Legislature:
Category:
Reset
Active:

Awtorita' tad-Djar

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex persuna li tkun wirtet sehem ta' dar (li ma jaqbiż il-valur ta' Lm 5000) ma tistax tapplika għall-iskema ta' sussidju fuq l-interessi mill-Awtorita' tad-Djar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellanti li taħt l-iskema li rreferiet għaliha l-Onor. Interpellanti, fil-perijodu mid-data tal-ħruġ ta' l-avviż sad-data ta' l-approvazzjoni ta' l-applikazzjoni għas-sussidju, l-assi ta' l-applikant ma jridux jeċċedu Lm12,000. Dawn l-assi jinkludu flus il-bank, ishma f'kumpaniji, mobbli jew ishma f'immobbli.

Ħlas b'Lura

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-Gvern hux se jagħti ċans lil dawk in-nisa li ma kienux ħallsu xi kontribuzzjonijiet tas-sigurta' soċjali f'ċertu perjodu, biex inħallsuhom b'lura, bħal ma kien għamel fl-1996?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għalissa, l-Gvern m'għandux il-ħsieb li jressaq emendi għal-Liġi tas-Sigurta' Soċjali biex isir dak li qiegħda tipproponi l-Onor. Membru.

Kontijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid separatament kemm hemm kontijiet pendenti mal-Maltacom plc mill-Ministeru u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm jammontaw dawn il-kontijet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Sakemm ma tingħatax raġuni l'għala qed tintalab, ma nara l-ebda skop li tinġabar din l-informazzjoni dettaljata.

Careworkers

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhu x-xogħol tal-careworkers li ddaħħlu jaħdmu f'San Vinċenz De Paule? X'differenza hemm fix-xogħol tagħhom meta mqabbel ma' dawk tal-SEN? X'ħinijiet qed jaħdmu l-careworkers u xi ħlas qed jieħdu? Jirriżulta li qed jaħdmu nofs siegħa extra u mhumiex jitħallsu għaliha? Meta se jiġi rrimedjat dan in-nuqqas jekk jeżisti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li x-xogħol tal-Careworkers li jaħdmu f'San Vincenz de Paule hu skond il-job description tagħhom. Ix-xogħol ta' l-SEN hu dak ta' nursing waqt li dak tal-Careworkers hu dak ta' caring. Il-Careworkers qed jaħdmu jumejn xogħol u waħda off. Il-ħinijiet tax-xogħol hu bejn is-7.00am sas-6.30pm. Il-ħlasijiet tagħhom hu fuq l-Iskala 16. Ma jirriżultax li l-Careworkers qed jaħdmu nofs siegħa extra.

Dar ta' l-Anzjani

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'possibilita' hemm biex il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament jiġi aċċetat fid-Dar ta' l-Anzjani tar-Rabat, Malta jew f'San Vinċenz de Paule?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-persuna msemmija sarilha assessment soċjali fil-11 ta' Mejju li għadda ġewwa l-Isptar San Luqa fejn hi rikoverata. Peress li hi bed-ridden, id-dokumenti neċessarji ġew mgħoddija lill-Admission Board ta' San Vincenz de Paule biex jingħataw il-prijorita' mistħoqqa.

Mustering Room

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk tistax issir spezzjoni mill-persuni kompetenti fil-qasam tas-saħħa u s-sigurta' fuq il-post tax-xogħol fil-mustering room tal-Mellieħa fejn persuni li jaħdmu fil-qasam taħt il-Ministeru ta' l-Ambjent intbagħtu jaħdmu f'kamra bla arja u telefon ġol-latrina pubblika fil-Mellieħa? Huwa aċċettabli li fis-seklu 21 persuni jaħdmu f'dawk il-kundizzjonijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-ispezzjoni mitluba ser issir mill-ispetturi tat-Taqsima għas-Saħħa u Sigurta' fuq ix-Xogħol.

Midwife

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se tingħata l-ħlassijiet dovuti l-midwife li d-dettalji qed jintbagħtu separatament li minħabbali korriet waqt inċident tat-traffiku baqgħet fuq nofs paga fl-Isptar San Luqa fil-perjodu 11 ta' Ġunju - 10 ta' Lulju 2000 u bla paga xejn fil-perjodu 10 ta' Lulju - 10 ta' Awissu 2000?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna konċernata ġiet infurmata bil-każ.

