Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pulizija — Rapporti dwar imwiet traġiċi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hawn imwiet traġiċi din is-sena u x'tip kienu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel tlett xhur tas-sena 2005, l-imwiet traġiċi rrapurtati lill-Pulizija kienu kif jidher hawn taħt: Kawża tal-mewtNumru ta’ persuni Inċidenti tat-traffiku3 Suwiċidju6 Inċidenti fatali oħra4

Pulizija — Rapporti dwar persuni nieqsa

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hawn missing persons is-sena l-oħra u din is-sena u kemm instabu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena 2004 kien hemm 255 persuna li kienu ġew irrapurtati lill-Pulizija bħala nieqsa, li minnhom 239 kienu rintraċċati, filwaqt li matul din is-sena ġew irrapurtati nieqsa 75 persuna li minnhom 73 ġew rintrattaċati.

Pulizija — Persuni li nqabdu jdaħħlu għasafar f'Malta llegalment

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inqabdu persuni jdaħlu għasafar u/jew ħlejjaq oħra illegalment f'Malta din is-sena? X'tip kienu u fejn inqabdu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul din is-sena, kien hemm 9 persuni li nstab li ppruvaw jimpurtaw f'Malta xi speċi ta' annimal illegalment, li kienu jinvolvu għasafar ta' l-għana, karkassi, ġlud ta' speċi varji, mammiferi u fkieren ta' l-art. Dawn il-persuni nqabdu, 8 fl-ajruport u 1 fil-port.

Kunsilli lokali — Fondi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'fondi rċieva kull kunsill lokali f'Malta u Għawdex fis-sena 2002, 2003 u 2004?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-allokazzjoni finanzjarja lill-Kunsilli Lokali għas-snin finanzjarja 2002-2003, 2003-2004 u 2004-2005 hija kif inhu indikat fil-listi li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Iċ-ċifri mogħtija għas-snin finanzjarji 2003-2004 u 2004-2005 huma l-ammonti netti wara t-tnaqqis b'konnessjoni mar-reviżjoni ta' l-Estimi Finanzjarji mill-Ministeru tal-Finanzi.

Gwardjani lokali

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti rendikont ta' kemm ġiet tiswa sal-lum is-sistema tal-wardens (f'sistemi, nies, aġenziji, authorised officers, tribunali, eċċ.) għall-gvern u għal kull entita' jew kunsill lokali li joperaw fuqha? Min kienu l-kumpanniji li magħhom saru xi kuntratti u kemm dawn ġew imħallsa flus s'issa? X'kien id-dħul attwali mis-sistema?

Response (BORG, TONIO)

Is-Sistema ta' l-Infurzar Lokali (Local Enforcement System) hija waħda kumplessa ħafna li tinvolvi diversi partijiet, fosthom: l-Uffiċjali Awtorizzati, l-Aġenziji tal-Gwardjani Lokali, il-Kumitati Konġunti li jinkorporaw numru ta' Kunsilli Lokali, l-iskrivani fit-Tribunali Lokali, il-Kummissarji tal-Ġustizzja u l-Prosekuturi. Ninsab infurmat illi biex l-Onor. Interpellant jingħata t-tagħrif mitlub hu rikjest eżerċizzju vast ħafna li jirrikjedi l-ġbir ta' l-informazzjoni mid-diversi entitajiet imsemmija. Minħabba li dan l-eżerċizzju hu wieħed kumpless ħafna u li jieħu fit-tul għar-raġunijiet indikati hawn fuq, ma nħossx li għandna niddedikaw ir-riżorsi limitati fuq hekk.

Kontravenzjonijiet tat-traffiku — Local enforcement system

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'tip ta' kontrolli hemm fuq is-sistema tal-local enforcement system sabiex jiġi żgurat li ebda ċitazzjoni ma tista' tiġi mibdula jew imħassra mis-sistema? Jista' jgħid x'tibdiliet saru fis-sistema tal-local enforcement system tul iż-żmien li ilha topera minn dak li kien ġie mitlub fit-tender oriġinali tas-sistema?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-regola ġenerali hi li ġaladarba ikun ingħata Avviż ta' Kontravvenzjoni (ticket) tali ċitazzjoni ma tistax tiġi mibdula jew imħassra mis-sistema. L-eċċezzjoni hi biss fil-każijiet eċċezzjonali meta il-Gwardjan Lokali joħroġ Avviż ta' Kontravvenzjoni u jinduna li jkun ħa żball. F'dan il-każ, l-istess Gwardjan Lokali għandu jieħu affidavit li fih jagħti r-raġunijiet għalfejn dak l-Avviż għandu jkun ikkanċellat. Il-proċedura sħiħa dwar kif isir it-tħassir jew korrezzjoni tad-dettalji ta' l-Avviż tal-Kontravvenzjoni kienet ġiet indikata lill-Kunsilli Lokali kollha permezz taċ-ċirkolari Nru 5/2003 maħruġa mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali fil-11 ta' Frar 2003. Għar-rigward tal-parti tal-mistoqsija dwar tibdiliet fis-sistema tal-Local Enforcement System minn meta din bdiet titħaddem, peress li saru diversi 'upgrades' fis-sistema biex jirriflettu ż-żidiet fil-funzjonijiet ta' l-infurzar lokali, tingħata tweġiba f'xi seduta oħra.

