Jista' il-Prim Ministru jgħid x'pożizzjoni se jieħu l-gvern biex iħares l-interessi ta' pajjiżna fix-xhur li ġejjin, issa li qed jitfasslu l-financial perspectives ta' l-Unjoni Ewropea 2007-2013, bl-istatistika bħalissa turi li l-GDP ta' pajjiżna huwa 75.9% tal-medja Ewropea u allura ma nikkwalifikawx iżjed għall-fondi taħt Objective 1?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 10708.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 10703 li oriġinarjament saret lill-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Ġustizzja u Intern u li issa ġiet riferuta lilek u cioe' jista' il-Prim Ministru jgħid x'inhu l-użu tal-Barriera bonded stores? B'liema titolu għaddew dawn l-imħażen lill-Barriera tax warehouse limited? Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim? Min huma d-diretturi ta' l-istess kumpannija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Barriera Bonded Stores huma mħażen fejn diversi importaturi jpoġġu merkanzija bħal tabakk immanifatturat, inbejjed u xorb alkoħoliku li jekk ikunu ġejjin minn Stati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea ma jkunx tħallas dazju tas-sisa u l-VAT fuqhom u jekk ġejjin minn pajjiżi terzi ma jkunx tħallas id-dazju fuq l-importazzjoni.
Bid-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, id-Dwana ta’ Malta ma setgħetx tibqa’ tmexxi u tikkontrolla b’mod dirett dawn l-imħażen u għalhekk ġiet fi ftehim mal-biċċa l-kbira ta’ l-operaturi li ffurmaw il-kumpanija Barriera Tax Warehouses Limited biex tmexxi l-operazzjonijiet f’dawn l-imħażen għan-nom tagħha. Din il-kumpannija għandha l-istatus ta’ Authorized Warehouse Keeper kif provdut fil-liġi dwar id-Dazju tas-Sisa, Kap. 382.
Lista tad-Diretturi tinsab fl-aħħar faċċata tal-ftehim li kopja tiegħu qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' suldati li weġġgħu fuq ix-xogħol waqt li kienu għassa ma' l-immigranti klandestini s-sena l-oħra u din is-sena? X'kien it-tip ta' korriment?
Response (GONZI, LAWRENCE)
In-numru ta’ suldati li weġġgħu fuq ix-xogħol waqt li kienu għassa ma’ l-immigranti irregolari sew is-sena l-oħra kif ukoll din is-sena huwa ta’ għaxra. It-tip ta’ korriment kien kif ġej:
a. Tlett suldati weġġgħu meta l-immigranti taw assalt b’forza fuq ix-xatba tal-post fejn kienu qed jinżammu. It-tlett suldati kienu għassa eżatt wara x-xatba u għaldaqstant meta x-xatba ġiet sfurzata ’l barra, ġew imweġġa’. Tnejn minn dawn is-suldati soffrew ġrieħi f’idejhom u f’sidirhom waqt li l-ieħor kellu spalla żlugata.
b. Tlett suldati oħra ġew imweġġa’ fl-inċidenti li seħħew fit-13 ta’ Jannar ta’ din is-sena fejn wieħed sofra ksur f’driegħu, ieħor ġie mweġġa’ f’idejh u ieħor sofra minn kontużjoni kkawżata minn ġebel mwaddab fid-direzzjoni tiegħu.
ċ. Żewġ suldati oħra weġġgħu meta ntlaqtu minn ġebel li twaddab apposta fid-direzzjoni tagħhom mill-immigranti fil-għaxija tat-13 ta’ Jannar ta’ din is-sena, cioé, meta saru l-inċidenti msemmija f’paragrafu ‘b’, hawn fuq. Wieħed mis-suldati sofra ġrieħi f’rasu waqt li l-ieħor ġie milqut taħt l-istonku.
d. Żewġ suldati oħra weġġgħu f’inċident tat-traffiku waqt li kienu qed jeskortaw l-immigranti mill-isptar lura lejn iċ-ċentru ta’ detenzjoni fejn kienu qed jinżammu. It-tnejn li huma soffrew ksur f’saqajhom.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm instabu oġġetti llegali u li jistgħu jintużaw bħala arma mill-immigranti klandestini waqt searches mill-Armata?
