Legislature:
Category:
Reset
Active:

Vetturi — Tiġdid tal-liċenzji

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' vetturi li s'issa kellhom il-liċenzja tagħhom imġedda wara li ssuperaw it-test tal-VRT? Kemm kienu dawk il-vetturi li t-tiġdid tal-liċenzja tagħhom kien rifjutat minħabba li ma ssuperawx it-test? Kemm kien hemm każi fejn ittieħdu passi kontra xi stazzjonijiet liċenzjati għat-test tal-VRT minħabba xi nuqqas? Liema kienu dawn l-istazzjonijiet? X'kien in-nuqqas f'kull każ? X'passi ttieħdu u min ħa d-deċiżjoni dwar in-nuqqas f'kull każ? Hemm xi forma ta' appell minn dawn id-deċiżjonijiet?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li sa l-aħħar ta` Frar kien hemm 32,027 vettura li għaddew mit-test tal-VRT. S`issa d-Dipartiment ħa passi kontra stazzjon wieħed biss li ħareġ ċertifikat li vettura kienet tajba għat-triq meta fil-fatt dan mhux suppost li ħareġ. Dan l-istazzjon huwa XTC Service Facilities Ltd. Billi b`dan l-aġir l-operatur imsemmi naqas li jħares il-kundizzjonijiet tal-kuntratt li għandu mad-Dipartiment tal-Liċenzji u Testijiet, weħel il-penali kif imniżla fil-kundizzjonijiet tal-kuntratt imsemmi. Bħalissa ma hemm l-ebda forma ta` appell, iżda d-Dipartiment, f`konsultazzjoni mar-rappreżentanti ta` l-Operaturi taħt Kuntratt, qed jipprepara emendi għar-regolamenti sabiex jittwaqqaf Tribunal għal dan il-għan.

Karozzi liċenzjati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn karozzi liċenzjati f'Malta u Għawdex? Kemm hemm minnhom li ma jaqbżux it-20cc? Kemm hemm li jaqbżu l-20cc?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li n-numru ta' karozzi lliċenżjati sa l-aħħar ta' Marzu 2000 kien 177,714. Minn dawn 172,076 karozza għandhom magna taħt 2000cc waqt li 5,638 għandhom magna `l fuq minn 2000cc. (mhux 20cc)

Bċejjeċ tal-baħar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn bċejjeċ tal-baħar reġistrati f'isem persuni Maltin ta' mhux aktar minn 20 pied? Ta' mhux aktar minn 40 pied? U dawk li jaqbżu l-40 pied?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li n-numru ta` bċejjeċ tal-baħar reġistrati f`isem persuni Maltin huwa kif ġej: Taħt l-Att ta` Taħt l-Att ta` l-1973 dwar l-Awtorita` il-Bastimenti Marittima Merkantili Sezzjoni 29 Inqas minn 20 pied 17 10528 Bejn 20 u 40 pied 600 881 Aktar minn 40 pied 100 28

Toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema toroq fit-Tieni Distrett elettorali huma responsabbilta' tal-gvern u mhux tal-kunsilli lokali?

Response (GALEA, ĊENSU)

Qed nehmeż pjanta li turi t-toroq arterjali u distributorji fil-pajjiż li l-manutenzjoni tagħhom hija responsabilita` tad-Dipartiment tat-Toroq. Barra dan id-Dipartiment hu responsabbli li jasfalta t-toroq ġodda kollha li qatt ma għadhom ġew asfaltati u li n-numru tagħhom ivarja minn lokalita` għal oħra.

Għargħur — Triq Dun Salv Zarb - Toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se ssir l-esproprjazzjoni meħtieġa u x-xogħol fi Triq Dun Salv Zarb, Għargħur, biex din it-triq finalment tiġi formata bit-tarmac jew bil-bitmac biex ir-residenti jibdew igawdu d-dritt, bħal residenti oħrajn fil-qrib li jgawdu t-triq tagħhom?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li qed jittieħdu passi mid-Dipartiment biex art li mhiex żvilupabbli u li qegħda tinblokka l-ftuħ tat-triq tkun tista` tinxtara mingħand is-sidien tagħha.
Leg 9 PQ #15699 Sitting 285 2000-05-02 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni

Tarxien — Triq il-Pellikani - Tabella

Question

Jista' l-Ministru jara li tinbidel it-tabella tat-triq fil-parti ta' Triq il-Pellikani, Tarxien li tinsab segregata mill-kumplament tat-triq u li fiha hemm tabella li irronjament taqra "Triq Xandur Farrugia" li qed toħloq inkonvenjent kbir għar-residenti ta' din it-triq?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq informa lill-Kunsilli Lokali bil-kummenti ta' l-Onor. Interpellant u qed jieħu azzjoni neċessarja.
Leg 9 PQ #15701 Sitting 285 2000-05-02 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni

Tarxien — Sleeping policemen

Question

Jista' l-Ministru jara li jsiru sleeping policemen fl-entratura ta' Triq l-Imqaddes tal-Qedem, Tarxien, partikolarment kif tikser għal ġo fiha minn ġo Triq Ġorġ Caruana, Tarxien peress li din qed tintuża minn fast traffic li juża t-triq bħala short cut għal Zabbar Road?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li s-suġġeriment ta` l-Onor. Interpellant qed jiġi kkunsidrat kemm mill-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku kif ukoll mill-Kunsill Lokali ta` Hal Tarxien.

