Jista' il-Ministru issa jirrispondi mistoqsija parlamentari 9974 u cioe' jgħid kemm fetħu investimenti ġodda fis-sena 2004 u kemm inħolqu mpjiegi għal kull waħda?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li fis-sena 2004 ġew approvati total ta' 64 progett li 35 minnhom huma barranin. Minn dawn il-64 proġetti, 23 minnhom huma investiment ġdid u 41 espansjonijiet ta' proġetti ezistenti. Huwa pproġettat li l-64 proġett flimkien wara tliet snin jkunu qed iħaddmu 1,719 ruh. It-23 investiment ġdid waħidhom huwa pproġettat li jħaddmu total ta' 940 ħaddiem full time wara tliet snin. Minn dawn il-progetti ħdax diġa bdew joperaw u qed iħaddmu 66 ħaddiem full-time u 11-il ħaddiem part-time.
Jista' il-Ministru issa jwieġeb mistoqsija parlamentari 9931 u cioe' jgħid jekk ġewx impjegati ħaddiema ġodda mal-Malta Enterprise minn Settembru 2004 sal-lum? Jekk fl-affermattiv, f'liema grad kienu dawn l-impjiegi? Kif saret is-sejħa għall-impjieg? Kemm applikaw? Jista' jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jkunu mpjegati ħaddiema ġodda ma' l-istess entita' fix-xhur li ġejjin?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li minn Settembru sal-lum ġew impjegati 6 min-nies, 2 Executives u 4 Managers. Matul l-istess perjodu telqu tlieta u għad hemm tmien postijiet vakanti.
Is-sejħa għall-impjieg l-ewwel bdiet internament segwita b'sejħa lill-impjegati tal-MDC. Wara, s-sejħa marret għand il-MIMCOL u wara marret għand l-ETC li ħarget il-permess biex toħrog avviż pubbliku. Kien hemm 254 persuna li applikaw għal diversi pożizzjonijiet.
Ħaddiema ġodda ma' l-istess entita', fix-xhur li ġejjin jistgħu jiġu mpejgati skond il-bżonnijiet tax-xogħol.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 9921 u cioe' jista' jgħid x'tip ta' xogħol qed isir fis-silos ta' Kordin Grain Terminal? Minn min qed isir? X'inhi l-istima tax-xogħol?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid f'liema dipartimenti fil-ministeru tiegħu saret l-għażla ta' Green Leaders?
Saret sejħa għall-applikazzjonijiet fid-dipartimenti konċernati?
Xi kwalifiki għandhom dawn il-persuni? Kemm se jitħallsu ta' dan ix-xogħol?
Hemm xi allowances marbuta ma' din il-pożizzjoni?
Response (GATT, AUSTIN)
'Il-green leaders ġew nominati mis-Segretarju Permanenti wara li ntalbu mis-Segretarju Prinċipali Ewlieni fl-uffiċċju tal-Prim Ministru.
M'hemm l-ebda ħlas jew allowances marbuta ma' dan l-inkarigu.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-ammont totali li l-gvern għandu jiġbor ta' l-użu ta' l-elettriku u ilma minn: 1) intrapriżi privati; 2) Dockyard u Malta Shipbuilding; 3) dipartimenti tal-gvern; 4) dipartimenti parastatali u l-awtoritajiet?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 9952 u cioe' jista' il-Ministru jgħid kemm hemm nies temporanji fl-Air Malta? a) f'liema dipartimenti qegħdin? b) kemm ilhom impjegati mal-kumpannija?
Response (GATT, AUSTIN)
Fl-Air Malta hemm 36 impjegati li huma fuq bażi temporanja mxerdin ma' kull dipartiment tal-kumpanija.
Dawn huma mqassmin kif ġej:
6 Sales Department
8 Finance Department
9 Passenger Handling
3 Human Resources
3 Corporate Affairs
2 Ground Handling
Persuna waħda f'kull dipartiment kif ġej:
Operations & Maintenance
Cargo
Flight Services
Operations
Strategic Planning
Minn fost dawn l-ħaddiema temporanji hemm 2 li ilhom impjegati sa mill-1999; 20 daħlu fis-sena 2001; u 14 li daħla fl-2002.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 9953 u cioe' jista' jgħid f'liema stadju waslet il-privatizzazzjoni tas-Sea Malta? Kemm kien hemm kumpanniji Maltin u mhux Maltin li wrew interess? Liema huma?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fil-waqt li l-proċess tal-privatiżżazzjoni tas-Sea Malta għadu għaddej, jifhem ukoll illi l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata biex ma jiġux ippreġudikati n-negozjati.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 9954 u cioe' jista' jgħid f'liema stadju waslet il-privatizzazzjoni tal-Gozo Channel? Kemm kien hemm kumpanniji Maltin u mhux Maltin li wrew interess? Liema huma?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s'issa il-privatizazzjoni tal-Gozo Channel ma ġietx ikkunsidrata.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 9955 u cioe' jista' jgħid f'liema stadju waslet il-privatizzazzjoni tal-Bank of Valletta? Liema kumpanniji wrew interess s'issa u liema huma?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 9955 ngħatat fis-Seduta Numru 223.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 9956 u cioe' jista' jgħid x'inhuma t-taħditiet li għaddejjin bħalissa bejn l-Air Malta u l-Lufthansa?
Response (GATT, AUSTIN)
Peress li l-Air Malta hija kumpanija kummerċjali ma nħossx li jkun prudenti li nagħti dettalji dwar taħditiet li l-kumpanija Air Malta jista' jkollha ma' entitajiet oħra kummerċjali, f'dan il-każ il-Lufthansa.
