Jista' l-Ministru jgħid fejn bħalissa qed tingħata t-technology education fl-iskejjel sekondarji, xi priorita' qed jingħata dan is-suġġett fl-ischool development plan, u x'rabta qed ikun hemm bejn it-technology education u s-suġġetti l-oħra li jagħmlu l-istudenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-'ischool development plans' għadhom deħlin mill-iskejjel u wieħed għad irid jara xi priorita` ġiet mogħtija t-'technology education'.
L-istrateġija ta' tagħlim ta' suġġetti diversi, inkluż it-Technology Education, b'manjiera integrata għadha pjuttost fil-bidu tagħha. Politika ta' integrazzjoni imħaddma miċ-Ċentru tad-Diviżjoni u mill-Fakulta` ta' l-Edukazzjoni għandha tgħin.
Peress li skond il-pjan għall-implimentazzjoni tal-kurrikulu it-technology education se ssir core subject fil-livell sekondarju, flok liema suġġett se jidħol peress li l-istudenti sekondarji tagħna huma diġa mgħobbija b'wisq suġġetti? Meta se tittieħed din id-deċiżjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li waħda mill-ewwel deċiżjonijiet li jridu jittieħdu mill-Focus Groups hija t-taqsima ta' lezzjonijiet fuq is-suġġetti/oqsma differenti tal-Kurrikulu.
Informat ukoll li hu maħsub li l-linji ta' gwida jkunu jorbtu lill-iskejjel kollha li jipprovdu l-core subjects preskritti mill-Kurrikulu, iżda b'ċerti limiti l-iskejjel ikollhom l-awtonomija li jiddeċiedu huma l-persentaġġ ta' ħin li jagħtu lil kull suġġett.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 27268?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li matul din is-sena skolastika, studenti b'diżabilita` kien hemm:
Skejjel Governattivi
Primarji 370
Sekondarji 85
Psot Sekondarji 1
Skejjel tal-Knisja
Pre-Primarja 7
Primarja 117
Dekondarja 31
Post Sekondarju NIL
Lista bl-informazzjoni dwar it-tip ta' diżabilita` qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
L-informazzjoni mitluba dwar l-Iskejjel Indipendenti, li bħalissa huma magħluqin, għadha trid tiġi miġbura mill-istess iskejjel.
Jista' l-Ministru jgħid meta ser jitlesta x-xogħol kollu fl-iskola SirAdrian Dingli?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li skond il-programm ta' żvilupp tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, jidher illi x-xogħlijiet fuq l-iskola msemmija ser ikunu lesti sas-sena 2006.
Il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada, li twaqqfet dan l-aħħar mill-Gvern, qegħda taħdem fuq programm li permezz tiegħu x-xogħlijiet imsemmija għandhom jitlestew sas-sena 2004.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm skejjel indipendenti li s-sena li għaddiet infurmaw lill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni li se jgħollu l-miżati tagħhom għas-sena skolastika 2001-2002?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 27052.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 27179?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li sa l-aħħar tas-sena 2006, dsatax-il membru ta' l-istaff akkademiku ser jirtiraw. Biex tilqa' għal dan, u minħabba żjieda kbira fin-numru ta' l-istudenti u suġġetti ġodda, l-Universita` investiet f'99 membru ta' l-istaff akkademiku billi bagħtitħhom fuq scholarships. Per eżempju, bħalissa hemm 77 membru ta' l-istaff fuq scholarship li minnhom 68 qed jistudjaw għal PhD.
Jista' l-Ministru jgħid jekk dawk l-istudenti ta' l-Universita' li applikaw għall-work phase fis-sajf hux kollha ser jingħatalhom ċans li jaħdmu mal-gvern jew mal-parastatali? Jista' jgħid ukoll jekk in-numru ta' ġranet tax-xogħol hux ser ikun ugwali għal kulħadd?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-Bord għall-Għotjiet ta' Manteniment lill-Istudenti jiffaċilita r-reklutaġġ ta' studenti universitarji li xtaqu jaħdmu fis-Sajf ma' dipartimenti, korpi parastatali u kumpanniji privati li offrew esperjenzi ta' xogħol lil dawn l-istudenti. Il-Bord mhux f'pożizzjoni jiggarantixxi dan ix-xogħol jekk ma jkunx hemm employers li lesti joffruh u jħallsu għalih.
Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija, billi din is-sena kull min offra opportunita` ta' mpjieg lill-istudenti hu marbut li jħallashom hu, il-Bord ma setax jimponi kemm ikun twil il-perjodu tax-xogħol.