Awtorita' tad-Djar?

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-iskema sitta tal-Awtorita' tad-Djar li qed tkun riveduta u li suppost tkun lesta sa' Ottubru li ġej hux ser ikollu tibdil sinifikanti li jnaqqas xi forma ta' benefiċċju ossia sussidju minn dak oriġinali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Awtorita' tad-Djar ser tirrevedi l-iskema sitta biex tagħmilha iktar aċċessibbli għall-inkwilini li jgħixu fi proprjeta' tal-Gvern. Huwa prematur li nagħti aktar dettalji fuq l-iskema l-ġdida peress li l-Awtorita' tad-Djar qieghda fil-proċess ta' studju fuq din l-iskema.

San Ġwann

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemm xi ħsieb li jsir lift fi VJal in-Naspli, Block 4A, San Ġwann, kif wkoll fi Vjal in-Naspli, Block 4C, San Ġwann minħabba f'ċerti anzjani li hemm joqgħodu fil-blocks ikkonċernati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-iskema ta' l-Awtorita' tad-Djar dwar l-istallazzjoni ta' lifts tkopri prinċiparjament il-blokki ta' appartamenti l-Belt Valletta, Floriana u l-Kottonera. L-Awtorita' tikkunsidra wkoll applikazzjonijiet minn lokalitajiet oħra kemm il-darba fil-blokk ikun hemm persuna li tiġi ċertifikata li għandha diżabilita'.

Day Care Centre

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga l-allegazzjoni ta' diskriminazzjoni politika li ġieli jkun hemm fit-tmexxija tad-Day Care Centre tal-Anzjani f'Tas-Sliema? Huwa minnu li ċerti supervisors li jaħdmu f'dan il-post ġieli jieħdu lill-anzjani għall-coffee mornings tal-PN?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Anzjani s'issa ma kellu ebda rapport li jikkorrobora l-allegazzjonijiet imsemmija fil-Mistoqsija Parlamentari. Ninsab infurmat ukoll li d-Dipartiment qed jinvestiga rapporti dwar l-atteġġjament negattiv u tfixkil minn ċerti helpers fiċ-ċentru ndikat biex jittieħdu l-passi opportuni għall-ġid ta' l-anzjani li jattendu dan iċ-ċentru.

Long Term Unemployed

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 25578, ninformak li qed nirreferi għal kuntratturi tal-kostruzzjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-numru ta' persuni li ġew maqtugħa mir-reġistru tal-qgħad (Part 1) (Malta) f'dawn l-aħħar tlett xhur, għax ma aċċettawx xogħol mal-kuntratturi tal-kostruzzjoni - ix-xogħol li kienu qed jirreġistraw għalih - huwa ta' 83 persuna. L-etajiet tagħhom kienu hekk: 18-il persuna bejn 20 sena u 30 sena 30 persuna bejn 31 sena u 40 sena 28 persuna bejn 41 sena u 50 sena 07 persuni bejn 51 sena u 60 sena Minn 83 perusna, 44 kienu long-term unemployed (jirreġistraw għal aktar minn sena)

Serenity Wards

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid biex qed jiġu mħaddma is-serenity wards il-ġodda f'St Vincent De Paule, jekk hux xi staff ġdid jew inkella b'ħaddiema li kien hemm diġa fir-residenza? Jekk b'ta l-aħħar jista' jgħid jekk imtlewx il-vakanzi li tħallew minn wards oħra? Jekk jogħoġbu jista' jgħid jekkk il-complement tal-ħaddiema hux kollu mimli f'dawn il-wards? Jekk le f'liema kategoriji hemm in-nieqes u x'qed isir biex dan jimtela?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellanti li s-'Serenity Wards', li jikkonsistu fis-'Serenity Wards' 1 (ex-F 19/20), fis-'Serenity Wards' 2 (ex-F 13/14) u 'Serenity Wards' 3 (ex-F 17/18), li l-parti l-kbira tal-istaff hija magħmula minn ħaddiema li diġa' qed jaħdmu fir-residenza San Vinċenz u fil-Wards li issa ġew trasferiti għal hemmhekk. Vakanzi f'Wards oħra, għalhekk ma jeżistux. Ċerti postijiet vakanti qed jiġu għal issa mimlija b'ħaddiema każwali.

