Legislature:
Category:
Reset
Active:

Fondazzjoni tal-Ħarsien Soċjali — Każ ta’ tfal Ġermaniżi - investigazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jispjega għalfejn l-investigazzjoni dwar il-każ ta' żewġ itfal Ġermaniżi li ttieħdu minn pajjiżna mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Aġenzija Appoġġ qed isir mill-Fondazzjoni tal-Ħarsien Soċjali meta hemm ukoll involuti d-Dipartiment tal-Istandards tal-Ħarsien Soċjali u anke l-Pulizija? Jikkonferma l-Ministru li kien iktar opportun li jagħmel inkjesta ministerjali biex jiġu stabbiliti b'mod independenti l-fatti kif ġraw u jekk kienx hemm xi nuqqasijiet minn entitajiet pubbliċi?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Aġenzija Appoġġ talbet lil Awtoritajiet oħra, inkluż il-Pulizija, biex jinvestigaw kif it-tfal inħarġu minn Malta. Dak li ġara ma seħħx b’negliġenza min-naħa tal-impjegati tal-Appoġġ. L-investigazzjonijiet qed isiru mill-Awtoritajiet konċernati. Flimkien ma’ diversi Dipartimenti oħra l-MFSS qed nevalwaw loopholes fis-sistemi dwar dħul u ħruġ minn pajjiżna, speċjalment riżultat ta’ realtajiet ġodda tax-Shengen.

Dipartiment tal-Istandards tal-Ħarsien Soċjali – Każ ta’ tfal Ġermaniżi talba minn Awtoritajiet Ġermaniżi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tal-Istandards tal-Ħarsien Soċjali irċeviex talba mill-Awtoritajiet Ġermaniżi dwar iż-żewġ subien Ġermaniżi li kienu taħt Ordni tal-Ħarsien biex jintbagħtu lura f'pajjiżhom?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ewwel talba uffiċjali waslet Malta permezz tal-posta elettronika fl-20 ta’ Ġunju 2014. Madanakollu, kien hemm numru ta’ dokumenti oħra neqsin jew b’informazzjoni ħażina li baqgħu jipposponu l-applikazzjoni mal-Qorti għar-ritorn tal-minuri lejn il-Ġermanja. Kien biss fis-7 ta’ Lulju 2014 li d-Dipartiment kien se jkollu d-dokumenti kollha neċessarji sabiex jagħmel l-applikazzjoni ġewwa l-Qorti iżda dan kien inutli wara li l-minuri inħarġu minn Malta lura lejn il-Ġermanja. Qatt ma eżistiet Ordni tal-Ħarsien.

Każ ta’ tfal Ġermaniżi – social workers

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għandux konferma li ż-żewġ social workers Ġermaniżi li ġew f'pajjiżna kenux awtorizzati mill-awtoritajiet uffiċjali Ġermaniżi biex jiġu pajjiżna fir-rigward taż-żewġ subien Ġermaniżi li huma taħt Ordni tal-Ħarsien?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kinetx teżisti Ordni tal-Ħarsien. Il-Ħaddiema Soċjali li waslu Malta kienu awtorizzati mill-Youth Welfare Organisation ta’ Schweinfurt fl-istat tal-Bavaria ġewwa l-Ġermanja. Din saret fl-istess ħin li kien hemm konsultazzjoni mal-Ambaxxata Ġermaniża minħabba problemi ta’ lingwa mat-tfal u akkomodazzjoni għas-Social Workers Ġermaniżi. Waħda minnhom kienet waslet Malta fid-29 ta’ Ġunju 2014 filwaqt li l-oħra, li kienet ukoll qed tikkoordina x-xogħol kollu dwar il-minuri kkonċernati, kienet waslet Malta fil-5 ta’ Lulju 2014.

Aġenzija Sapport – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Rabat — Binjiet tal-Gvern – xogħlijiet fuq galleriji

Question

Jista’ l-Ministru jara li x-xogħlijiet li ilhom biex isiru sena fil-galleriji tal-appartamenti tal-Gvern li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament u li ilhom li ġew spezzjonati mill-Awtorità tad-Djar iżjed minn sena, isiru kemm jista’ jkun malajr minħabba perikli li qed jikkawżaw?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Awtorità tad-Djar – ingaġġ ta’ periti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm periti li jagħtu s-servizz tagħhom lill-Awtorità tad-Djar? Fuq liema bażi huma ingaġġati dawn il-periti? F’kull każ, x’inhu l-pakkett finanzjarju, il-perkaċċi u l-benefiċċji?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorita' tad-Djar għandha sebgħa periti li huma fuq bażi indefinita. Dettalji dwar il-pakett finanzjarju, il-perkaċċi u l-benefiċċji ta' kull perit qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Awtorità tad-Djar — periti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min kienu l-periti li taw is-servizz tagħhom lill-Awtorita tad-Djar mill-2013 sal-lum? F’kull każ, jista’ jgħid meta bdew l-ingaġġ, fuq liema bażi u b’liema kundizzjonijiet? Jista’ jagħti r-raġuni għat-terminazzjoni ta’ dawk il-periti li m’għadhomx mal-awtorità?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Servizz ta’ home help — stennija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani jistennew is-servizz tal-Home Help?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta' applikazzjonijiet (households) approvati li għadhom qed jistennew is-servizz tal-home help huwa ta' 16

