Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm studenti fis-Sixth form ta' l-Istat (junior college) li qed jistudjaw il-chemistry? Kemm huma subien u kemm huma bniet? Jista' jgħid kemm qegħdin fl-ewwel u fit-tieni sena?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li studenti fl-ewwel sena tal-Junior College li qed jistudjaw il-Chemistry fil-livell Avvanzat u fil-livell intermedju huma dawn:
AVVANZAT INTERMEDJU
Subien 74 9
Bniet 141 10
Studenti fit-tieni sena tal-Junior College li qed jistudjaw il-Chemistry fil-livell Avvanzat u fil-livell Intermedju huma dawn:
AVVANZAT INTERMEDJU
Subien 65 4
Bniet 120 6
Jista' il-Ministru jgħid fis-Sixth form ta' l-Istat (junior college) kemm hemm studenti subien u bniet li qed jistudjaw il-bioloġija? Kemm huma fl-ewwel u fit-tieni sena?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li studenti fl-ewwel sena tal-Junior College li qed jistudjaw il-Bijoloġija fil-livell Avvanzat u fil-livell intermedju huma dawn:
AVVANZAT INTERMEDJU
Subien 95 23
Bniet 216 92
Studenti fit-tieni sena tal-Junior College li qed jistudjaw il-Bijoloġija fil-livell Avvanzat u fil-livell Intermedju huma dawn:
AVVANZAT INTERMEDJU
Subien 72 19
Bniet 196 105
Jista' il-Ministru jgħid fl-iskejjel ta' San Alwiġi, De la Salle u St Edwards, fejn hemm is-Sixth form, kemm hemm studenti li qed jistudjaw il-bioloġija u l-chemistry separatament? Kemm hemm subien u kemm hemm bniet u kemm hemm fl-ewwel u fit-tieni sena?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra rapporti tar-rakkmandazzjonijiet li saru lid-dipartiment ta' l-edukazzjoni sabiex isiru xogħlijiet ta' manutenzjoni fl-iskejjel ta' l-Istat bil-għan li jiġi evitat xi perikli li kawża tagħhom jistgħu jweġġgħu l-istudenti waqt il-ħin li jkunu l-iskola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni irċeviet żewġ rapporti ta' rakkomandazzjonijiet mill-OHSA, wieħed fuq l-Iskola Sekondarja tas-Subien, Vincenzo Borg Brared, u l-ieħor fuq l-Iskola Primarja 'B', Sir Anthony Mamo. Qed jittieħdu l-passi meħtieġa biex isiru xogħolijiet fuq 'fence' fil-bitħa ta' skola u xogħol ieħor ta' manutenzjoni fl-iskola l-oħra.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-persuna - dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - ma ġiex imġedded il-warrant temporanju tiegħu meta ilu snin sħaħ li kellu dan il-warrant?
Jista' jgħid ukoll x'inhi r-raġuni li minkejja li ilu 15-il sena u aktar jgħallem, ma ngħatax warrant permanenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-persuna konċernata, ressqet l-ilment tagħha quddiem it-Tribunal Skolastiku, għaldaqstant mhux prudenti li wieħed jippronunzja ruħu sakemm il-każ hu 'sub-judice'.
Jista' il-Ministru jgħid meta twaqqaf it-tribunal skolastiku u min huma l-membri ta' dan it-tribunal? Kemm-il darba ltaqa' dan it-tribunal u x'każi jitilgħu quddiemu?
Response (GALEA, LOUIS)
It-Tribunal Skolastiku huwa inkluż fl-artiklu 42 (2) u (3) ta' l-Att dwar l-Edukazzjoni (Kap 327). Dan l-Att jgħid, li l-persuni nominati huma msejħa biex iservu fuq it-Tribunal għal perjodu ta' ħames snin. Fl-1 ta' Diċembru 2004 twaqqaf it-Tribunal Skolastiku għal 5 snin li ġejjin.
Il-membri tat-Tribunal Skolastiku preżenti huma:
Dr. Anna Felice LL.D., President
Il-membri eletti mill-iskejjel statali, privati u tal-Knisja huma:
Mr Carmel D'Amato, Dip. Educ (Adm. & Mang.), B.A.(Hons) M.Ed.
Mr Joseph Muscat, B.A.(Hons)
Rev. Fr. Alan Scerri, S.TH.B., M.Ed.Sc., Ph.D.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża totali f'ċifra ta' flus tal-ministeru, inkluż ta' l-entitajiet li jaqgħu taħt il-ministeru, għall-mobile phone calls u l-kirjiet u/jew xiri tagħhom, matul is-sena 2004?
