tribunal bejn Sep 2015 u Mar 2016
Numru ta’ każijiet
First time Offenders Maltin
258
First time Offenders Barranin
86
Total Cases
344
Kummissarju għall-Ġustizzja – nies li dehru darbtejn u aktar fuq akkużi relatati maddroga
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi nies li diġà dehru darbtejn jew aktar quddiem il-Kummissarju għall-Ġustizzja fuq akkużi relatati mad-droga ai termini tal-artikolu 5(1) tal-Kap 537?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm l-ewwel każ ta' second time offender nhar il-Ġimgħa 8 ta' April. Huwa previżt li dan in-numru jiżdied issa li kien hemm numru sostanzjali ta’ persuni li dehru għall-ewwel darba. Il-każ li ġie riferut lill-Bord tar-Riabilitazzjoni kien każ serju ħafna li jinvolvi minuri li kellu diversi problemi psiko-soċjali li jeħtieġu attenzjoni mill-professjonisti. L-impożizzjoni ta' trattament f'dan il-każ kien providenzjali għax il-minuri ma xtaqx li jirċievi għajnuna u ried li jkompli bl-abbuż tad-droga. Meta ġie spjegat lil din il-persuna li jkun aħjar jekk issegwi il-pjan ta' trattament, din il-persuna stess tat l-kunsens tagħha u ikkooperat. Grazzi għall-liġi l-ġdida tad-droga, din il-persuna minorenni ngħatat ċans ieħor u bdiet tingħata t-trattament dovut.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk id-Drug Offenders Rehabilitation Board ippreżentax xi rapporti b'rakkomandazzjonijiet lura lill-Qorti tal-Maġistrati minn mindu ġie fis-seħħ il-Kap 537?
Response (BONNICI, OWEN)
Id-Drug Offenders Rehabilitation Board regolarment jirreferi lil Qorti tal-Maġistrati dwar ir-rijabilitazzjoni ta’ kull każ li jidher quddiemu, kif ukoll kull meta l-Qorti tal-Maġistrati titlob rapport fuq xi każ partikolari.
Jista’ l-Ministru jgħid b'żieda mal-mistoqsija parlamentari W425 jekk apparti l-ħames każijiet li kienu qegħdin jiġu mismugħha quddiem il-maġistrat li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament fejn din ikkonvertit ruħha f'Drug Court, kienx hemm qrati oħra preseduti minn maġistrati oħra li għamlu l-istess, u jekk iva, kemm kien hemm?
Response (BONNICI, OWEN)
Apparti l-ħames każijiet quddiem il-Ġudikant imsemmi, kien hemm każ wieħed quddiem Maġistrat ieħor.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi appelli mill-Avukat Ġenerali mis-sentenzi li ngħataw mill-Kummissarju għall-Ġustizzja li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u f'każ li kien hemm, kemm kien l-ammont u jekk dawn ġewx konfermati?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li ma kien hemm ebda appelli mill-Avukat Ġenerali minn deċiżjonijiet indikati fil-mistoqsija parlamentari.
LESA – Triq Mons. Mikiel Azzopardi – speed cameras
Question
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 24537, jista’ l-Ministru jgħid x’kien l-eżitu tad-diskussjonijiet bejn il-Local Enforcement System Agency (LESA) u Transport Malta? Meta se jiġu stallati speed cameras fi Triq Mons. Mikiel Azzopardi (il-bypass tas-Siġġiewi) biex jiġu evitati aktar aċċidenti fatali?
Response (BONNICI, OWEN)
Sal- 11 t’April 2016, il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi ma kien issottometta l-ebda talba għall-istallazzjoni ta’ din l-ispeed camera lill-Aġenzija LESA. Wara li ntalbet informazzjoni ghall-mistoqsja parlamentari 24537 il-LESA ddiskuttew din il-kwistjoni mat-Transport Malta.
Fid -19 t’April il-LESA ghamlet laqgha mas-Sindku tas-Siġġiewi fejn giet diskussa din il-kwistjoni. Ġie maqbul illi jsir studju professjonali tat-triq minn espert tat-traffiku, kif jiġi ffinalizzat dan ir-rapport, minn naħa tal-Agenzija LESA ser isir laqgha ma’ Transport Malta biex jigu decizi l-passi li jmiss.
Forti Sant’Iermu – bibien magħluqa għall-viżitaturi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet ir-raġuni li fis-16 ta’ Awwissu 2015, il-Forti Sant’ Iermu għalaq il-bibien tiegħu għall-viżitaturi qabel il-ħin uffiċjali? Jista’ wkoll jgħid għaliex seħħ dan mingħajr avviż u f’ħin propizju?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li fid-data msemmija inġabru ħafna nies li riedu jidħlu Sant’ Iermu u għalhekk ftit qabel il-ħin uffiċjali ta’ għeluq ma ġewx aċċettati iżjed nies għax inkella l-viżitaturi kollha ma kienx se jkollhom ħin biżżejjed sabiex iżuru l-forti.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-Mużew tal-Arti (MUŻA) jkun awtonomu minn Heritage Malta u jsir istituzzjoni indipendenti ffukat fuq l-Arti u msejjsa fuq l-artist?