CCF — Priġunieri

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' żgħażagħ bejn it-18 u t-30 sena li s-sena l-oħra kienu qed jiskontaw il-piena tagħhom fil-ħabs? Kemm fil-fatt kien in-numru ta' żgħażagħ ta' l-istess eta' li bdew sentenza matul l-istess perjodu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li matul is-sena 2004 il-Qrati irreferew erbgħa u tmenin (84) persuna li l-eta' tagħhom kienet bejn il-ħmistax u t-tletin sena, biex iservu sentenza fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin. Fir-rigward ta' l-ewwel parti tal-Mistoqsija, ma tinżammx statistika ta' kemm ikollhom eta' il-priġunieri b'sena sena. Dan għaliex fost dawk sentenzjati jkun hemm min jibda jew jispiċċa sentenza, min minn b'arrest jibda sentenza, u anke l-fattur li dawk minorenni ma jitpoġġewx ma' adulti li jkollhom aktar minn wieħed u għoxrin sena.

Persuni addottati — ID card

Question

Jaf il-Viċi Prim Ministru x'diffikultajiet se jkollhom persuni li ġew addottati u se jinbidlilhom l-ID card number? Jistgħu jingħataw struzzjonijiet sabiex meta jsir dan it-tibdil fl-ID card number il-gvern jieħu ħsieb jinforma uffiċjalment lid-dipartimenti kollha tal-gvern, entitajiet parastatali u fejn hu possibbli lill-privat?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Uffiċċju Elettorali, li jamministra l-proċess ta' ħruġ u tibdil tal-Karta ta' l-Identita', ser jieħu ħsieb li fil-każi msemmija mill-Onorevoli Interpellant, il-Common Database ikun aġġornat skond it-tibdil li jsir, kif ukoll ser jinħareġ ċertifikat lill-persuni konċernati li jikkonferma t-tibdil.

Imsida/Ta' Xbiex/Gżira — Barranin

Question

Billi ġewwa l-Imsida, Ta' Xbiex u l-Gżira aktar tara nies ta' xeħta orjentali jew Għarbija jiġru barra milli tara Maltin, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm minn dawn ġew imwaqqfa mill-pulizija biex jaraw humiex hawn legalment jew le? Kemm inqabdu nies illegalment din is-sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija kontinwamet tagħmel spezzjonijiet għal persuni ta' nazzjonalita' barranija li jistgħu jkunu Malta mingħajr permess. Fil-fatt matul l-ewwel tlett xhur ta' din is-sena kien hemm 104 persuna li nstab li kienu Malta irregolarment.

Ħruġ ta' visas

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inħarġu visas is-sena l-oħra u għal liema pajjiż kienu? Kemm minnhom, skond l-informazzjoni li għandu jew li suppost għandu il-gvern, irriżulta li ma rritornawx lejn pajjiżhom jew telqu minn Malta wara li għalqilhom il-permess ta' soġġorn hawn Malta? Minn liema pajjiż kienu?

Response (BORG, TONIO)

Fir-rigward ta' l-ewwel parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi matul is-sena 2004 ġew approvati 5,541 visa, skond il-pajjiżi kif jidhru fuq it-Tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dwar il-kumplament tal-Mistoqsija, nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 11126.

Visas

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inħarġu visas għal persuni mill-Ukrajna, Moldova, Belarus u Russi ta' sess femminili bejn it-18 u t-30 sena s-sena l-oħra? X'ġew jagħmlu u kemm minnhom ġew aktar minn darba?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant mhux disponibbli taħt forma kompjuterizzata.