Mtarfa — Blokki tal-concrete

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'konsultazzjoni, applikazzjonijiet saru lid-dipartiment ta' l-ambjent sabiex isiru x-xogħlijiet ta' blokki tal-konkrit fil-parti tal-bypass ta' l-Imtarfa li hija kkonsidrata ambjentalment sensittiva? Meta saru u x'kienet il-pożizzjoni uffiċjali wara dawn il-laqgħat u konsultazzjonijiet jew applikazzjonijiet?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari Nru. 15493 fejn ingħataw dettalji dwar dan ix-xogħol.

Ministeru tat-Trasport u kommunikazzjoni — Riċevimenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'riċevimenti mill-Ministeru, dipartiment, korporazzjonijiet u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, bejn l-1987 u l-1996 sena b'sena?

Response (GALEA, ĊENSU)

Diġa` kelli l-okkazjoni nirrispondi li f`dan it-tip ta` mistoqsijiet, sakemm ma ningħatax raġuni `l għala qed tintalab, ma nara l-ebda skop li tinġabar l-informazzjoni li f`dan il-każ tkopri disa` snin.

Mtarfa — Roundabout

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'konsultazzjonijiet saru mad-dipartiment ta' l-agrikoltura u d-dipartiment tat-toroq sabiex tneħħiet ir-roundabout tal-bypass ta' l-Imtarfa? Jista' jgħid għaliex il-ħadid ta' din ir-roundabout ġie mitluq u ċioe' ddampjat fil-bypass stess?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li r-`roundabout` tneħħiet biex tiġi rranġata t-triq u sabiex jitneħħa l-periklu li kien qed ikun hemm meta l-karozzi jgħaddu mit-triq prinċipali. Id-Dipartiment ta` l-Agrikoltura veru ikun responsabbli tal-manutenzzjoni tar-`roundabout` u tas-`centre strips`, iżda d-deċiżjonijiet dwar il-funzjoni prinċipali ta` dawn l-affarijiet fit-toroq hija responsabilta` tad-Dipartiment tat-Toroq li jrid jagħti każ ta` l-aspett ta` sigurta` fl-operat tiegħu.

Żejtun — Triq Tal-Barrani

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi se jittieħdu dwar il-protesta simbolika li saret mill-Kunsilli Lokali taż-Żejtun, Marsaxlokk u Birżebbuġa dwar periklu eżistenti fi Triq Tal-Barrani?

Response (GALEA, ĊENSU)

Kif jaf l-Onor. Interpellant minbarra l-Kunsilli msemmija hemm Kunsilli oħra li jistgħu jiġu affettwati jekk dak li talbu dawn il-Kunsilli jiġi mplimentat. Għalhekk, id-Dipartiment tat-Toroq irid isib bilanċ bejn id-diversi talbiet qabel jieħu xi passi partikulari.

Qormi — Traffic lights

Question

Peress li kważi sena ilu permezz tal-mistoqsija parlamentari numru 6945, il-Ministru wieġeb li t-traffic lights li kienu ġew approvati xhur qabel biex jitwaħħlu f'Mdina Road u fi Manwel Dimech, Qormi se jitwaħħlu meta jitlesta l-proġett ta' Mdina Road, jista' l-Ministru jgħid jekk hux se tiġi indirizzata l-problema tas-sigurta' ta' min jaqsam dawn it-toroq, anke jekk b'miżuri proviżorji, sakemm jitlesta kompletament dan il-proġett, biex imbagħad meta dan jitlesta jsir ix-xogħol kollu li hemm bżonn biex jitnaqqsu r-riskji kbar li n-nies li jiġu bżonn jaqsmu dawn it-toroq, iħabbtu wiċċhom magħhom ta' kuljum?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari Nru. 14902.

Wied il-Għajn — Triq il-Gandoffli - Tiswija

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu l-ħsieb tad-Dipartiment tat-Toroq li Triq il-Gandoffli ġewwa Wied il-Għajn tiġi rranġata u kif se tiġi rranġata jekk hux bħala triq għall-karozzi jew inkella żona pedonali?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq flimkien mal-Kunsill Lokali qed jipprepara programm għal asfaltar ta` toroq simili ma` Malta kollha, u x-xogħol fil-lokal isir skond il-prijoritajiet li ser jirriżultaw minn dan il-programm.