Kemm hi ċ-ċifra ta' flus li diġa' tħallset minn din l-ispiża?
Kemm hu n-numru ta' mobile phones li fil-preżent il-ministeru jew l-entitajiet li jaqgħu taħtu huwa responsabbli għall-pagamenti tagħhom u kemm kien fis-sena 2004?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru ġentilment jgħid jekk bħalissa hemmx vakanzi fid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni għal supply teacherstat-Taljan? Jekk iva, dawn se jintgħażlu mil-lista ta' persuni li diġa' applikaw u għamlu l-interview? Jekk din il-lista ġiet eżawrita, se jsiru interviews oħrajn?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bħalissa m'hemmx vakanzi fit-Taljan. Għalhekk bħalissa m'hemm ebda ħtieġa għal Supply Teachers tat-Taljan. Biss jekk fil-futur ikun hemm nuqqas ta' għalliema fit-Taljan, jiġu intervistati applikanti li xtaqu jgħallmu dan is-suġġett bħala Supply Teachers u l-post jew postijiet jimtela/jimtlew skond l-ordni tal-mertu.
Jista' il-Ministru jgħid wara l-interviews li saru f'April li għadda għal clerks ma' l-ETC, ġewx ingaġġati clerks ġodda? Jekk fl-affermattiv, min huma dawn il-clerks u f'liema dipartimenti qegħdin jaħdmu?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub ma laħaqx wasal, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Universita' ta' Malta — Kors "Gender and Development"
Question
Jista' il-Ministru jgħid jekk is-suġġett studji soċjali hux se jibqa' jiġi mgħallem? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid x'inhi r-raġuni illi għalliema f'dan is-suġġett li kienu qegħdin jattendu kors "Gender and Development" l-Universita' ta' Malta ma ġewx imħollija jibqgħu jattendu?
Jista' jgħid għalfejn dan is-suġġett mhux meqjus ta' priorita' bħal, per eżempju, l-Għarbi?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Diploma fl-Istudju Soċjali (Ġendru u Żvilupp) bdiet fil-11 ta' Ottubru 2004. Dan hu kors part-time ta' sentejn. Il-lectures isiru darbtejn f'ġimgħa, it-Tnejn u l-Erbgħa mid-disgħa sa nofsinhar.
Applikanti għal dan il-kors kien hemm 43. Ħamsa minnhom kellhom il-kwalifiki rekwiżiti. L-oħrajn, 38, wara li attendew għall-intervista ġew aċċettati bħala studenti maturi.
Informat li ċ-Ċentru ma żamm lil ħadd milli jattendi dan il-kors.
Jista' il-Ministru jgħid kemm daħlu kotba għall-konkors "Premju Letterarju 2002"? Minn dawn il-kotba, kemm ma ngħatawx sussidju? Għal liema raġuni ma ngħatawx sussidju? Liema kienu dawn il-kotba? Min kienu l-ġudikanti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' kotba li daħlu għall-konkors "Premju Letterarju 2002" kien ta' 90. Minn dawn il-kotba 5 ma ngħatawx is-sussidju u dawn minħabba għaliex skond il-Bord ta' Ġurija, li kien diġa' magħruf pubblikament f'Jum il-Premjazzjoni, ma laħqux il-livell mitlub.
Informat ukoll li l-kotba li ma ngħatawx sussidju kienu dawn :-
- Meta l-Madonna tidher jew tibki
- Aħna li għexna miegħu
- Ix-xahar ta' Mejju ma' San Wistin
- Fejqan
- I Franciscani Conventuali in Russia e Lituania
Jista' il-Ministru jgħid matul is-sena 2004 kemm kien in-numru ta' inċidenti rapportati fl-iskejjel primarji, sekondarji u l-MCAST fejn weġġgħu l-istudenti? X'ikkawża dawn l-inċidenti u f'liema stadju kienet il-gravita' tagħhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat kif ġej :-
Fl-iskejjel primarji ġew rapportati għaxar inċidenti. Erba' minnhom inċidenti minuri u s-sitta l-oħra huma ta' ksur waqt il-ħin tal-
break
.
Fl-iskejjel sekondarji ġew rappurtati disgħa u disgħin inċidenti fi tmintax il-skola. Il-maġġoranza ta' dawn l-inċidenti kienu minuri bħal ngħidu aħna tbenġil u brix waqt futbol u żliq minħabba xita. L-inċidenti gravi kienu sebgħa u dawn ivarjaw minn ksur u qsim fejn kien hemm bżonn ta' punti. L-inċidenti gravi ġraw kollha waqt il-ħin tal-break.