Fi kwalunkwe każ, il-Bord ma jirriżultalux li hemm xi ħadd li se jħaddem studenti għal anqas minn erba' ġimgħat. Għal kuntrarju, xi dipartimenti, korpi parastatali u anke ndustriji privati offrew perjodu ta' xogħol itwal minn erba' ġimgħat lill-istudenti.
Jista' l-Ministru jgħid jekk id-diviżjoni ta' l-edukazzjoni għandhiex xi kontroll fuq kif joħorġu f'Malta International Students Card lill-istudenti Maltin? Jekk iva, huwa sodisfatt kif qed jinħarġu? Jekk le, ma jaħsibx li għandu bżonn ċertu kontroll biex ikun żgurat li kollox qed jinħareġ kif suppost?
Response (GALEA, LOUIS)
La d-Diviżjoni u lanqas il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni qatt ma kellhom x'jaqsmu mas-suġġett imsemmi.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari nru. 27272?
Response (GALEA, LOUIS)
L-iskejjel tal-Knisja huma finanzjati parti mill-Gvern u parti mill-Knisja.
L-istaff fl-iskejjel tal-Knisja (akkademiku u mhux) jipprovdi għalih il-Gvern. Il-Gvern jipprovdi wkoll 10% ta' din l-istess somma għall-ispejjeż ġenerali. Il-Knisja tipprovdi l-bini u l-faċilitajiet l-oħra.
Waqt li d-donazzjoni volontarja hemm skop għaliha biex dawn l-iskejjel iżommu l-istandard li għandhom u jtejbuh, m'hemmx dubju li ħadd ma għandu jiġi sfurzat biex jagħti donazzjoni.
Informat li meta ġiet ikkuntattjata l-kap ta' l-iskola, waqt li qalet li kienet fakkret lill-ġenituri biex iħallsu d-donazzjoni għax l-iskola jkollha bżonnha, hi stqarret li qatt ma nsultat lil ħadd u ċaħdet li qalet dak id-diskors. Qalet ukoll li huma jagħtu rendikont ta' fejn jintefqu l-flus li jidħlu mid-donazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema xahar hemm il-ħsieb li tinħateġ il-card għall-Istudenti Universitarji li ser tingħata minflok il-cheque payment tas-soltu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li qed isir kull sforz biex fl-ewwel jiem tas-Sena Akkademika li ġejja, l-istudenti jkunu jistgħu jmorru fl-Uffiċċju ta' l-Istipendju fil-każ ta' l-Universita` u l-Junior College jew fl-uffiċċju tal-Kap ta' l-Iskola fil-każi l-oħra u jiġbru l-'card' tagħhom.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm flus dovuti lill-kuntratturi, suppliers tal-fuel, u nies/ditti oħra li jissupplixxu lill-pixxina nazzjonali f'Tal-Qroqq fit-30 ta' Ġunju 2001? Kemm hemm kontijiet, u f'liema ammont, li ilhom biex jitħallsu aktar minn sitt xhur?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub qed jinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 27171?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li mill-istħarriġ li sar ma jidhirx li l-persuna li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament qatt applikat għall-aħħar sejħa li saret għall-post ta' Supply Kindergarten Assistant.
Jista' l-Ministru jgħid kemm intefqu flus sabiex jinbena post fejn ġie installat generator fiċ-Ċentru Malti għar-Restawr f' Bighi?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma hemm ebda post ġdid biex jiġi nstallat generator.
Intefqu anqas minn Lm400 f'materjal biex tiġi rranġata l-kamra eżistenti, mibnija qabel l-1923, biex tilqa' fiha l-generator.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari nru. 27046?
Response (GALEA, LOUIS)
Informatli l-kors ta' B.A. fl-Istudji Legali u Umanistiċi organizzati mill-Fakulta` tal-Liġi beda fl-1993.
In-numru ta' studenti li daħlu f'dan il-kors mill-1993 sal-lum huwa kif ġej:
1993 144
1994 il-kors ma fetaħx
1995 141
1996 102
1997 133
1998 121
1999 123
2000 142
In-numru ta' studenti li spiċċaw il-kors huwa kif ġej:
1996/97 101
1998 110
1999 80*
2000 95
* Wieħed minn dawn l-istudenti ġej mill-Pakistan, filwaqt li l-oħrajn kollha huma Maltin.