Imtarfa Home

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'se jsir biex l-istaff fl-Imtarfa home ikollhom rest room xierqa? Għaliex l-impjegati jieklu fid-dining room tal-morda? Meta se tiġi rranġata l-istretcher imkissra li hemm? Meta se jiġu rranġati l-lifts li ma jaħdmux?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-istaff ta' l-Imtarfa Home għandhom restroom kif suppost. Ninfurmak ukoll, li peress li l-anzjani għandhom ħin speċifiku għall-ikel, allura hemm ħin biġġejjed biex l-impjegati jagħmlu użu mid-dining room ukoll. Fl-Imtarfa Home il-lifts kollha jaħdmu u l-istretcher imsemmi mhux imkisser iżda antik.

Entertainment Section

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'attivitajiet ġew organizati mill-entertainment section ta' l-SVDP matul is-sena 2000 u fl-ewwel tlett xhur ta' din is-sena? Kemm tħallas overtime lill-ħaddiema li jaħdmu f'din is-section f'dan il-perjodu? Min huma dawk li jaħdmu f'din is-section? Min minn dawn il-ħaddiema tħallas l-overtime u kemm kull persuna?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-sena 2000 ġew organiżżati 157 attivita' li għalihom attendew 18,003 resident/a. Fl-ewwel tlett xhur tas-sena 2001 ġew organiżżati 55 attivita' li għalihom attendew 5,337 resident/a. F'din is-sezzjoni hemm 9 impjegati li bħala overtime tħallsu Lm5,025.21,4 matul is-sena 2000 u Lm2,128.65,9 fl-ewwel tlett xhur ta' din is-sena.

CDU

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li l-każ tal-persuna li d-dettalji qed jintbagħtu separatament jingħata attenzjoni, peress li din il-familja qed tgħix f'żewġ t'ikmamar u dan qed joħloqilha problemi kbar u dan kollu hu konfermat bir-rapport li sar tal-każ minn social worker tac-CDU?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-applikazzjoni qiegħda tiġi kkunsidrata.

Shifting

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li t-talba ta' anzjana li l-partikolaritajiet tagħha huma annessi separatament li tinsab waħedha u li ilha titlob biex isir shifting ta' telecare tintlaqa peress li dan is-servizz qiegħed 'li bogħod minn fejn għandha bżonnu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li t-talba tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet riferuta f'żewġ okkażjonijiet separati lill-Maltacom biex isir ix-xogħol mitlub. Ninsab infurmat ukoll li l-Maltacom ġiet mitluba għal darb'oħra biex dan ix-xogħol isir malajr kemm jista' jkun.

Social Housing

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm il-kuntratt ġie iffirmat mas-settur privat li bih l-awtorita' ta' djar akkwistat propjeta privata għall-skop ta' social housing? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kull kuntratt / konvenju iffirmat sal-llum?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 24282, f'Seduta Numru 511. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti relattivi.

Local Wardens

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm il-darba saru courses għal lokal wardens u f'liema data> Kemm kien in-numru ta' dawk l-applikanti nisa w rġiel u kemm minnhom għaddew? X'kienet l-eta' ta' kull applikant li qagħad għal course tal-local wardens u kemm min dawn qed jistennew il-warrant?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra id-dettalji dwar in-numru ta' korsijiet u parteċipanti li attendew għall-programmi ta' taħriġ għall-gwardjani lokali. Dawn iċ-ċifri huma dawk li jirrigwardjaw biss Malta. L-informazzjoni li tirrigwardja dawk li qed jistennew il-warrant ma tistax tingħata mill-Korporazzjoni peress li dan ma joħroġx mill-ETC.

Housing

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid peress li ħafna residenti b'mard kroniku u anzjani b'ħafna taraġ qed jistennew żviluppi fir-rigward ta' dak li staqsejt f'mistoqsija parlamentari nru. 21960, hemmx żviluppi fil-ħames kategoriji msemmija fit-tweġiba?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar u Tweġiba ser tingħata f'xi Seduta oħra.