Fl-Istituti tal-MCAST f'Malta ġew irrapurtati erba' inċidenti bla riperkussjonijiet. Dawn ivarjaw minn diffikulta' bin-nifs, ksur waqt il-logħob, u zlogar ta' spalla waqt breakdance. Fl-MCAST ta' Għawdex ma' ġew irrapurtati l-ebda inċident.
Jista' il-Ministru jagħti lista ta' konsulenti jew kumpanniji ta' konsulenza, lokali jew barranin, li l-ministeru, inkluż il-korporazzjonijiet pubbliċi kollha li jaqgħu taħtu, għamel użu minnhom matul l-2004? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ u kemm kienu l-ħlasijiet? Jista' jgħid kemm għad baqa' ħlasijiet li jridu jsiru?
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew mislufa kotba mil-librerija pubblika matul is-snin 2000, 2001, 2002, 2003 u 2004?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li, kotba mislufa mill-Librerija Pubblika Ċentrali u l-friegħi tagħha huma kif jidher hawn taħt:
Sena 2000 745,442
Sena 2001 746,246
Sena 2002 757,166
Sena 2003 807,822
Sena 2004 816,230
Jista' il-Ministru jgħid fl-iskejjel tal-knisja u dawk indipendenti hux qed isir it-tagħlim tal-PSD? Saru xi spezzjonijiet minn uffiċjali tad-diviżjoni ta' l-edukazzjoni biex jiġi żgurat li t-tagħlim qed isir kif suppost?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-iskejjel tal-Knisja u dawk Indipendenti isir tagħlim tal-PSD.
Fl-iskejjel Sekondarji u tal-Knisja it-tagħlim tal-PSD jibda minn Form 1 sa Form 5.
Fil-Form 1 u 2 jieħdu ħmistax-il student filwaqt li fil-Form 3 sa Form 5 kull klassi jkun fiha xi tnax-il student.
Fl-iskejjel Indipendenti it-tagħlim isir kif spjegat bħal dak ta' l-iskejjel tal-Knisja ħlief għal tlett skejjel:
F'waħda minnhom it-tagħlim isir minn Form 1 sa Form 2, fl-oħra minn Form 1 sa Form 3, filwaqt li fl-aħħar waħda isir tagħlim ta' Soċjoloġija.
Informat ukoll li s-sezzjoni ta' l-iskejjel mhux Statali ma rċeviet ebda lment dwar it-tagħlim tal-PSD fl-iskejjel tal-Knisja u Indipendenti.
Għaldaqstant ma nħassx il-bżonn li jintbagħtu uffiċjali tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni biex jispezzjonaw u jiġi żgurat li t-tagħlim isir kif suppost.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm lezzjonijiet tal-PSD fl-iskejjel primarji u dawk sekondarji? Bħala suġġett obbligatorju, il-Ministru huwa sodisfatt b'dak li qed isir fl-iskejjel f'dan il-qasam?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-iskejjel Primarji, fejn jikkonċerna l-PSD, id-Dipartiment qed jipprova jilħaq l-iskejjel għallinqas darba kull ġimgħatejn. Il-klassijet li l-aktar jingħataw attenzjoni huma dawk mir-raba' sas-sitt sena.
Fil-Forms 1 u 2 ta' l-iskejjel Area Secondary u Junior Lyceums, l-istudenti jingħataw żewġ lezzjonijiet fil-ġimgħa.
Preżentament, fil-Form III tal-Junior Lyceums, l-istudenti għandhom lezzjoni waħda fil-ġimgħa waqt li fl-iskejjel ta' l-Area Secondary isiru żewġ lezzjonijet fil-ġimgħa.
Fil-Forms 4 u 5, kemm fil-Junior Lyceums kif ukoll fl-Area Secondaries, l-istudenti għandhom lezzjoni waħda fil-ġimgħa.
Dwar jekk wieħed hux sodisfatt b'dak li qed isir fl-iskejjel f'dan il-qasam, fl-eduazzjoni qatt ma tista' tgħid li int sodisfatt.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm għalliema tal-PSD fid-diversi skejjel ta' l-istat? Kemm hemm fl-iskejjel tal-knisja u dawk indipendenti separatament? Fil-każ ta' l-iskejjel sekondarji tal-knisja u dawk indipendenti separatament, jista' jgħid kemm hemm għalliema u kemm-il student għandhom kull wieħed? Jista' jgħid jekk it-tagħlim f'dawn l-iskejjel sekondarji jibdix minn form 1 u jibqa' sejjer sa form 5?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' għalliema tal-PSD li qegħdin jgħallmu fl-iskejjel ta' l-Istat huwa ta' mija u sebgħa u ħamsin (157) għalliem.
