Tista' il-Ministru tgħid jekk wara li anzjana ta' madwar 82 sena li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, applikat għas-servizz care & repair u meta saret l-ispezzjoni mill-awtorita' tad-djar fuq il-post f'Bormla, it-tifel tal-persuna ndikata kien iddikjara li kien jippreferi li x-xogħlijiet isiru minn kuntrattur imqabbad minnhom taħt Skema W, jistax ix-xogħol isir mill-kuntrattur taħt l-inizjattiva tal-care & repair?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Jekk il-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant bidlet il-ħsieb tagħha, tista' tinforma lill-Awtorita' tad-Djar li trid li x-xogħolijiet isiru taħt l-inizjattiva tal-Care and Repair.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 6225, huwa ġentilment possibbli li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tibbenefika mis-servizz care & repair, minħabba li tħoss li għal diversi raġunijiet mhix f'pożizzjoni li tibbenefika minn Skema W?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Jekk il-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant bidlet il-ħsieb tagħha, tista' tinforma lill-Awtorita' tad-Djar li trid li x-xogħolijiet isiru taħt l-inizjattiva tal-Care and Repair.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 5800 fejn l-applikanta ġiet informata mill-Ministru tal-Familja u tas-Solidarjeta' Soċjali illi d-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali qed jikkonsidra l-applikazzjoni flimkien ma' oħrajn simili, tista' issa tgħid jekk minn meta ġiet imwieġba dik il-mistoqsija sal-lum, kienx hemm xi moviment pożittiv biex din l-applikanta tiġi provduta b'post alternattiv?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li ma hemmx żviluppi ġodda dwar il-każ indikat mill-Onor. Interpellant.
Akkomodazzjoni soċjali — Talba għal akkomodazzjoni alternattiva
Question
Tista' il-Ministru tgħid x'tama hemm li applikant mill-Belt Valletta li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, quddiem id-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali jiġi allokat post alternattiv? Jekk m'hemmx tama, x'soluzzjoni qed joffri d-dipartiment?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Jien infurmata illi d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali qed jikkunsidra l-applikazzjoni ndikata flimkien ma' oħrajn simili.
Tista' il-Ministru tgħid jekk l-anzjani residenti fil-homes irċevewx iż-żieda għall-għoli tal-ħajja li ngħatat fl-aħħar budget?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li ż-żieda fl-għoli tal-ħajja għall-anzjani residenti fid-Djar għall-Anzjani ma tħallsitx. Dan ma sarx b'kapriċċ iżda biex jiġi evitat ħlas żejjed li jista' jirriżulta jekk dan il-ħlas isir qabel ma jiġu komputati l-kontribuzzjonijiet dovuti mill-istess anzjani skond Avviż Legali Nru. 259 tal-2004, ippublikat fl-4 ta' Mejju 2004.
Kif diġa kelli l-opportunita' li ngħid reċentement bi Tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari preċedenti, id-Dipartimenti konċernati qed jagħmlu dak kollu possibbli biex l-eżerċizzju meħtieġ ta' ġbir ta' informazzjoni u l-ipproċessar tagħha biex jiġu komputati dawn il-kontribuzzjonijiet, jiġi finalizzat malajr kemm jista' jkun.
Tista' il-Ministru tara li tinħadem ir-reviżjoni tal-pensjoni tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jivverifika d-dettalji tal-persuna ndikata għax ninsab infurmata li n-numru ta' l-identita' u l-isem indikati ma jikkorrispondux.
Tista' il-Ministru tinvestiga għaliex is-sinjura li isimha qed jintbagħat separatament, mhux tirċievi pensjoni u dan meta hi ħadmet mis-sena 1958 sa l-1969? X'jiġri fil-każ li employer ikun ġabar il-bolol pero' ma ħallasx lid-dipartiment (bla ebda referenza għal dan il-każ)? Jeħel ta' kollox l-impjegat?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata direttament u bil-miktub dwar il-każ tagħha.
Dwar il-kumplament tal-Mistoqsija, jekk persuna tipprova, għas-sodisfazzjon tad-Direttur tas-Sigurta' Soċjali, li kienet impjegata u li l-prinċipal kien naqqas mill-paga s-sehem tagħha tal-kontribuzzjoni tas-Sigurta' Soċjali dovuta, id-Direttur jista' jikkunsidra dawk il-kontribuzzjonijiet bħala mħallsa minkejja li l-prinċipal fil-fatt ma jkunx għadda dawn il-flus, flimkien mas-sehem tiegħu tal-kontribuzzjoni, lid-Dipartiment tat-Taxxi Nterni. Dan b'ebda mod ma jipprekludi li jittieħdu l-passi kontemplati fil-liġi għal ġbir tal-flus dovuti mingħand il-prinċipal.
