Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' pulizija Maltin u Għawdxin li spiċċaw mill-korp matul l-1999? X'rank kellhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul l-1999 spiċċaw 29 membru mill-Korp tal-Pulizija. 28 kienu Maltin u wieħed Għawdxi. Il-karigi tagħhom hu kif jidher hawn taħt:
Supretendent - 1
Spettur - 1
Surġenti Irġiel - 6
Surġent Mara - 1
Kuntistabbli Rġiel - 14
Kuntistabbli Nisa - 6
TOTAL - 29
Jista' l-Ministru jagħti xi ftit informazzjoni dwar il-financial intelligence unit li se titwaqqaf sabiex tinvestiga r-reati ta' ħasil ta' flus? Din il-unit se tkun fi ħdan il-korp tal-pulizija? Din il-unit se tkun indipendenti mill-fraud squad?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-twaqqif ta` Financial Intelligence Unit qed ikun studjat u għaddejjin taħdidiet bejn il-Bank Ċentrali, l-Avukat Ġenerali u l-Pulizija. Għad mhux deċiż fi ħdan liema sezzjoni dan il-unit eventwalment ser jkun.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-16 ta' Settembru, 1999 sal-4 ta' Jannar, 2000 lill-ħaddiema tad-Dipartiment ta' l-Immigrazzjoni? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għaliex saru dawn it-trasferimenti każ b'każ? Jista' l-Ministru jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn is-16 ta` Settembru 1999, u l-4 ta` Jannar 2000, kien hemm 3 membri tal-Korp li ġew trasferiti mit-Taqsima ta` l-Immigrazzjoni tal-Korp tal-Pulizija. Kif diġa` kelli okkażżjoni li ngħid, it-trasferimenti fil-Korp tal-Pulizija jsiru meta u kif ikun il-bżonn, fl-aħjar interessi ta` l-istess Korp u tal-pubbliku in ġenerali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il vettura ġiet towed u kemm-il vettura ġiet clamped matul is-sena 1999 mil-liema belt/raħal ġiet towed jew clamped?
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna nstabet pożittiva għall-breathalyser test matul is-sena 1999? Kemm minnhom kienu nisa u kemm minnhom kienu rġiel?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant fl-ewwel parti tal-Mistoqsija dwar in-numru ta` vetturi li ġew towed u clamped matul l-1999, u l-lokalitajiet fejn dan seħħ, hu kif jidher fuq it-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li matul l-1999 kien hemm 122 persuna li kellhom riżultat pożittiv wara l-breathalyser test, li minnhom 118 kienu rġiel u 4 kienu nisa.
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-bejgħ mill-uffiċċju konġunt tal-post 7 Sqaq San Lazzru, Bormla? Jista' jgħid kemm intefgħu offerti? Jista' jgħid ukoll x'se jsir jekk is-somma mixtieqa ma' tintlaħaqx? Jekk ħadd ma'jkun interessat li jixtriħ, jista' għall anqas jikkonsidra li jitnaddaf mill-ammont ta' ħmieġ li ntrema fih?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Uffiċċju Konġunt, fit-23 ta` Novembru 1999, ħareġ sejħa għal bejgħ bl-offerti tal-fond li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant.
L-Uffiċċju Konġunt irċieva offerta waħda biss, liema offerta ma ġietx aċċetta peress li din kienet ferm inqas mill-istima li kellu l-istess uffiċċju.
Niinsab infurmat ukoll li sakemm jinbiegħ il-fond imsemmi, il-bieb se jiġi mbarrat.
Jista' l-Ministru jgħid meta l-persuna li d-dettalji tagħha qed jingħataw under separate cover u li għanha post b'kera li kien tal-Knisja u li issa qiegħed taħt il-Joint Office, se tkun tista' tixtri l-post tagħha, għax ilha żmien twil li ħallset Lm100 meta ħarġet l-iskema li nies bħal dawn jistgħu jixtru l-post tagħhom, kien mar il-perit jara d-dar u minkejja diversi wegħdiet mill-Joint Office li dan il-każ qed jiġi proċessat baqa' għal sena wara l-oħra ma sar xejn?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li sa l-aħħar ta` Frar 2000, l-Uffiċċju Konġunt ser jibgħat għal persuna li d-dettalji tagħha ingħataw mill-Onorevoli Interpellant sabiex jiġi ffirmat il-kuntratt ta` bejgħ.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-policy tal-gvern dwar biċċa art li qalu li kienet tal-Knisja u issa saret tal-gvern li tkun bi qbiela mill-gvern lill-individwu u dan l-individwu jridu jgħaddiha lill-persuna oħra li ma tiġix minnu biex ikun jista' jaħdimha?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fir-rigward ta` trasferiment ta` qbiela fuq raba li għadda għand il-Gvern mingħand il-Knisja, l-Uffiċċju Konġunt jimxi skond il-provvedimenti ta` Kap 199 ta` l-Att dwar it-Tiġdid ta` Kiri ta` Raba.