Trasferiment ta' art

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk art li qiegħda fid-Dwejra , limiti tar-Rabat u li tmiss mal-Victoria lines, qies ta' ċirca 100 pied tul u 50 wiesgħa, ġietx trasferita lil terzi li hija mdaħħla fiha kumpannija tal-karozzi rinomata u li isiimha qed jintbagħat separatament? Jekk fl-affermattiv, kif sar dan it-trasferiment u xi proċedura ntużat għaliha?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi minn tfittxija fl-arkivji tat-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern, ma jirriżultax li xi biċċa art tal-Gvern fid-Dwejra limiti tar-Rabat ingħatat lil xi kumpanija li isimha huwa kif mogħti separatament mill-Onorevoli Interpellant.

Tipjip f'postijiet pubbliċi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li ġew immultati s'issa, jew imressqa l-qorti, minħabba tipjip f'postijiet pubbliċi? Jista' jgħid kemm kien l-ammont s'issa ta' multi li nħarġu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi minn meta ġew fis-seħħ ir-Regolamenti ta' l-2004 dwar it-Tipjip f'Postijiet Miftuħin għall-Pubbliku, kien hemm 80 persuna li ġew imressqa l-Qorti bi ksur ta' dawn l-istess Regolamenti. Minn dawn, 23 kellhom il-każ deċiż u l-ammont ta' flus immultat kien jammonta għal Lm1,305.

MFA

Question

Ġaladarba l-European Court of Justice ħarġet biss sentenza li player professjonali Russu għandu l-istess drittijiet ta' players oħra, meta dan jilgħab fil-EU, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex il-Malta football association qed tiċħad id-dritt ta' ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea ta' liberta' kompleta f'xogħlhom?

Response (BORG, TONIO)

L-Onorevoli Interpellant qed jitlobni parir, ħaġa li ma nistax nagħti skond Ordni Permanenti 27(5). Barra minn hekk, il-Ministeru tiegħi ma hux responsabbli għall-operat tal-M.F.A., u għalhekk ma tistax tingħata tweġiba dwar dak rikjest mill-Onor. Interpellant.

MFA — Players Maltin

Question

Peress li bosta players Maltin li għandhom passaport Malti, għax żammew ċittadinanza Maltija allavolja ġejjin mill-Awstralja jew l-Ingilterra, jew qalbu ċittadinanza minħabba żwieġ, u peress li dawn huma miċħuda milli jkunu Maltin għall-fini ta' l-MFA, jista' il-Viċi Prim Ministru jispjega kif l-MFA tista' tiċħad dritt ta' min għandu passaport Malti? Dan il-passaport għandu xi drittijiet? Dan jista' jiġi interpretat li l-MFA hija above the law?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba li jiena tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 12016.

Ħal Għaxaq — Masġar taż-żebbuġ

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jinformana min hu s-sid tal-masġar taż-żebbuġ fl-inħawi magħrufa Ta' Ħaxum f'Ħal Għaxaq? Hemm xi partijiet li huma mqabbla għand il-privat u jekk fl-affermattiv, liema nħawi? Hemm xi ħsieb li jsir żvilupp f'dawn l-inħawi jew devoluzzjoni lill-kunsill lokali biex l-inħawi tal-masġar isir park ta' rikreazzjoni?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-masġar f'Ta` Ħaxum f'Ħal Għaxaq fil-fatt huwa mqabbel lid-Dipartiment tal-Agrikoltura. It-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern mhix infurmata bl-ebda żvilupp f'dawn l-inħawi. Dwar il-possibilita' ta' devoluzzjoni favur il-Kunsill Lokali ta' Ħal Għaxaq ninsab infurmat li għalkemm diġa' saru xi kuntatti f'dan is-sens, it-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern qed tistenna talba formali taħt il-proċeduri stabbiliti, jiġifieri li talba ta' dan it-tip trid tgħaddi mingħand id-Dipartiment tal-Gvern u f'dan il-każ partikolari irid ikun hemm ukoll il-kunsens tad-Dipartiment tal-Agrikoltura bħala l-kerrej attwali.

Pulizija — Rapporti ta' serq

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew imwettqa serqiet matul Marzu 2005? Jista' jikklassifika s-serq? Jista' jgħid kemm ġew solvuti serq matul Marzu 2005?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul Marzu 2005 il-każi ta' serq li ġew irrapurtati lill-Pulizija kienu kif jidher hawn taħt, filwaqt li matul l-istess xahar il-Pulizija solviet 45 każ ta' serq. Hold up 3 Pick Pocketing 19 Snatch & grab 27 Serq minn dgħajjes 2 Serq ta’ dgħajjes 2 Serq ta’ karozzi 65 Serq minn karozzi 325 Serq minn residenzi 128 Serq minn barijiet / lukandi 41 Serq minn xtajtiet 4 Serq minn fabbriki 2 Serq minn ħwienet 41 Serq ieħor 242