Jista' il-Ministru jgħid meta se jsir ix-xogħol fuq is-sistema tad-drenaġġ ħalli jitwaqqaf darba għal dejjem il-fawran tad-drenaġġ fit-toroq Sir Hannibal Scicluna u H. Megiser fin-Naxxar?
Response (GATT, AUSTIN)
B'żieda ma' dak li weġibt għall-interpellanza Numru 8232, ninsab infurmat illi t-tender biex jinxtraw il-pompi qiegħda tkun aġġudikata, fil-waqt li t-tender biex jiġi estiż il-main tad-drenaġġ ġiet ippublikata fl-10 ta' Diċembru 2004. Ward li din tkun aġġudikata, ikun jista' jinbeda x-xoghol.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm impjegati ma' kumpanniji/entitajiet/awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li għandhom iktar minn 61 sena? Min huma? Kemm hemm minnhom li qegħdin b'xi forma ta' kuntratt jew huma konsulenti? X'remunerazzjoni u/jew allowance għandhom?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 8854 u 9039 u cioe' jista' il-Ministru jikkonferma li l-ġbir ta' l-arretrati tal-Korporazzjoni Enemalta/WSC u l-Enemalta call centre se jibda jsir minn uffiċini fil-bini ta' l-MOBC, il-Marsa? Jikkonferma li l-uffiċini se jinkrew Lm600 fix-xahar? X'inhu l-arranġament bankarju li sar mal-Bank of Valletta dwar il-ħlas ta' dawn il-kontijiet pendenti? Hu minnu li overdue accounts se jiġu charged 1% fix-xahar?
Response (GATT, AUSTIN)
L-Enemalta ikkonkludiet diskussjonijiet ma' l-MOBC biex tuża uffiċini fil-bini tagħha fil-Marsa biex twaqqaf "call centre" fejn mingħandu jagħti l-flus ikun jista' jinqeda. Intagħżlu dawn l-uffiċini peress li l-MOBC hija kollha kemm hi tal-Gvern u għalhekk il-kera ta' LM600 fix-xahar tibqa' għand il-Gvern.
Barra minn hekk saru arranġamenti mal-banek lokali biex kontijiet pendenti jibdew jitħallsu bi 'standing order' jew 'direct debit', imma mhux minnu li l-'overdue' accounts ser jigu 'charged' 1% fix-xahar imma 8% fis-sena.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari numru 9304 u cioe' jgħid jekk bediex il-pjan tal-gvern għall-bini ta' fabbriki ġodda? Jista' jpoġġi kopja ta' dan il-pjan fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (GATT, AUSTIN)
Il-programm ta' bini ta' fabriki huwa wieħed kontinwu. Kif indikat fid-diskors tal-Budget, fil-fatt, diġa hemm impenn għall-bini ta' fabbriki ġodda li jlaħħqu għall-17-il miljun lira u għalhekk il-Malta Industrial Parks qed tistudja mudell ta' finanzjament privat.
Jekk L-Onor. Membru jaf b'xi pjan partikolari, nitolbu jikkjarifika għall-liema pjan qed jirreferi.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 9352, jista' il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija in vista li issa qed ninformawh separatament bin-numri ta' l-accounts?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-ilma infurmat lill-klijent separatament li l-aġġustament li sar kien wieħed korrett.
L-aġġustament jirrigwarda interchange i.e. qlib ta' konsum bejn konsumatur u ieħor. Il-klient ġie mgharraf bid-dettalji bil-miktub fil-11 ta' Diċembru 2004.
Jista' il-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol ta' l-estensjoni tad-drenaġġ u servizzi oħra bħad-dawl tat-toroq u ilma fi Triq Lorry Sant, Fgura?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien informat li fit-triq imsemmija diġa' hemm mejn għall-provvista ta' l-ilma.
Ix-xogħol ta' l-estensjoni tal-mejn tad-drenaġġ ingħata lill-kuntrattur li ntalab biex jibda x-xogħol immedjatament.
Rigward is-servizz tad-dawl ninforma lill-Onor Interpellant li t-twaħħil ta' bozoz godda fil-Fgura għadda f'idejn il-Kunsill Lokali u m'għadux ir-responsabbilta ta' l-Enemalta. Din tipprovdi biss is-servizz ta' l-elettriku li diġa jezisti fi-triq imsemmija.
Jista' il-Ministru jgħid ma' liema main tad-drenaġġ se titqabbad l-extension li se ssir fi sqaq fi Triq ir-Rabat, Dingli, skond tender WSC/T/110/2004?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li l-estensjoni tad-Drenaġġ imsemmija għandha titqabbad ma' sistema li għadha qed issir, jigifieri ma' sistema fonda ta' mini taħt Rabat Road, Dingli li twassal għall-Pumping Station ta' Ħad-Dingli.
Il-Gvern ħa sehem fl-Israel Telecom 2004 Conference li nżamment f'Tel Aviv fl-ewwel nofs ta' Novembru? Jekk iva minn min kien irrappreżentat u x'sehem kellu l-Ministeru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni fil-Fiera?
Response (GATT, AUSTIN)
Delegat mill-Malta Enterprise attenda l-Israel Telecom 2004 Conference bejn id-9 w l-11 ta' Novembru 2004.
Id-delegat huwa responsabli mill-promozjoni ta' innovazzjoni w żvillup teknologiku fi ħdan l-Malta Enterprise.
L-għan kien li jkattar it-tagħrif fuq il-promozzjoni u għajnuniet għall-kumpanijji godda fil-qasam tal-informatika w teknoloġiċi avvanzati waqt li fl'istess ħin isaħħaħ ir-rabtiet ma' dawk responsabli ta' dan ix-xogħol fl-Israel.
Il-Ministeru ghall-Investiment, Industrija w Teknologija ta' l-Informazzjoni stabillixxa il-kuntatti biex issir iz-zjara.