Il-policy dwar bdiewa li jridu jgħaddu l-qbiela ta` raba, amministrat mill-Uffiċċju Konġunt, lil persuni li mhux membri tal-familja għad qed tiġi formulata.
Jista'l-Ministru jgħid kemm-il siegħa tinfetaħ kuljum l-għassa tal-Kalkara? X'inhi r-raġuni li d-dawl ta' l-għassa dejjem mitfi, speċjalment dak ta' fuq il-bieb ta' barra? Jista' jara li tinbidel il-bandiera ta' fuq il-bejt peress li l-kulur tagħha spiċċa bil-ħmieġ u bix-xemx u ma tinżel qatt? Jista' jikkonferma li l-istess saqaf ta' l-għassa tal-Kalkara jinsab fil-perikolu? Qatt saru spezzjonijiet minn periti biex jaraw l-istat tas-soqfa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li minħabba l-esiġenzi tas-servizz, l-Għassa tal-Kalkara ma tkunx tista` tibqa` miftuħa kontinwament kuljum u għalhekk meta ma jkunx hemm Pulizija, id-dawl tal-Għassa ma għandux għalfejn jibqa` jixgħel. Dwar id-dawl ta` fuq il-bieb dan kellu xi ħsara u li ġie rranġat, u l-bandiera ta` fuq din l-għassa nbidlet.
Dwar is-saqaf ta` din l-għassa, u ċioe` dak tas-sular ta` fuq, ninsab infurmat li dan kellu xi ħsara, pero` kien ġie rinforzat. Is-saqaf tal-pjan terran ukoll għandu bżonn xi tiswijiet u qed jittieħdu il-passi meħtieġa biex dan ix-xogħol isir.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' karozzi tal-pulizija li kienu nvoluti f'kolliżjonijiet matul is-sena 1999 u kemm nefaq il-korp biex dawn ġew irranġati?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li matul l-1999 in-numru ta` vetturi tal-Pulizija li kienu nvoluti f`kolliżżjonijiet kien ta` 78 u li n-nefqa sabiex dawn jiġu rranġati kienet tammonta għal Lm5,458.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru parties li kellhom bżonn il-permess tal-pulizija lejliet l-ewwel tas-sena? Fejn saru u kemm kien il-massimu ta' nies li kellhom jidhru skond il-permess?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant dwar parties f`lejliet l-ewwel tas-sena li kellhom bżonn il-permess tal-Pulizija hu kif ġej :
Post Nru. Massimu ta` dħul
---- ---------------------
Pinto Wharf 3,520
Rinella 12,000
Sprachcafe 400
Ġnien il-Pieri 100
Palazzo Parisio 1,850
Moulin d`Or 680
Marchese Hall 140
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu mill-kummissarju tal-pulizija wara li riċentement il-kunsill lokali tal-Mellieħa għarrfu li fl-inħawi Tax-Xemgħa, fil-limiti tal-Mellieħa beda jsir żvilupp ta' korsa għat-tiġrijiet bla permessi neċessarji?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-każ li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant ġie nvestigat mill-Pulizija. Min kien responsabbli għax-xogħol speċifikat, ġie ntraċċat u l-każ ġie referut lill-Awtorita` ta` l-Ippjanar sabiex jittieħdu l-proċeduri neċessarji skond il-liġi.
Jikkonferma l-Ministru li l-permessi biex jiċċaqlaq il-Monti li jarma f'Marsaxlokk kull nhar ta' Ħadd għal ġewwa l-ground tal-football, ġew imwaqqfa mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar? X'se jsir issa li twaqqfu l-pjanijiet kollha?
Meta se tagħti l-veduti tagħha l-awtorita' biex kemm il-bejjiegħa kif ukoll is-sajjieda u l-poplu Xlukkajr ikunu jafu kif se jiżvolġu l-affarijiet fil-futur qarib?
Response (BORG, TONIO)
Għal dak li jikkonċerna l-Awtorita` ta` l-Ippjanar ninsab infurmat li l-permessi relattivi għal 'paved area' biswit il-football ground li tista` tintuża għas-suq f`Marsaxlokk ġew 'granted' fit-22 ta` Ottubru 1999.
Il-veduti ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar f`dan ir-rigward inħarġu fi Frar 1999, permezz ta` amenda fil-Pjan Lokali, f`dokument imsejjaħ 'Planning Guidance, Kavallerizza Opportunity Area, Marsaxlokk'.
