Saħħa — Persuni li nqabdu mhux fuq il-post tax-xogħol
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk itteħdux jew humiex se jittieħdu passi kontra impjegati tas-saħħa li nstabu nieqsa mill-post tax-xogħol tagħhom aktar kmieni din is-sena?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Id-Diviżjoni tas-Saħħa diġa bdiet tieħu passi kontra l-impjegati li għalihom qed jirreferi l-Onor Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid jekk nħarġux xi direttivi lit-tobba li jaħdmu fiċ-Ċentri tas-Saħħa dwar talbiet għal visti minn persuni barranin? X'kienu dawn id-direttivi?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-Policy tad-diviżjoni tas-saħħa dwar talbiet għal viżti miċ-ċentri tas-saħħa għall-persuni barranin hija li ma jsirux viżti fuq persuni barranin ħlief
f'kazi fejn il-kundizzjoni tkun tali li jkun hemm periklu għall-ħajja tal-persuna, irrispettivament min-nazzjonalita' tal-persuna konċernata.
fuq persuni ta' nazzjonalita' Ingliża jew Awstraljana li huma koperti bi ftehim reċiproku li l-Gvern Malti għandu mal-Gvernijiet rispettivi tagħhom.
Din il-policy ġiet mgħarrfa lit-tobba taċ-ċentri tas-saħħa permezz ta' ċirkolari interna maħruġ fil-11 ta' Mejju 1999 li kopja tagħha qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hawn każijiet ta' salmonella u E-coli induced enteritis xahar b'xahar din is-sena? X'passi ħa d-dipartiment fuq dawn il-każi?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi mill-1 ta' Jannar 1999 sa l-aħħar ta' Awissu 1999, in-numru ta' każijiet ta' Salmonella rappurtati lit-Taqsima Tħaris tal-Mard kien ta' 204 filwaqt li ġie rappurtat każ wieħed ta' E. Coli O11:K58 f'Ġunju.
It-tabella hawn taħt tindika kif dawn il-każijiet ġew rappurtati xahar b'xahar.
Xahar Salmonella E.Coli
_____________________________________
Jannar 6 -
Frar - -
Marzu 8 -
April 6 -
Mejju 17 -
Ġunju 5 1
Lulju 153 -
Awissu 9 -
__________________________________________
Total 204 1
Ninfurmak li ġew meħuda il-passi kollha neċessarji biex dawn il-każijiet jiġu investigati. Dawn jinkludu testijiet tal-ippurgar, spezzjonijiet fejn kien meħtieġ, kif ukoll ġew meħuda kampjuni tal-ikel minn postijiet allegatament involuti. Kien hemm każijiet fejn id-Dipartiment tas-Saħħa ħareġ taħrikiet lill-persuni li kisru r-regolamenti sanitarji.
Jista' l-Ministru jgħid kemm mietu persuni kawża ta' tipjip ta' tabakk din is-sena u s-sena l-oħra?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li n-numru ta' persuni ċertifikati li mietu kawża tat-titjip ta' tabakk kien ta' 341 fl-1998 u 262 sa l-aħħar ta' Awissu ta' din is-sena.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ħallas flus il-ministeru lill-isptarijiet privati għal trattamenti jew testijiet fuq persuni mibgħuta hemm mill-gvern kull sena fl-aħħar tliet snin? Kemm kien in-numru ta' persuni li ntbagħtu ġo dawn l-isptarijiet privati u għaliex?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li fl-aħħar tliet snin intbagħtu pazjenti għal testijiet jew kura fl-isptarijiet privati minħabba li:-
fil-każ ta' operazzjonijiet tal-qalb ġewwa Capua Palace Hospital peress li kienu każijiet urġenti u l-ITU ta' L-isptar San Luqa ma kienx hemm wisa' biex dawn il-morda jistgħu jiġu rikoverati wara l-operazzjoni. Wasal biex jitlesta c-CICU biex dan il-bżonn jiġi eliminat.
fil-każ ta' MRI scans ġewwa St. James Hospital, peress li l-Gvern m'għandux is-servizz tiegħu fl-Isptar San Luqa. Id-dipartiment sejjer ikollu l-MRI tiegħu għall-bidu tas-sena d-dieħla.