Qormi — Triq l-Imdina - Parkeġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jittieħdu l-passi biex fi Triq l-Imdina, Ħal Qormi, wara l-Hockey Club ma jibqax isir parking ta' heavy vehicles mal-bankina ta' djar residenzjali li jlaħħqu sal-gallarji tagħhom, b'riskju għas-sigurta' tagħhom?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Qormi — Triq San Gwakkin

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 11583, dwar Triq San Gwakkin, Ħal Qormi, jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju tal-programm tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet, kif indikat mit-tweġiba parlamentari tiegħek, qegħda din it-triq? Meta huwa ppjanat li jinbena x-xogħol f'din it-triq, li hija tant perikoluża?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-prijoritajiet ta` xogħolijiet bħal dawn imsemmija mill-Onor. Interpellant ikunu diskussi regolarment mal-Kunsill Lokali u jvarjaw minn żmien għal żmien skond l-esiġenzi li jinqalgħu. Għalhekk m`hemm xejn x`jista` jiżdied għalissa mar-risposta għall-mistoqsija parlamentari Nru. 11583.

Qormi — Triq il-Mitħna - Liġijiet

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 8825, jista' l-Ministru jgħid xi progress sar fuq ix-xogħol li kien indika fit-tweġiba tiegħu, dwar il-problema ta' l-ilmijiet kbar li jinġabru fi Triq il-Mitħna, f'Ħal Qormi kif taqbeż il-pont?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li x-xogħol qiegħed fil-fażi ta` ippjanar u m`għandux idum biex jibda jiġi mwettaq.

Tarxien — Triq il-Knisja

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-istallazzjoni ta' reflectors u belisha beacons għal zebra cross fi Triq il-Knisja, Tarxien, għadhom ma sarux fid-dawl tal-fatt li l-kunsill lokali ilu li talab lill-Enemalta mit-22 ta' Frar, 1999 sabiex issir l-istallazzjoni tad-dawl meħtieġ u fl-1 ta' Ottubru, 1999 ħallas bil-quddiem lill-Enemalta Lm577.00 sabiex isir ix-xogħol miftiehem, kif ukoll fit-18 ta' Frar li għadda kiteb lill-Ministru dwar is-sitwazzjoni imma sal-lum la wieġeb il-Ministru u lanqas sar ix-xogħol?

Response (GALEA, ĊENSU)

L-Onor. Interpellant hu mitlub jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

PTA — Coaches

Question

Jista' l-Ministru jara għaliex l-Awtorita' dwar it-Trasport Pubbliku qed topponi daqstant għat-talba ta' l-Awtorita' tat-Turiżmu sabiex jiġu importati fuq bażi temporanja coaches tal-marka Mercedes għaż-żjara li executives tal-Mercedes se jagħmlu Malta? Jista' jara li l-Awtorita' dwar it-Trasport Pubbliku tkun aktar sensittiva għall-importanza tat-turiżmu f'Malta?

Response (GALEA, ĊENSU)

L-Awtorita` msemmija għadha qed tikunsidra t-talba ndikata fid-dawl tar-regoli ta` pajjiżna.

Żabbar — Triq Labour - Manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu l-ħsieb tad-dipartiment tat-toroq li Triq Labour ġewwa Ħaż-Żabbar, speċjalment il-parti li tinsab in-naħa tal-Kottonera tiġi rranġata, minħabba li jrid isir xogħol estensiv ġewwa fiha u għaldaqstant ma taqax taħt ir-responsabbilta' tal-kunsill lokali?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li diġa` saru diskussjonijiet mal-Kunsill Lokali ta` Ħaż Żabbar dwar ix-xogħolijiet f`din iż-żona, u saru anke testijiet fil-`Girdle Road` sabiex tkun tista` titranġa. Fil-preżent id-Dipartiment qiegħed jara kif ser jimplimenta l-proġett ta` titjib tal-`junction` minn Labour Road għall-Bypass ta` Wied il-Għajn peress li għalkemm inħareġ il-permess ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar, hemm mandat ta` inibizzjoni kontra li jsir xogħol fil-lokalita` li għadu `invigore`.

PTA — OMNIBUS POOL

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħa wara li sar magħruf permezz ta' protest ġudizzjarju li sar mill-assikuraturi tal-vetturi kollha f'Malta li jiffurmaw l-OMNIBUS POOL u li fih ġew indikati għadd ta' buses tal-linja u għadd ta' minibus li qed jiċċirkolaw fit-toroq ta' Malta bla m'huma koperti b'polza ta' assikurazzjoni kif irid l-Att 104, tal-Liġijiet ta' Malta dwar l-assikurazzjoni tal-vetturi?

Response (GALEA, ĊENSU)

Din il-materja qegħda tiġi nvestigata mill-Awtorita` tat-Trasport Pubbliku.