Response (GONZI, LAWRENCE)
In-numru ta’ oġġetti li nstabu waqt searches mill-Forzi Armati ta’ Malta li, għalkemm mhux kollha huma kkunsidrati bħala illegali, setgħu jintużaw bħala arma mill-immigranti irregolari kien ta’ madwar tmienja u tletin (38).
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm ħarbu klandestini minn taħt il-kustodja ta' l-armata s-sena l-oħra, kemm inqabdu u kemm ma nstabux?
Response (GONZI, LAWRENCE)
In-numru ta’ immigranti irregolari li rnexxielhom jaħarbu miċ-ċentru ta’ detenzjoni f’Ħal-Safi taħt il-Kustodja tal-Forzi Armati ta’ Malta, kien ta’ erbgħa u tletin (34). Minn dawn inqabdu erbgħa filwaqt li l-kumplament, baqgħu ma nstabux.
Jista' il-Prim Ministru jagħti lista ta' konsulenti jew kumpanniji ta' konsulenza, lokali jew barranin, li l-ministeru, inkluż il-korporazzjonijiet pubbliċi kollha li jaqgħu taħtu, għamel użu minnhom matul l-2004? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ u kemm kienu l-ħlasijiet? Jista' jgħid kemm għad baqa' ħlasijiet li jridu jsiru?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
Jista' il-Prim Ministru jinvestiga l-każ ta' persuna - dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - li ġiet mitluba mid-dipartiment tal-VAT biex tħallas aktar flus, wara li din kienet diġa' ħallset il-flus dovuti lid-dipartiment tal-VAT kif mitluba?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 10525 u cioe' jgħid jekk jaħsibx li wasal iż-żmien li l-gvern jifli sewwa l-istrutturi li għandu pajjiżna biex jevalwaw il-miżuri, proposti, regoli fiskali, ambjentali u ta' saħħa, kundizzjonijiet tax-xogħol, fost l-oħrajn, li ġejjin mill-obbligi tagħna bħala membri fl-Unjoni Ewropea biex jibdew jaraw sew l-impatt tagħhom fuq il-qasam turistiku? Jaħseb li s'issa m'għandhiex dawn l-istrutturi meħtieġa peress li l-Unjoni Ewropea nnifisha nieqsa minn dawn l-istrutturi u aħna kulma għamilna s'issa rreplikajna l-istrutturi ta' l-Unjoni Ewropea fix-xogħol ta' skrutinju tagħna fid-delegazzjoni Maltija fi Brussel u fil-working committees tal-parlament u għalhekk it-turiżmu huwa nieqes minnhom, minkejja li hemm dak li joħroġ mill-Unjoni Ewropea spiss jaffettwa l-qasam turistiku, qasam ewlieni għall-impjiegi u l-ġid f'pajjiżna u bħalissa dan l-impatt mhux qed jiġi skrutinizzat b'mod adegwat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' il-Prim Ministru jgħid x'kien il-prodott gross domestiku ta' pajjiżna fis-snin 1999, 2000, 2001 u 2002 u jispjega xi kkontribwixxa biex kull sena tela' jew niżel? F'liema qasam tela' u niżel? Jista' jagħti mill-1999 sas-sena 2002 x'kien il-GDP ta' Malta meta mqabbel mal-medja ta' l-Unjoni Ewropea?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm-il darba ltaqa' il-kumitat inter-ministerjali dwar it-turiżmu tul ix-xahar ta' Jannar 2005? Jista' jgħid x'terms of reference għandu dan il-kumitat u min qed jattendi għalih?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 10040.
Jista' il-Prim Ministru jgħid fiex wasal il-pjan li kellu jfassal il-gvern biex pajjiżna jilħaq il-miri ta' l-istrateġija ta' Lisbona maqbula fis-sena 2000 biex sa ħames snin oħra l-Unjoni Ewropea ssir l-ekonomija l-iżjed kompetittiva' fid-dinja? Jista' ipoġġi fuq mejda tal-Kamra kopja ta' dan il-pjan ta' pajjiżna biex iwettaq il-miri ta' Lisbona? Fiex wasalna fit-twettiq ta' dan il-pjan?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 10535 u cioe' billi l-anzjan - id-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament - ilu żmien rikoverat f'St. Vincent de Paule u billi m'għadx hemm familjari joqogħdu f'dak l-indirizz, x'inhi r-raġuni li minkejja li l-persuna l-oħra - id-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - ilha żmien twil titlob biex il-pensjoni tintbagħat fl-indirizz ta' dan ta' l-aħħar billi għandha prokura fuq iċ-cheque tal-pensjoni ta' l-anzjan, it-Teżor xorta waħda qed jibqgħu jibagħtu ċ-cheques fl-indirizz antik ta' l-istess anzjan?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hawn persuni f'Malta u Għawdex li jiddikjaraw li jaqilgħu income ta' aktar minn Lm6,840 fis-sena? Jista' jgħid kemm minn dawn huma mpjegati jew self-employed?