Response (BONNICI, OWEN)
Jiena s’intendi nippreferi mudell fejn il-mużew tal-arti (MUŻA) jkun parti minn Heritage Malta, bħalma ġara f’ħafna proġetti oħra maġġuri ko-finanzjati mill-fondi strutturali tal-UE. B’dan il-mod nimmassimizzaw fuq is-sinerġija.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk fis-sena 2015, Heritage Malta, għamlitx użu minn riklami (bi ħlas) li dehru fuq il-midja soċjali? Jekk iva, kemm intefaq fuq dawn?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li Heritage Malta ghamlet hames kampanji pubblicitarji fuq midja socjali fl-2015, li kienu jikkoncernaw wirjiet u attivitajiet kulturali ohra, u li b’kollox swew €477.99.
Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jibda r-restawr tal-pavimentar tal-injam tas-salon li jinsab fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li din is-sena Heritage Malta se tkun qed tagħmel ix-xogħlijiet strutturali meħtieġa fis-saqaf tas-Salon tal-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija. Il-pjan hu li meta dan ikun lest, jibda x-xogħol ta’ konservazzjoni tal-bqija tas-sala. Il-pavimentar ma jidhirx li għandu bżonnijiet urġenti ta’ restawr. Madanakollu ix-xogħol kollu meħtieġ ikun jista’ jsir f’dak l-istadju.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex Heritage Malta ħarġet il-post ta’ Principal Curator għal tliet dipartimenti biss? Jista’ wkoll jgħid meta dawn il-posts se joħorġu għad-Dipartmenti tal-Kuratorjat l-oħra?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li sejħiet simili jiġu ppubblikati jekk tinħass il-ħtieġa u meta l-Aġenzija tħoss li huwa l-aħjar żmien li jsir dan.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 19166, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ pjan ta’ konservazzjoni li Heritage Malta ser tadotta fir-rigward tat-Tempji ta’ Kordin issa li dan is-sit għadda f’idejha?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li t-Tempju ta’ Kordin għadda formalment f’idejn Heritage Malta fil-11 ta’ Marzu. Minn dakinhar it-tempju tnaddaf mill-ħaxix u ħwejjeġ oħra u issa wieħed jista’ jistabbilixxi xi ħtiġijiet ta’ konservazzjoni għandu. Ladarba dan ikun lest, it-Tempju ta’ Kordin jidħol fil-programm ta’ xogħlijiet ta’ konservazzjoni tat-tempji preistoriċi l-oħra.
Nieħu l-opportunita’ li nirringrazzja lill-ħaddiema ta’ Heritage Malta ta’ dan ix-xogħol li sar. Perswaz li l-Onor. Interpellant jaqbel miegħi fuq dan il-punt.
Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — Lista ta' xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24879 u jagħti lista sħiħa tax-xogħlijiet li tqabbdet tagħmel il-kumpanija li d-dettalji tagħha qed jitpoġġew separatament mill-2013 sal-lum? Għal kull każ ta’ xogħol imqabbad, jista’ jgħid fiex kien jikkonsisti, kemm sewa (jew huwa stmat li jiswa), meta ngħata u jekk ingħatax permezz ta’ tender jew direct order?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-Heritage Malta fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizza, Kultura u Gvern Lokali taw xogħol lil kumpanija imsemmija kif jidher hawn taħt.
2013 mix-xahar ta' April
Deskrizzjoni
Ammont, VAT eskluż
Ordni Diretta /
Tender
2013
Hire of Platform Lifter + Driver Preti Exhibition
€265.50
Kwotazzjonijiet
2013
Hire of Platform Lifter + Driver Preti Exhibition
€238.95
Kwotazzjonijiet
2014
Hire of Platform Lifter + Driver Preti Exhibition
€141.60
Kwotazzjonijiet
2014
Hire of Platform Lifter + Driver Preti Exhibition
€283.20
Kwotazzjonijiet
2014
Transport of Planks 100 objects exhibition
€1,475.00
Kwotazzjonijiet
2014
Hire of Platform Lifter + Driver Preti Exhibition
€177.00
Kwotazzjonijiet
2014
Hire of Platform Lifter + Driver Preti Exhibition
€212.40
Kwotazzjonijiet
Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — Lista ta' xogħlijiet/konsulenzi/rapporti
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24873 u jagħti lista sħiħa tax-xogħlijiet/konsulenzi/rapporti li tqabbdu jagħmlu l-kumpaniji li d-dettalji tagħhom qed jitpoġġew separatament mill-2013 sal-lum? Għal kull każ ta’ xogħol/konsulenza/rapport imqabbad, jista’ jgħid fiex kien jikkonsisti, kemm sewa (jew huwa stmat li jiswa), meta ngħata, jekk ingħatax permezz ta’ tender jew direct order u min kien l-uffiċjal li talab ix-xogħol/konsulenza/rapport rispettiv?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li fid-deskasteru tal-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali ma ġie mogħti ebda xogħol lill-kumpaniji imsemmija.
Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — Lista ta' xogħlijiet/konsulenzi/rapporti
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24874 u jagħti lista sħiħa tax-xogħlijiet/konsulenzi/rapporti li tqabbad jagħmel l-individwu li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament mill-2013 sal-lum? Għal kull każ ta’ xogħol/konsulenza/rapport imqabbad, jista’ jgħid fiex kien jikkonsisti, kemm sewa (jew huwa stmat li jiswa), meta ngħata, jekk ingħatax permezz ta’ tender jew direct order u min kien l-uffiċjal li talab ix-xogħol/konsulenza/rapport rispettiv?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-individwu li detallji dwaru ingħataw separatment ġie maħtur bħala Advisor tal-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali fid-19 ta’ Awwissu 2014, b’pakkett ta’ renumerazzjoni kif jidher hawn taħt.
Remunerazzjoni
Salarju
Fi Skala 3
Expertise Allowance
€20,000 kull sena
Expense Allowance
€2,000 kull sena
ADSL / Mobile Allowance
€815 kull sena
Car Allowance
€4,659 kull sena
Kif kont ġa spjegajt f’mistoqsija parlamentari numru 17751, ir-rwol tal-individwu msemmi mill-Onor Interpellant hu li jagħti pariri professjonali fuq affarijiet finanzjarji u assitenza teknika fuq proġetti ERDF. Dan hu rwol importanti ħafna in vista tal- fatt li fondi tal-UE huwa sors finanzjarju kruċjali għat-twettiq ta’ proġetti kapitali f’pajjiżna.
Authorised Officer b'responsabilità għal-lokalitajiet tal-Belt, Furjana u Marsa
Question
Jista' l-Ministru jgħid l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament meta beda bħala Authorised Officer b'responsabilità għal-lokalitajiet tal-Belt, Furjana u Marsa u kemm dam jaħdem f’din il-kariga? Jista' jgħid jekk daħalx jaħdem wara sejħa pubblika jew le? Jista' jgħid x’kienet il-paga tagħha sena b’sena kemm dam jaħdem bħala Authorised Officer? Jista' jgħid x’kienu l-perkaċċi l-oħra kollha li kellha u kemm kienet l-ispiża fuqhom sena b’sena?
Response (BONNICI, OWEN)
Din l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f'seduta oħra.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 24748, liema domanda kienet qed tagħmel referenza għall-mistoqsija parlamentari 24625, li fir-risposta tagħha ngħad li “l-kunsilli lokali jiġu wkoll ikkonsultati fejn ikun neċessarju” (it-tielet line mill-aħħar tal-paragrafu ta' qabel tal-aħħar), jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24748, għaliex ir-risposta tal-Ministru għat-Turiżmu timplika li mhux bilfors se jkun hemm il-konsultazzjoni, aħseb u ara kemm se jkun hemm ko-deċiżjoni?
Response (BONNICI, OWEN)
Nistieden l-Onor. Interpellant sabiex jindirizza d-domanda tiegħu lill-Onor.Ministru li fformula r-risposta għal mistoqsija parlamentari numru 24625.
B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 24006, 20542 u 20222 li saru lill-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali u li issa ġew riferuti lilu, jista’ l-Ministru jgħid sena b’sena kemm ingħataw visas mal-wasla fl-ajruport (border visas) lill-barranin għal raġunijiet mediċi minn Marzu 2013 sal-lum? Lil liema nazzjonalità ngħataw? Jista’ jispeċifika n-numru ta’ visas skont in-nazzjonalità?
Response (BONNICI, OWEN)
Din l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.
Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — Lista ta' xogħlijiet
Question
Jista' l-Ministru jagħti lista sħiħa tax-xogħlijiet li tqabbdet tagħmel il-kumpanija li d-dettalji tagħha qed jitpoġġew separatament mill-2013 sal-lum? Għal kull każ ta’ xogħol imqabbad, jista’ jgħid fiex kien jikkonsisti, kemm sewa (jew huwa stmat li jiswa), meta ngħata u jekk ingħatax permezz ta’ tender jew direct order ?
Response (BONNICI, OWEN)
Din l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.