L-informazzjoni l-oħra mitluba kienet kif ġej:-
Sena Numru ta' Spiża
pazjenti
________________________________________________ _________________
Operazzjonijiet 1997 10 informazzjoni ta'
tal-qalb natura kummerċjali
li qatt ma saret
pubblika
________________________________________________ __________________
MRI Scans 1997 (minn 1/5/97) 223 informazzjoni ta'
1998 330 natura kummerċjali
1999 (sa 31/8/99) 310 li qatt ma saret
pubblika
________________________________________ __________________________
Jista' l-Ministru jgħid jekk it-tinda li hemm fejn il-pubbliku jistenna sakemm jingħata l-mediċini b'xejn fl-Isptar San Luqa, hux se jiġi ppjanat li din tingħalaq b'tali mod biex jitnaqqsu l-elementi tat-temp fi żmien ix-xitwa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Permezz tal-miżuri li ttieħdu biex jitħaffef ix-xogħol ta' l-ispiżerija, l-uniku ħin li jkun hemm nies jistennew barra huwa qabel ma' din tiftaħ fil-għodu.
Li kieku n-nies josservaw il-ħinijiet tal-ftuħ, l-anqas ikun hemm ħtieġa għat-tinda.
Jista' l-Ministru jgħid x'policy hemm fl-isptarijiet u/jew kliniċi tal-Gvern meta tabib ikellem lil pazjent bl-Ingliż, biex jiġi assigurat li fil-każ ta' pazjenti li ma jifhmux bl-Ingliż, dawn ikollhom iċ-ċans li jifhmu x'qed jingħad lilhom?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-istaff ta-isptarijiet/kliniċi tal-Gvern huma dejjem disposti li jassistu morda li ma jifhmux bl-Ingliż sabiex jiġi assigurat li dawn jifhmu dak li qed jingħad lilhom mit-tabib. Pazjent li jinħtieġ din l-għajnuna għandu jiġbed l-attenzjoni ta' l-istaff.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għal sit ta' qabar? Fiex waslu l-pjanijiet għal xogħol ta' estensjoni taċ-Ċimiterju ta' l-Addolorata?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar u tingħata risposta f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid: 1) meta hu jew individwi fis-segretarjat tiegħu siefru fuq xogħol uffiċjali; 2) fejn marru barra minn Malta; 3) x'kienet ir-raġuni tas-safra; 4) min ħallas għal kull safra; 5) ma' min iltaqgħu b'mod uffiċjali; 6) x'riżultati jew ftehim saru f'dawn is-safriet; u 7) minn min kienet tifforma kull delegazzjoni
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni qed tinġabar u tingħata risposta f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-lum, il-Permanent Secretary kif ukoll kull direttur fid-dipartiment tas-Saħħa: 1) kemm-il darba siefru fuq xogħol uffiċjali; 2) fejn siefru; 3) x'kienet ir-raġuni tas-safra; 4) min ħallas għal kull safra; 5) ma' min iltaqgħu b'mod uffiċjali; 6) x'riżultati jew ftehim saru f'dawn is-safriet; u 7) minn min kienet ifformata kull delegazzjoni?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni qed tinġabar u tingħata risposta f'seduta oħra.
Peress li l-pilloli Vitamin B complex fl-ispiżeriji tal-gvern ilhom out of stock għal xhur sħaħ, jista' l-Ministru jgħid meta mistenni li dawn il-vitamini jinxtraw ħalli l-pazjenti jinqdew?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Id-Dipartiment għandu kuntratt għax-xiri ta` li jiskadi fit-8 ta` Ottubru 1999. Reċentement, ġejna nfurmati mill-kuntrattur li t-talba tagħna biex jissuplixxina b'konsenja ta` din il-vitamina ma tistax tiġi milqugħa minħabba li l-prodott ma kienx aktar manifatturat mid-ditta konċernata.
Għalhekk id-dipartiment mill-ewwel ħa l-passi neċessarji biex jipprova jixtri din il-mediċina b'mod ieħor. Iżda l-ebda offerta li ġiet mitfugħa ma` kienet skond l-ispeċifikazzjonijiet. Konsegwentament, id-Dipartiment bħal issa għandu nuqqas ta` din il-vitamina.
