B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 10106, jista' il-Ministru jgħid l-interess ta' min qed jippretendi li jħares meta ma jweġibx din il-mistoqsija meta drabi oħra tkun imwieġba? Jikkonferma li dawn iż-żewġ persuni b'kumbinazzjoni huma miż-Żurrieq?
Response (GALEA, LOUIS)
Jista' jagħti l-każ li l-Onor. Membru qed ikejjel b'xiber il-Partit tiegħu. Jiena fl-ebda mument ma ġejt informat liema impjegati ser jgħaddu mis-settur pubbliku għal ente konċernata. Sirt naf biss li xi ħadd hu miż-Żurrieq wara li saret il-Mistoqsija mill-Onor. Membru.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 10154, jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-agreement li sar ma' l-Inġinier Farrugia, sakemm mhux diġa' ġie mqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra?
Jista' il-Ministru jgħid fl-2004 u matul din is-sena s'issa, kemm kien hemm imwiet fuq il-postijiet tax-xogħol f'Malta u Għawdex u kemm minnhom kienu fuq siti ta' kostruzzjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li matul is-sena 2004 sa llum seħħew 13-il mewt fuq il-postijiet tax-xogħol. 9 minn dawn l-inċidenti seħħew fuq siti ta' kostruzzjoni. Minn dawn id-disa' każ wieħed biss seħħ f'Għawdex.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm vakanzi ta' għalliema bħalissa f'kull livell ta' l-edukazzjoni fl-iskejjel ta' l-Istat? F'liema suġġetti u f'liema skejjel?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bħalissa m'hemm l-ebda vakanzi ta' għalliema fl-iskejjel ta' l-Istat.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 10137 u cioe' jgħid kemm hemm laboratorji għall-użu ta’ l-istudenti fil-junior college fl-Imsida? Kemm intnefqu flus fuq tagħmir ġdid f’dawn l-aħħar ħames snin, sena b’sena mill-1999 ’il hawn? Jista’ jelenka x’tagħmir inxtara?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li ma laħaqx inġabar it-tagħrif kollu mitlub, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 9436 u 8352, jista' il-Ministru jgħid kif f'waħda qed jgħid li għaddew 32 mill-intervisti u fl-oħra li għaddew 20 biss? Jista' allura jgħid x'sar mit-12 l-oħra u f'liema skola qegħdin u x'suġġett qed jgħallmu?
Response (GALEA, LOUIS)
Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra it-tagħrif mitlub.
Jista' il-Minsitru jgħid kemm hemm impjegati ma' kumpanniji/entitajiet/awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li għandhom iktar minn 61 sena? Min huma? Kemm hemm minnhom li qegħdin b'xi forma ta' kuntratt jew huma konsulenti? X'remunerazzjoni u/jew allowance għandhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li ma laħaqx inġabar it-tagħrif kollu mitlub, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Persuna li jaħdem ġimgħa normali ta' 66 siegħa bħala sewwieq tal-buses ma' kumpannija privata - id-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament - jista' il-Ministru jgħid kemm huwa ntitolat għall-sick leave fis-sena?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li, irrispettivament minn kemm jaħdem siegħat, impjegat xufier ma' kumpanija privata ta' Buses, huwa intitolat għal 12-il jum sick leave b'paga sħiħa kull sena kalendarja, nieqes il-benefiċċju li l-impjegat jista' jkun intitolat skond il-liġijiet tas-Sigurta' Soċjali.
L-impjegat ikun intitolat għall-leave tal-mard wara perjodu ta' sitt xhur kontinwi f'dak l-impjieg.
Jista' il-Ministru jgħid kemm se joqogħdu studenti għas-suġġetti intermediate u avanzati fl-eżamijiet li se jsiru fix-xhur li ġejjin?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bħalissa r-reġistrazzjonijiet għall-eżamijiet tal-MATSEC fil-livell avvanzat u l-livell intermedju li għalqu fis-27 ta' Jannar, 2005 għadhom qed jiġu pproċessati. Hekk kif jintemm dan il-proċess tkun tista' tingħata tweġiba għall-mistoqsija bid-dettalji mixtieqa.
Jista' il-Ministru jgħid kemm saru talbiet minn studenti biex jiġu eżentati milli jħallsu l-miżati għall-eżamijiet tas-SEC u MATSEC li ġejjin? X'kienu r-raġunijiet prinċipali?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-kandidati li applikaw biex jiġu eżenti mill-ħlas tal-miżati għall-eżamijiet tas-SEC huma 481. Minn dawn, 68 ma kkwalifikawx u 413 ikkwalifikaw.
Dawk li kkwalifikaw huma mqassma kif ġej;
Assistenza Soċjali 379
Refuġjati 2
Dipartiment ta' l-Eżamijiet 1
Dipendenti ta' l-Universita' 31
____
Totali 413
Il-kandidati li applikaw biex jiġu eżenti mill-miżati għall-eżamijiet tal-MATSEC (Livell Avvanzat u Intermedjarju) huma 60. Minn dawn 8 talbiet ma kkwalifikawx u 52 ikkwalifikaw.