Informat ukoll li hemm 45 għalliem li jgħallmu il-PSD fl-iskejjel tal-Knisja, filwaqt li fl-iskejjel Indipendenti hemm 8.
Fl-iskejjel sekondarji tal-Knisja, it-tagħlim tal-PSD jibda minn Form 1 sa Form 5.
Fil-Form 1 u 2 jieħdu ħmistax-il student filwaqt li fil-Form 3 sa Form 5 kull klassi jkun fiha xi tnax-il student.
Fl-iskejjel Indipendenti it-tagħlim isir kif spjegat bħal dak ta' l-iskejjel tal-Knisja ħlief għal tlett skejjel:
F'waħda minnhom it-tagħlim isir minn Form 1 sa Form 2, fl-oħra minn Form 1 sa Form 3, filwaqt li fl-aħħar waħda isir tagħlim ta' Soċjoloġija.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhu s-sehem tal-ministeru u d-diviżjoni ta' l-edukazzjoni fl-istazzjon Education 22? Kermm se jkun il-kontibrut finanzjarju għal dan l-istazzjon? Jista' jgħid ukoll min qed jikkontribwixxi biex jittellgħu l-programmi? Kif ġew magħżula u kemm qed jitħallsu?
Response (GALEA, LOUIS)
S'issa Education 22 huwa mmexxi mid-Dipartiment of Further Studies and Adult Education fi ħdan id-Diviżjoni ta’l-Edukazzjoni taħt id-direzzjoni tal-Ministeru responsabbli għall-Edukazzjoni. Fil-preżent il-Ministeru għandu programm imsejjaħ 22am li jixxandar kuljum live bejn id-9.00 u l-11.00 ta’ filgħodu mit-Tnejn sal-Ġimgħa fuq Education 22, bl-ewwel siegħa tkun imxandra wkoll fuq TVM. Kif tħabbar pubblikament, qed nieħu inizjattivi bl-iskop li dan il-kanal jilħaq aħjar l-iskopijiet u l-missjoni tiegħu.
Għas-sena finanzjarja 2005, il-vot għall-istazzjon bħala Recurrent funds huwa ta’ Lm 95,000.
Education 22 għandu taħlita ta’ Kontributuri minn fost għalliema tad-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni u nies minn oqsma oħra tal-ħajja. L-għalliema jitħallsu b'mod normali filwaqt li l-kontributuri l-oħrajn jitħallsu mill-fondi rikorrenti ta’ Education 22.
Il-biċċa l-kbira tal-programmi ta’ Education 22 huma produzzjonijiet inhouse filwaqt li Education 22 jagħmel użu minn outsourcing fil-kamp ta’ l-iffilmjar ta’ attivitajiet on location. Il-ħlasijiet għal outsourcing ivarjaw skond is-servizzi mixtrija u ninsab informat li jsiru kif jitolbu r-regolamenti finanzjarji.
Jista' il-Ministru jgħid x'xogħol qed isir fl-iskola Adelaide Cini fil-Ħamrun, b'mod partikolari fil-blokk li kien ġie kkundannat ftit aktar minn sena ilu u li allura kellu jaqa'? Jista' jgħid ukoll jekk dan twaqqax u ġie mibni mill-ġdid? Jista' jgħid għal xiex se jintuża dan il-blokk?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li x-xogħol li qed isir fl-Iskola Adelaide Cini, Ħamrun jikkonsisti f'tiswijiet u xogħolijiet oħra strutturali, tibdil ta' aperturi u madum, stallazzjonijiet ta' dawl, ilma u drenaġġ, xogħol ta' tibjid, bdil ta' water-proofing membrane, xogħlijiet għal prevenzjoni mill-għargħar u upgrading tal-playground, procurement ta' għamara u equipment ġdid. Dawn ix-xogħlijiet qegħdin isiru f'diversi blokki ta' din l-iskola. Hemm ukoll il-ħsieb li jiġi stallat 'lift' ġdid.
Informat ukoll li għal dak li jirrigwarda il-Blokk B, l-FTS kienet irċeviet rapporti li kien hemm dubju fuq kemm din il-binja kienet strutturalment integra u għalhekk il-Fondazzjoni tat parir lid-Diviżjoni biex tevakwa sakemm isiru l-aċċertazzjonijiet, l-interventi u t-tiswijiet li seta kien hemm bżonn.
Minn dak iż-żmien 'l hawn, l-FTS għamlet dawn l-aċċertazzjonijet u bħalissa qegħdin jitwettqu l-interventi li kien hemm bżonn u x-xogħlijiet ta' tisbieħ sabiex l-iskola terġa tiftaħ f'Settembru 2005.