SVPR — Pensjoni li tittieħed lill-anzjani residenti
Question
Tista' il-Ministru tgħid x'inhu l-massimu tal-pensjoni li tittieħed lil dawk li qegħdin residenti fl-SVPR? Jista' ikun li pensjoni ta' Lm126 fix-xahar tittieħed kollha?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Avviż Legali Nru. 259 tal-2004, ippublikat fl-4 ta' Mejju 2004, jispeċifika l-ammont ta' kontribuzzjoni dovuta mill-anzjani li jirċievu servizz residenzjali finanzjati mill-Gvern.
L-ammont ta' kontribuzzjoni massima jiddependi minn diversi fatturi, nkluż id-data meta wieħed beda jibbenefika minn dan is-servizz kif ukoll il-mezzi li jkollu dak li jkun.
Jekk l-Onor. Interpellant irid jgħaddili aktar dettalji dwar każ speċifiku, anki b'mod kunfidenzjali, inkun nista nivverifika liema parti ta' l-Avviż imsemmi japplika.
Sigurta' Soċjali — Allowance ta' l-għoli tal-ħajja
Question
Tista' il-Ministru ġentilment tinvestiga għaliex il-koppja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, għadhom ma rċevewx l-allowance supplimentari għall-għoli tal-ħajja?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Id-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali għaddej bil-proċess biex jirrevedi 'l-fuq minn 29,000 applikazzjoni għall-Allowance Supplimentari u sa l-10 ta' Lulju tħallsu madwar 17,000 benefiċjarju. Hu maħsub li dan l-eżerċizzju jkun lest sa l-aħħar ta' dan ix-xahar u l-applikazzjoni tal-koppja ndikata mill-Onor. Interpellant tkun ġiet ipproċessata u tirċievi l-pagament jekk ikun dovut.
Tista' il-Ministru tgħid kemm hemm persuni li għandhom xi benefiċċju tal-gvern wieqaf u x'tip ta' benefiċċju huwa?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-benefiċċji mħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali għandi ninfurmah li dawn il-benefiċċji jistgħu jkunu wieqfa għal diversi raġunijiet, fosthom li l-benefiċjarju stess jkun irrapporta bdil fiċ-ċirkostanzi u l-każ ikun qed jiġi rivedut, il-każ ikun qed jiġi nvestigat, id-Dipartiment ikun qed jistenna li jirċievi nformazzjoni mill-applikant jew il-benefiċjarju ma jkollux dritt aktar għall-benefiċċju skond il-liġi.
Ninsab infurmata li ma tinżammx statistika dwar benefiċċji wieqfa u l-uniku mezz biex tingħata l-informazzjoni mitluba hu li jiġu eżaminati manwalment il-każijiet kollha individwalment. Ma nħossx li eżercizzju bħal dan, li jirrikjedi ħafna żmien u riżorsi kemm finanzjarji kif ukoll umani, hu ġustifikat li jsir, partikolarment meta d-Dipartiment għandu jikkonċentra biex jipproċessa t-talbiet għall-benefiċċji.
Ministeru tal-Familja — Ħlas pendenti lill-kuntratturi
Question
Tista' il-Ministru tgħid kemm għandha tagħti flus f'xogħol li għamlu l-kuntratturi u li għadhom ma tħallsux u kemm tammonta l-ispiża għal kull kuntrattur sal-lum?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob lill-Onor. Interpellant ikun aktar speċifiku u jiċċara għal liema tip ta' kuntratturi qed jirreferi.
Tista il-Ministru tgħid kif inhi ffurmata il-Kummissjoni għall-Familja, x'inhu l-brief tagħha u għal kemm żmien; min huma l-membri u kemm jithallsu?
Tista' il-Ministru tpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tar-Rapport li l-Kummissjoni għall-Familja għada kemm ippreżentat? Tista' tgħid min kiteb dan ir-rapport - jekk hux ibbażat fuq xi riċerka li saret? Jekk saret
riċerka, min ordnaha? X'kien il-brief? Min għamilha u kemm tħallas biex saret?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba fl-ewwel ħames partijiet tal-Mistoqsija kif ukoll kopja tar-rapport, ippublikat mill-Kummissjoni Nazzjonali Familja, li għamlet referenza għalih l-Onor. Interpellanti.
L-awturi ta' dan ir-rapport huma dawk murija f'paġna 4 u nkiteb wara proċess ta' konsultazzjoni ma' diversi entitajiet u dokumenti kif indikat fl-istess rapport. Ninsab infurmata li l-uniċi spejjeż biex inkiteb u ġie ppublikat ir-rapport kienu dawk marbuta ma' l-istampar, li sar l-Istamperija tal-Gvern.