Dawk li kkwalifikaw huma hekk;
Assistenza Soċjali 15
Dipendenti ta' l-Universita' 37
____
Totali 52
Jista' il-Ministru jgħid studenti li jbatu minn dyslexia jistgħux japplikaw għal ħin żejjed waqt l-eżamijiet tas-SEC u MATSEC li se jsiru dalwaqt? Jekk fl-affermattiv, kemm jingħataw ħin żejjed? Hemm xi kondizzjonijiet oħra li għalihom jingħata ħin żejjed?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li studenti li jbatu minn dyslexia jistgħu japplikaw għal ħin żejjed waqt l-eżamijiet tas-SEC u taċ-Ċertifikat tal-Matrikola meta japplikaw għall-eżami. Għall-eżamijiet ta' l-2005, il-kandidati għall-eżami tas-SEC setgħu japplikaw sad-19 ta' Novembru 2004 u l-kandidati għall-eżami tal-Matrikola setgħu japplikaw sa l-14 ta' Jannar 2005. Normalment għall-eżamijiet tas-SEC il-ħin żejjed jammonta għal 25% tal-ħin ta' l-eżami. Fil-każ tal-Matrikola il-ħin żejjed ikun relatat man-natura tas-suġġett sa massimu ta' 25% tal-ħin ta' l-eżami. Ħin żejjed jingħata wkoll meta l-kandidat ikollu kondizzjonijiet oħra bħal nuqqas ta' smigħ, nuqqas ta' vista u celebral palsy.
Jista' il-Ministru jagħti tagħrif dwar xi progress qed isir fil-bini ta' l-iskola ġdida f'Pembroke? Hemm xi data dwar meta se jibda u f'kemm żmien se jitlesta x-xogħol?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba tal-Mistoqsija numru 10452.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm nies li tneħħew mir-reġistru tal-qgħad għaliex inqabdu jaħdmu waqt li kienu jitqiesu bħala qegħda? X'kienu x-xogħlijiet prinċipali li kienu qed jaħdmu? Kienu qegħdin jirreġistraw għall-istess xogħol li nqabdu jaħdmu?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid matul is-sena li għaddiet kemm kien hemm barranin li nqabdu jaħdmu bla permess? Liema xogħol instabu jagħmlu u fejn/fuq liema proġett? Ta' liema nazzjonalita' kienu? X'passi ttieħdu kontra dawk li mpjegawhom?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm nies mill-pajjiżi membri ta' l-Unjoni Ewropea li kienu qed jaħdmu f'Malta u tilfu l-impjieg u issa qed jirreġistraw għax-xogħol? Ta' liema nazzjonalita' huma? Għal liema xogħol qed jirreġistraw?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' persuni mill-Unjoni Ewropea (mhux miżżewġin Maltin) li qed jirreġistraw għax-xogħol wara li tilfu impjieg f'Malta huwa ta' 6.
In-nazzjonalita' tagħhom hija kif ġej:
2 persuni mill-Ingilterra
1 persuna mill-Belġju
1 persuna mill-Awstrija
1 persuna mill-Ġermanja
1 persuna mill-Italja.
Il-preferenzi tax-xogħol li qed ifittxu huwa kif ġej:
Business Professional (includes PRO) 1
Chef 1
Clerks General Duties 1
Consultant General 1
Cooks 1
Cooks Assistant 1
Delivery Man 1
Driver Heavy Truck/Trailer 1
Electronic-Equipment Assemblers 1
Fitter Mechanic (Lifts, Refr, Whitegood) 1
Handyman 1
Machine Operators, Others & Assemblers 1
Managers General 1
Managers Human Resources 1
Managers in Finance and Administration 1
Managers in Sales and Marketing 1
Receptionists and Information Clerks 1
Store Keeper 1
Supervisor, Factory Supervisor 1
Translators and Interpreters 1
* kull persuna jista' jkollha aktar minn preferenza waħda.
Jista' il-Ministru jgħid jeżistix kodiċi ta' etika għall-facilitators speċjalment meta jassistu lil studenti waqt l-eżamijiet? Il-facilitators huma ammessi waqt l-eżamijiet tas-SEC?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li waqt l-eżamijiet tas-SEC l-istudenti b'xi diżabilita' jistgħu jingħataw assistenza minn assistent/a personali, qarrej, prompter jew amanuensis skond il-bżonnijiet individwali. Kull waħda minn dawn il-persuni għandha xoġħol speċifikat u jingħatawlha struzzjonijiet dettaljati bil-miktub dwar id-dmirijiet tagħha.
Informat ukoll li wieħed irid iżomm f'moħħu li mhix prattika normali li l-Arranġamenti Speċjali jingħataw lill-kandidat mill-għalliem tiegħu stess. F'każi eċċezzjonali, fejn jidher li hemm bżonn li l-għalliem stess tal-kandidat joqgħod ma' l-istudent, id-deċiżjoni tittieħed mill-Awtorita' ta' l-Eżamijiet. Din hija wkoll prattika internazzjonali. Ta' min jgħid li fejn hemm Arranġamenti Speċjali għal waqt l-eżamijiet, dejjem għandu jkun hemm 'Osservatur' minbarra l-għalliem li jamministra l-Arranġamenti Speċjali, ħalli jiżgura li kollox jimxi skond il-proċeduri stabbiliti.
L-Education Assessment Unit tagħmel dawn l-Arranġamenti Speċjali għal waqt l-eżamijiet tal-Year 6 u tad-dħul fil-Form I tal-Junior Lyceum biss. Arranġamenti fi snin oħra jieħdu ħsiebhom l-iskejjel infushom.
B'referenza għall-Mistoqsija dwar jekk jeżistix kodiċi ta' etika, nixtieq nirreferi lill-Onor. Membru għall-linji ta' gwida li nħarġu mill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni f'Settembru 2002. Waqt li dawn m'humiex strettament kodiċi ta' etika, huma linji gwida li jaċċertaw li l-eżamijiet jitmexxew b'mod ġust. Ser ngħaddi kopja lill-Onor. Membru.