Legislature:
Category:
Reset
Active:

Detox

Question

Jista' l-Ministru jgħid id-Detox kemm żamm pazjenti din is-sena? Kemm kienu ġodda u x'etajiet kellhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Mill-istatistika miġbura nsibu li bejn Jannar u Marzu 2001, 698 persuna bi problema ta' droga attendew iċ-Ċentru tad-Detox. Minn dawn, 33 kienu ġodda. L-etajiet ta' dawk kollha li attendew kien kif ġej: Eta' Irġiel Nisa 14-19 29 14 20-24 172 37 25-29 201 26 30-34 96 10 35-39 48 13 40-44 25 2 45-49 17 1 50+ 7 0 Total 595 103 Eta' ta' dawk li kienu klijenti ġodda fl-istess perijodu kien kif ġej: Eta' Irġiel Nisa 14-19 8 2 20-24 11 4 25-29 1 2 30-34 1 0 35-39 3 1 40-44 0 0 45-49 0 0 50+ 0 0 Total 24 11

Kontijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid separatament kemm hemm kontijiet pendenti ma' kumpaniji privati u kuntratturi mill-Ministeru u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid separatament kemm jammontaw dawn il-kontijiet u x'jirrigwardjaw?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Sakemm ma tingħatax raġuni l'għala qed tintalab, ma nara l-ebda skop li tinġabar din l-informazzjoni dettaljata.

Housing

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk jistgħawx jittieħdu passi biex isir tkaħħil ta' block IV A, Vjal in-Naspli, San Ġwann fuq barra, kif jidher li sar f'appartamenti oħrajn tal-Gvern fil-qrib?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għaddejt l-ilment ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.

Tiswija ta' Bini

Question

Jista' l-Ministru jara li d-dipartiment inkarigat minn tiswija ta' bini, jara li jiġi rranġat xi bieb ta' barra tal-anzjana hawn taħt indikata, li qed tgħix fil-biża li jidħol fuqha xi ħadd?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għaddejt l-ilment ta' l-Onor Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.

CSA

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li s-CSA issiru tal-post, bħal ma' sar mal-impressed?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Gvern qiegħed jeżamina l-proposta li Assistenti Soċjali Każwali, ma jitqisux aktar bħala self-employed, iżda bħala mpjegati part-time u b'hekk igawdu l-benefiċċji kollha li tagħti l-liġi, u dan skond il-wegħda elettorali li kienet saret.

Anzjani ta' 75

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk anzjani ta' 75 sena humiex intitolati li meta jmorru biex jinqdew ġewwa dipartiment tal-Gvern jew banek jaqbżu l-kju?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-anzjani ta' 75 sena u li huma fil-pussess tal-Kartanzjan huma ntitolati li jaqbżu l-kju meta jmorru l-Isptar jew fiċ-Ċentri tas-Saħħa.

Donazzjonijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid separatament kemm jammontaw id-donazzjonijiet finanzjarji li ingħataw mill-Ministeru u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid separatament kemm jammontaw dawn id-donazzjonijiet u lil min ingħataw u x'kienet ir-raġuni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Sakemm ma tingħatax raġuni l'għala qed tintalab, ma nara l-ebda skop li tinġabar din l-informazzjoni dettaljata.

ETC

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew imħarrġa nies b'diżabilita mill-ETC f'dan l-aħħar 10 snin sena b'sena. 2) Kemm minn dawn kienu nies b'diżabilita fizika u kemm kienu b'diżabilita' neutrali? Jista' l-Ministru jgħid kemm bejn wieħed u ieħor hu ikkalkolat li qam kull persuna trained b'diżabilita fizika u jista' l-Ministru jgħid wkoll separatament kemm ġie jiswa bejn wieħed u ieħor kull persuna b'diżabilita mentali imħarrġa mill-ETC?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.

ETC

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm minn dawk trained mill-ETC li kellhom diżabilta' fiżika jew mentali f'dawn l-aħħar 10 snin instabulhom xogħol part-time jew full-time, kull sena partikolari? Kemm minn dawn għadhom sal-lum fuq il-post tax-xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.

ECG Section

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li ma' l-ECG Section f'St Vincent de Paule tintbagħat taħdem nurse mara minħabba l-pazjenti nisa li qed jiddejjqu li jieħdu servizz min-nurse raġel?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Is-suġġeriment ta' l-Onor Interpellant ser jiġi kkunsidrat fid-dawl tar-riżorsi disponibbli meta tiġi rimpjazzata n-nurse li kienet taħdem fil-post indikat u li rtirat dan l-aħħar bl-eta'.

Time Off

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux veru li dawk li ħadmu fil-ħin tax-xogħol tagħhom fil-ġurnata ta' l-elezzjonijiet lokali se jingħataw s-siegħat li ħadmu bħala time off in lieu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jekk l-Onor Interpellanti qed tirreferi għall-impjegati tal-Gvern, nitlobha tirreferi l-Mistoqsija tagħha lill-Prim Ministru.

Ta' Ġiorni — Drenaġġ

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 24337 li oriġinarjament kienet saret lil Ministru għall-Ambjent u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe: jista' jara li jittieħdu l-passi meħtieġa biex id-drenaġġ tal-block kollu ma jibqax jiżbokka u jiżbroffa fil-garaxx mingħand l-inkwilini ta' Blk A, 1, Bertha KIIg, f'Ta Ġiorni? Meta se jittieħdu dawn il-passi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għaddejt it-talba tal-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.

Permess ta' Parking

Question

Jista' l-Ministru jara li jittieħdu passi biex il-persuna li d-dettalji qed jintbagħtu separatament tingħata l-permess li jkollha spazju qrib id-dar fejn tipparkja l-karozza tagħha peress li saħħitha qed tiddeterjora u ma tistax timxi distanzi twal?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li permess għal Reserved Parking quddiem id-dar ta' persuni b'diżabilita' jingħataw lill-dawk li għandhom diżabilita' severa u permanenti. Ninsab infurmat li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant la ssofri minn diżabilita' severa u lanqas permanenti.

Ċentru Residenzjali ta' l-Anzjani

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li tintlaqa favorevolment l-applikazzjoni tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament biex jidħol f'xi ċentru residenzjali ta' l-anzjani peress li saħħtu marret lura u ma jiflaħx jieħu ħsieb tiegħu nnifsu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna msemmija applikat biex tidħol f'dar ta' l-anzjani fit-2 ta' April li għadda. Bħalissa l-persuna qiegħda rikoverata fl-Isptar San Luqa u l-każ ġie riferut għand is-Social Worker biex isir l-assessment.