Proprju llum ġejna nfurmati mill-kuntrattur li sab sors alternattiv u għalhekk hu previst li din il-vitamina għandha tkun f'idejna fi ftit ġranet oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm pharmacy technicians jaħdmu mad-Dipartiment tas-Saħħa? Id-Dipartiment tas-Saħħa kemm għandu bżonn ta' individwi biex jagħmlu xogħol ta' storekeeping u procurement fil-medical stores? F'kull każ xi grad irid ikollhom? X'inhuma l-pjanijiet tal-gvern rigward min jista' jiddispensa l-mediċini fl-ispiżeriji tal-gvern?
Response (DEGUARA, LOUIS)
In-numru totali ta` impjegati fil-gradi ta` Pharmacy Technician, Senior Pharmacy Technician u Principal Technician huma 93.
Id-Dipartiment tas-Servizzi Farmaċewtici tal-Gvern bħal issa għaddej b'taħdidiet mal-Pharmacy Technicians biex tiġi stabbilita struttura ġdida għalihom.
Il-pjanijiet tal-gvern huma bbażati fuq il-liġi Maltija (simili għall-Liġijiet Internazzjonali).
Jista' l-Ministru jgħid fl-Isptar Monte Carmeli min hu ntitolat biex jiġi provdut bi trasport mid-dar għax-xogħol u lura d-dar? Min fil-każ qed jingħata din il-faċilita' apparti dawk fir-risposta għall-ewwel parti?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni għal din il-mistoqsija qiegħda tinġabar, għalhekk ir-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista'l-Ministru jgħid jekk is-servizz ta' l-injezzjoni kontra l-influwenza li tingħata lill-anzjani miċ-ċentri tas-saħħa issa ġiet permessa għal dawk 'il fuq minn 65 sena?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Anzjani 'l fuq minn 65 sena dejjem kienu u għadhom intitolati għal dan is-servizz.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 8113 u jżid l-informazzjoni għax-xahar ta' Ġunju?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli interpellant illi n-numru ta' pazjenti li daħlu l-Isptar San Luqa mill-1 ta' Jannar 1999 kaġun ta' avvelenar ta' l-ikel huwa ta' 17. Minn erbatax (14)-il pazjent ġie isolat il-mikrobu Salmonella u minn tlett (3) pazjenti ġie kultivat il-mikrobu Campylobacter.
It-Taqsima Tħaris tal-mard f'kull każ li ġie rappurtat ħadet il-passi kollha neċessarji li jinkludu investigazzjoni tal-każ, testijiet tal-ippurgar, contact tracing, u spezzjonijiet fejn meħtieġ.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il każ ta' food poisoning li ġew rapportati f'Ġunju fid-Dipartiment tas-Saħħa f'polikliniċi u fl-Isptar San Luqa rriżultaw li kienu kawża ta' tonn inferjuri li kien hawn fis-suq lokali? X'passi ħa d-Dipartiment tas-Saħħa u x'konsultazzjoni saret mad-Dipartiment tas-Sajd?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġew innotifikati żewġ każi fl-istess familja ta` scombrotoxin food poisoning f'Ġunju li setgħu kienu relatati ma` bejgħ ta` ħut inferjuri. Uffiċċjali tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika jagħmlu spezzjonijiet regolari fi swieq pubbliċi u ħwienet fejn jinbiegħ il-ħut frisk u jittieħdu kampjuni ta` tonn sabiex jiġi analizzat il-livell ta` histamina fil-ħut.
Rigward l-aħħar parti ta` domanda, qed isiru diskussjonijiet bejn id-Diparitment tas-Saħħa u d-dipartiment tas-Sajd sabiex tistab l-aħjar sistema kif ġej analizzat il-livell ta` histamina fit-tonn hekk kif dan il-ħut jasal il-pixkerija.
Jista' l-Ministru jgħid jekk saritx xi investigazzjoni mid-Dipartiment tas-Saħħa biex jiġi żgurat li ma sar l-ebda ksur ta' kodiċi ta' etika minn tobba li xtraw sptar privat din is-sena? Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx tobba li jaħdmu mal-gvern u li għandhom sehem minn dan l-isptar?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Saru u għadhom qed isiru investigazzjonijiet dwar sehem dirett jew indirett ta' tobba fi sptar privat. Sa issa ma kienx hemm riżultati li jindikaw xi ksur ta' kodiċi ta' l-etika jew xi ksur ta' obbligazzjonijiet kuntrattwali ta' tobba li jaħdmu mal-Gvern.