Tista' il-Ministru tgħid liema huma dawk id-dipartimenti, kumpanniji, awtoritajiet u korporazzjonijiet li f'dawn l-aħħar ħames snin għamlu użu jew għadhom jagħmlu użu mis-servizzi tal-kumpannija li isimha qed jintbagħat separatament? F'kull każ, kemm kien l-ammont totali involut u jekk intalbux kwotazzjonijiet mingħand aġenti oħra? Jekk intalbu kwotazzjonijiet, liema kienu l-aġenti l-oħra li mingħandhom intalbu l-kwotazzjonijiet?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li ma kien hemm ebda dipartiment jew entita' oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi li f'dawn l-aħħar ħames snin għamlu użu jew għadhom jagħmlu użu mis-servizzi tal-kumpanija ndikata mill-Onor. Interpellant.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija naħseb li la jkun prudenti u lanqas prattiku li nipprovdi l-ismijiet kollha ta' dawk l-aġenziji/kumpanniji li minn għandhom intalbu kwotazzjonijiet f'dawn l-aħħar ħames snin.
Tista' il-Ministru tgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet għal boarding out minn individwi f'Għawdex sena b'sena mill-1 ta' Jannar 2000 sa Lulju 2004 u tindika s-sess u l-eta? Tista' tgħid kemm minn dawn ġew boarded out mill 1 ta' Jannar 2000 sa Lulju 2004 u tgħid xi kwalita' ta' xogħol kienu jwettqu l-applikanti qabel ma ġew boarded out?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanti għat-tieni parti tat-Tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 3129 f'Seduta Nru. 70.
Tista' il-Ministru tara x'inhi r-raġuni għala l-benefiċċju dovut lil persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, u li weġġa' fuq il-post tax-xogħol fit-13 ta' Mejju, 2004 sal-lum għadu ma nħariġlux b'konsegwenza li din il-familja għaddejja minn tbatija kbira?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali nforma lill-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant dwar il-każ tagħha.
Tista' il-Ministru tivverifika x'ġara minn applikazzjoni lill-awtorita' tad-djar skema 9 - 384/92 sabiex jinxtara appartament fil-Mosta mill-inwkilin, fejn minkejja li tħallas id-depożitu sal-lum ma sarx il-kuntratt finali?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li wara li rċeviet l-applikazzjoni li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant, l-Awtorita' tad-Djar talbet il-permess lid-Dipartiment ta' l-Artijiet biex isir il-bejgħ. Id-Dipartiment informa lill-Awtorita' li ma kienx jista' jagħti tali permess qabel ma jitwaqqa l-bini illegali li hemm ma' l-istess fond.
Ninsab infurmata wkoll li fil-fatt ma' sar ebda konvenju u l-applikant ma għamel ebda ħlas għax-xiri tal-post.
Tista' il-Ministru tgħid, referibbilment għall-informazzjoni mogħtija fir-risposta għad-domanda parlamentari numru 6357, kif inġabret xahar b'xahar fl-ewwel sitt xhur ta' din is-sena, is-somma ta' Lm338,366.55 li kien l-ammont miġbur mill-kontribuzzjonijiet tal-anzjani fid-djar residenzjali tal-Gvern?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Kontribuzzjonijiet ta' l-anzjani fi djar — Private Public Partnership scheme
Question
Tista' il-Ministru referibbilment għall-informazzjoni mogħtija fir-risposta għad-domanda parlamentari numru 6357, kif inġabret xahar b'xahar fl-ewwel sitt xhur ta' din is-sena , is-somma ta' Lm227,894.51 li kien l ammont miġbur mill-kontribuzzjonijiet ta' l-anzjani fi djar privati taħt il-Private Public Partnership scheme?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Tista' il-Ministru tgħid jekk il-kontribuzzjonijiet li nġabru mill-anzjani fl-ewwel sitt xhur ta' din is-sena, skond informazzjoni mogħtija fir-risposta għall Mistoqsija Parlamentari numru 6357, humiex ikkalkulati fuq il-miżuri u r-rati ġodda mħabbra fl-aħħar budget? Jekk fin-negattiv x'inhi r-raġuni li dan għadu ma sarx u kif issa ser jiġi rettifikat dan id-dewmien fit talba għall-ħlas dovut biex ma jinħolqux inkonvenjenzi kbar għall istess anzjani?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-ammonti murija fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 6357, għad ma jirriflettux il-kalkoli skond Avviż Legali Nru 259 ta' l-2004.
L-Onor. Interpellant japprezza li skond l-imsemmi Avviż Legali hu meħtieġ li tinġabar u tiġi proċessata nformazzjoni li ma kienetx disponibbli qabel u għalhekk ma setax jiġi evitat dan id-dewmien.
Ninsab infurmata wkoll li qed isir dak kollu possibbli biex id-Dipartimenti konċernati jiffinalizzaw l-eżerċizzju ta' ġbir ta' l-informazzjoni u l-ipproċessar tagħha malajr kemm jista' jkun.