Residenza San Vinċenz de Paule — anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu anzjani fir-Residenza San Vinċenz de Paule jew djar tal-anzjani xahar b’xahar tul l-2013? Kemm minnhom daħlu mill-Isptar Mater Dei jew Karen Grech u kemm minnhom daħlu direttament mill-komunità?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Anzjani li jgħixu waħidhom — servizzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma s-servizzi li jingħataw mill-Gvern lill-anzjani li jgħixu waħidhom?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta.

Anzjani li jgħixu waħidhom

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' anzjani li jgħixu waħidhom, u li għandhom iktar minn 60 sena, skont informazzjoni li għandu l-Ministeru? Kif inhuma mqassmin dawn il-persuni, lokalità lokalità?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunità m’għandux l-informazzjoni mitluba. Madanakollu jirriżulta li mill-aħħar ċensiment li kien ippubblikat mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, fis-sena 2011 kien hemm 14,472 anzjan/a ta‘ età ‘l fuq minn 65 sena li joqogħdu waħedhom.

Residenza San Vinċenz de Paule – pubblikazzjoni tal-ktieb

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa l-pubblikazzjoni tal-ktieb li nħareġ meta ġie introdott l-menu l-ġdid fir-Residenza San Vinċenz de Paule? Kemm saru kopji tiegħu? Fejn ġie printed?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstat it-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Residenza San Vinċenz de Paule – menu ġdid

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa l-menu l-ġdid li sar għar-Residenza San Vinċenz de Paule?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Ċentru tat-Telecare — telefonati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu telefonati fiċ-ċentru tat-Telecare minn anzjani li talbu għal xi għajnuna tul l-2013 u sal-aħħar ta’ Ġunju 2014?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Jannar 2013 sal-aħħar ta’ Ġunju 2014 daħlu 229585 telefonata fiċ-Ċentru tat-Telecare minn anzjani li talbu għal xi għajnuna. It-telefontai huma maqsuma hekk : 2013: 149262 2014 (sal-aħħar ta’ Ġunju): 80323

Servizz ta’ home help – lista ta’ nies li qed jużaw is-servizz

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hi l-lista ta’ nies li qegħdin jieħdu home help u għalkemm-il siegħa jammontaw b'mod totali?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ nies li qegħdin jieħdu s-Servizz tal-Home Help hu kif ġej : Households jieħdu s-servizz: 2,755 Benefiċjarji: 3,737 Siegħat fil-ġimgħa: 7,162

Servizz ta’ home help — sigħat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il siegħa ta’ home help ingħatat fl-2012, fl-2013 u sal-aħħar ta’ Ġunju 2014? Jista’ jagħti break down xahar b'xahar?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqsant it-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Marsaxlokk — plot

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-plot f'HOS (home ownership scheme) Marsaxlokk murija fis-site plan li qed tingħata separatament u li sal-lum ma sarx żvilupp fuqha hijiex mgħoddija lil terzi jew hijiex tal-Awtorità tad-Djar? F'każ li hi tal-Awtorità din se tinbiegħ lill-privat

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-plot imsemmija hija proprjetà tal-Awtorità tad-Djar. S'issa m'hemmx pjanijiet li se tinbiegħ lill-privat.

Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali — vetturi

Question

Jista’ l-Ministru, inkluż is-Segretarju Parlamenti, jagħti rendikont dettaljat tal-vetturi kollha mikrija jew leased mingħand il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament lil kull dipartiment tal-Gvern, awtorità, korporazzjoni jew kwalunkwe entità governattiva oħra fid-dekasteru tiegħu minn Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, u jindika wkoll, f’kull każ, saritx sejħa pubblika għall-offerti u jekk le, jgħid għaliex le?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li nkrew 2 vetturi mingħand il-Kumpanija msemmija, min-naħa tal-Ministeru tal-Familja u Solidarjetà Soċjali u l-entitajiet li jaqgħu taħtu. Dawn il-kirjiet saru skont il-proċeduri finanzjarji tas-servizz pubbliku.

Awtorità tad-Djar — applikazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta’ persuni, lokalità b’lokalità li qed jitolbu social housing skont it-talbiet li għandha l-Awtorità tad-Djar? Kemm hu n-numru ta’ persuni li kienu qed japplikaw għal social housing (ukoll lokalità b’lokalità) fil-bidu ta’ din is-sena li issa m’għadhomx hekk applikati? X’kienu r-raġunijiet li għalihom inqatgħu l-persuni li issa m’għadhomx fuq l-istess lista?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa l-Awtorita’ tad-Djar għandha 3,174 applikazzjoni għall-akkomodazzjoni alternattiva. L-applikanti ġejjin mill-lokalitajiet kif murija fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.