Filwaqt illi l-parti l-kbira mill-istudenti li ggradwaw jaħdmu Malta, hemm numru, l-ammont mhux magħruf, li jistabilixxu ruħhom barra minn Malta. Għandu jingħad pero` li l-Universita` u l-Fakulta` tal-Liġi ma jibqgħux isegwu lill-istudenti wara li jiggradwaw u għalhekk mhumiex f'pożizzjoni li jagħtu ammont preċiż ta' kemm gradwati jibqgħu Malta u kemm isiefru.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 26961, jista' l-Ministru jgħid kemm ġew offruti postijiet għal xogħol fis-sajf minn dipartimenti tal-gvern, korpi parastatali u kumpanniji privati?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid x'inizjattivi ttieħdu s'issa mill-Institute for Child & Parent Learning Support? Xi proġetti għaddejin bħalissa? Xi problemi ltaqgħu magħhom s'issa? X'fondi ntefqu s'issa minn dan l-istitut u fl-liema oqsma?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li x-xogħol li wettaq l-Istitut għall-Appoġġ Edukattiv għall-Istudenti u Ġenituri, u li ser jitmexxa mill-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi, jinkludi dan li ġej:
* Diskussjoni ma' diversi kapijiet ta' skejjel dwar il-programm Hilti u għażla ta' 10 skejjel fejn se jitwettaq il-programm Hilti fuq bażi pilota;
* Diskussjon ma' uffiċċjali mil-Literacy Unit ġewwa l-Universita` dwar ir-riżultati tan-National Literacy Survey u kif dawn jistgħu jintużaw fl-għażla ta' skejjel pilota;
* Diskussjoni ma' uffiċċjali mil-Let Me Learn Project, SpLd Services, School Psychological Services u oħrajn sabiex jiġu determinati metodi ta' ħidma kollaborattiva u kumplimentarja;
* Żvilupp ta' qafas tal-programm Hilti;
* Żvilupp ta' proġett dwar Parent Empowerment for Family Literacy li ntbagħat lill-Kummissjoni Ewropeja għall-fondi taħt l-azzjoni Grundtvig tal-Programm Socrates. Dan il-proġett intgħażel u se jiġi finanzjat;
* Negozjati ma' l-HSBC dwar proġett - Hilti Teżor - li permezz tiegħu l-Istitut jiżviluppa, jippubblika u jrawwem imħabba għall-qari bil-Malti fost it-tfal fil-programm Hilti; L-HSBC tat għotja ta' Lm12,000;
* Diskussjoni ma' numru ta' għaqdiet volontarji li jwettqu ħidma ta' appoġġ edukattiv ma' tfal li qed jaqgħu lura fit-tagħlim;
* Sejħa għall-applikazzjoni għall-ingaġġ ta' National Co-ordinator għall-Programm Hilti u għal Deputy National Co-ordinator għall-Programm Id f'Id (għall-ġenituri); dawn ser jiġu proċessati;
* Kuntatti ma' numru ta' organizzazzjonijiet barra minn Malta li joffru programmi simili;
* Kisba ta' kotba, dokumenti, u riżorsi releventi għall-ħidma ta' l-Istitut;
* Ġew mislufa kotba u riżorsi lill-Institute of Linguistics għal ħidma prattika mill-għalliema waqt ir-Writing Workshop li jintemm għada.
Aktar minn problema, qed isir xogħol biex jiġiu mgħeluba d-diffikultjiet tal-bidu speċjalment biex jingaġġa l-persunal meħtieġ. Mill-bqija, il-konsultazzjoni kontinwa ma' edukaturi kemm fuq livell ta' skola, kif ukoll fuq livell ta' Diviżjoni, kienu pożittivi. Il-Fondazzjoni, permezz ta' l-Istitut bi ħsiebha taħdem id f'id mad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni fil-ħidma tagħha sabiex tassigura li l-progress kollu milħuq ikun intlaħaq permezz ta' din il-kollaborazzjoni.
S'issa ntefqu biss madwar Lm5,000 fuq apparat, għamara għall-Uffiċini, kotba, eċċ.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm rapporti ta' serq, ħsarat, eċċ lill-awtoritajiet tal-pixxina nazzjonali minn nies li jmorru jgħumu fil-pixxina nazzjonali, u dan bejn Jannar u Ġunju ta' din is-sena? X'tip ta' serq sar? Kien hemm xi każ li ġie irrapportat lill-pulizija?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li mill-bidu tas-sena s'issa ġew rappurtati 4 każi ta' serq. Fi tlett każi, l-oġġetti li nsterqu kienu affarijiet personali ta' nies li kienu qed jagħmlu użu mill-faċilitajiet. F'każ minnhom il-Pulizija qed tinvestiga persuna.
Il-ħsarat l-aktar li saru kien fiċ-changing rooms u fix-showers. Ma nqabad ħadd jagħmel dawn l-atti vandali.