Jista' jaqsam il-persuni f'Malta u Għawdex li jiddikjaraw li jaqilgħu income ta' aktar minn Lm6,840 fis-sena bejn irġiel, irġiel miżżewġa, nisa, nisa miżżewġa u f'kategoriji ta' impjegati jew self-employed f'income brackets ta' differenza ta' Lm1,500 bejn kull bracket (i.e. Lm6,840-Lm7,000, Lm7,001-Lm8,500, Lm8,501-Lm10,000, eċċ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża totali għall-elezzjonijiet li saru fit-12 ta' Ġunju, 2004 kemm għall-membru tal-parlament Ewropew kif ukoll għall-kunsilli lokali?
Jista' ġentilment jindika dettaljatament kif u fiex intnefqu dawn il-flus?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ispiża totali għall-elezzjonijiet li saru fit-12 ta’ Ġunju, 2004, jiġifieri dik għall-Membri Parlamentari Ewropej u dawk tal-Kunsilli Lokali kienet ta’ Lm987,000. Dan l-ammont intefaq prinċipalment kif muri fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Mhux possibli li jingħad kemm intefaq għall-elezzjoni tal-Membri Parlamentari Ewropej u għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli separatament minħabba li saru flimkien.
Jista' il-Prim Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol biex isir iċ-ċensiment nazzjonali li jsir kull għaxar snin? Jista' jgħid kemm se jqum dan iċ-ċensiment? Meta se jsir? Liema oqsma tal-ħajja se jkopri?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li diġà beda x-xogħol preparattiv biex jittieħed ċensiment. Huwa kmieni biex wieħed jagħti stima ta’ kemm ser jiswa f’dan l-istadju. Id-data meta jittieħed iċ-ċensiment għad trid tiġi deċiża. It-tagħrif dwar liema oqsma tal-ħajja se jkopri qegħdin jiġu definiti u fuqhom bdew ukoll diskussjonijiet ma’ l-Oppożizzjoni.
Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 10041 u cioe' jista' jgħid fiex wasal ix-xogħol biex isir iċ-ċensiment nazzjonali li jsir kull għaxar snin? Jista' jgħid kemm se jqum dan iċ-ċensiment? Meta se jsir? Liema oqsma tal-ħajja se jkopri?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 10041.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hemm suldati tal-forzi armati ta' Malta stazzjonati fil-barracks ta' Ħal Safi? Kemm minn dawn jagħmlu xogħol ta' għassa ma' l-immigranti klandestini? Kemm kien ikun hemm suldati ta' l-AFM għassa diretta ma' l-immigranti klandestini fil-barracks ta' Ħal Safi at any one time qabel seħħew l-inċidenti tat-13 ta' Jannar 2005? Kemm hemm għassa wara li seħħew dawn l-inċidenti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’ suldati stazzjonati fil-barracks ta’ Ħal-Safi huwa 191, inklużi l-fizzjali.
Minn dan in-numru, 48 jagħmlu xogħol ta’ għassa ma’ l-immigranti irregolari. Barra minn dawn hemm 17-il suldat ieħor li wkoll jagħmlu għassa ma’ l-immigranti irregolari, iżda dawn jiġu minn Units oħra. Tajjeb li wieħed isemmi li hemm aktar suldati li jaħdmu indirettament ma’ l-immigranti rregolari fosthom kokijiet, xufiera u oħrajn.
In-numru ta’ suldati li jagħmlu għassa diretta ma’ l-immigranti irregolari fil-barracks ta’ Ħal-Safi baqa’ 17, kif kien qabel l-inċidenti tat-13 ta’ Jannar 2005.