Sadanittant dan id-dokument għadda għall-approvazzjoni tal-Gvern u bħalissa qed jiġi eżaminat ma` diversi Ministeri qabel ma tingħata reazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' armi tan-nar reġistrati mal-pulizija fl-aħħar tas-sena 1999?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fl-1999 kien hawn 61,477 oġġett li jaqa` taħt id-definizzjoni ta` arma tan-nar reġistrati mall-Pulizija li minnhom 44,000 huma snieter, 5,300 (air guns, air rifles u air pistols); il-kumplament ħafna minnhom huma armi minn kollizzjonisti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' pulizija li weġġgħu fuq ix-xogħol matul is-sena 1999? Kemm minn dawn weġġgħu minħabba atti ta' vjolenza minn persuna oħra?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li b`żieda mat-tagħrif li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 12697, seba` membri tal-Korp kienu weġgħu riżultat ta` vjolenza minn persuni oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu karozzi impressed miegħu? Jista' jgħid kemm hemm mal-Ministeru jew dipartimenti li jaqgħu taħtu? Jista' jgħid x'inhi s-sitwazzjoni ta' dawn il-ħaddiema llum, meta l-gvern kien wegħedhom li se jiġu mpjegati diretti mal-gvern qabel l-elezzjoni?
Response (BORG, TONIO)
Dwar l-ewwel u t-tieni parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li fil-Ministeru u d-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru ta` l-Intern in-numru ta` karozzi impressed hu ta` 24 u huma mqassma kif ġej : -
Segretarjat Permanenti 1
Awtorita` ta` l-Ippjanar 20
Taqsima Proprjeta` tal-Gvern 3
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferiha lill-Ministru għal Politika Soċjali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' klandestini li s-sena l-oħra, 1999, inqabdu fl-ibħra territorjali Maltin? F'liema perijodu tas-sena kienu u ta' liema nazzjonalita' kienu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fl-1999 in-numru ta` klandestini li nqabdu fl-ibħra territorjali ta` Malta kien 152. 53 oħra inqabdu fuq l-art ftit wara li kienu żbarkaw bil-baħar. In-nazzjonalita` u n-numru rispettiv tagħhom kien kif ġej :
Nazzjonalita` Numru Nazzjonalita` Numru
------------- ----- ------------- -----
Sierra Leone 69 Niġerjana 3
Libjana 1 Somala 1
Sri Lanka 5 Eġizzjana 39
Alġerina 5 Pakistana 25
Iraqina 1 Ghana 8
Indjana 45 Tuneżina 3
Ma` dawn kien hemm ukoll 23 klandestin li kienu ġew salvati mill-Forzi Armati ta` Malta madwar 55 mil il-barra mill-kosta Maltija. Dawn kienu 21 minn Sierra Leone, 1 mill-Ghana u 1 mis-Somalja.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-policy tal-gvern dwar komunikazzjoni televiżiva mas-satelita minn każini, ħwienet tax-xorb u divertiment, eċċ.? Hemm xi kondizzjonijiet li huma marbuta mar-regoli tal-wine and spirit regulations u l-ħinijiet tagħhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi d-daqq ta` strumenti mużikali jew użu minn loudspeakers ta` radju jew ta` xi amplifier f`postijiet liċenzjati għall-bejgħ ta` inbid, birra, jew likuri spiritużi jinħtieġ il-permess tal-Pulizija, filwaqt li tinħtieġ liċenzja tad-Dipartiment tat-Telegrafija mingħajr Fili sabiex wieħed ikun jista` jżomm apparat ta` din ix-xorta.
Ninsab infurmat ukoll li fil-postijiet speċifikati fil-Mistoqsija jinħtieġ il-permess formali ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar biex jiġi nstallat dixx tas-satellita.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' membri tal-korp tal-pulizija li ġew trasferiti fil-korp tal-protezzjoni ċivili? Ta' liema rank kienu? Kemm hemm nies, bl-uniformi, li ddaħħlu fil-protezzjoni ċivili mingħajr ma qabel kienu fil-pulizija? Liema huma dawk it-taqsimijiet li qabel kienu f'idejn il-pulizija li llum għaddew għall-protezzjoni ċivili? Kemm kien hemm vetturi, eċċ. li saru ta' dan il-korp ġdid?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li n-numru ta` membri tal-Korp tal-Pulizija li ġew trasferiti għal mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili mill-1997 lil hawn hu 61 : - Spettur, 4 Surġenti u 56 Kuntistabbli. Ma` dawn hemm 47 persuna oħra li jaħdmu fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili bl-uniformi u li qabel ma kienux fil-Korp tal-Pulizija. Ninsab infurmat ukoll li t-taqsimiet li għaddew mill-Pulizija għad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili huma dawk tal-Fire Brigade u tar-Rescue filwaqt li żewġ vetturi li kienu jintużaw mit-Taqsima tat-Tifi tan-Nar tal-Pulizija ġew mgħoddija lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Kull min ġie trasferit kien jifforma parti mill-Fire Brigade tal-Pulizija.