Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #3830 Sitting 53 2013-07-16 Oral · Interim From: DAVID AGIUS To: Ministeru għat-Turiżmu

San Pawl il-Baħar — Kunsill Lokali - perit

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallsu profesional fees lill-perit tal-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar fl-2010, 2011, 2012 u 2013 sena b'sena? Min qiegħed jipprovdi is-servizz ta' perit lil dan il-kunsill preżentament? Kemm hi kkalkulata li spiża għal proġetti infrastrutturali, xogħlijiet ta' toroq, immaniġjar ta' traffiku u proġetti oħra għal din is-sena u għas-sentejn ta' wara, sena b'sena?

Response (VELLA, KARMENU)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li telenka l-professional feeslill-Perit tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar. Preżentement il-perit tal-Kunsill huwa l-Perit Etienne Magri. Il-kumplament tal-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar u ser tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 12 PQ #3787 Sitting 52 2013-07-15 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu — impjegati li qed isegwu kors l-Università

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati li jaħdmu fid-dipartimenti u l-uffiċċji kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li qed jagħmlu kors l-università u/jew kors online ma' università barranija (indikati separatament)? Jista’ jgħid liema korsijiet huma? Jista’ jgħid x’inhu l-grad ta’ kull impjegat u jekk id-dipartiment ikkonċernat hux qed jagħti xi għajnuna? Jekk fl-affermattiv, x’inhi din l-għajnuna?

Response (VELLA, KARMENU)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 12 PQ #1305 Sitting 50 2013-07-11 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu — konsulenzi minn ex ħaddiema tal-Air Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu hux qed jagħmel użu mis-servizzi bħala konsulenti fuq bażi ta’ self employed ta’ ex ħaddiema tal-Air Malta li kienu għażlu li jieħdu l-voluntary retirement scheme? Jekk iva, min huma, x’xogħol qed jintalbu jagħmlu u x’rati ta’ pagament qed jitolbu?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna li isimha qiegħed jingħata separatament, f’Jannar 2012, taħt il-Gvern preċedenti, kien ingħata kuntratt ta’ impjieg iffirmat dirett mal-Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni. F’Lulju 2012 il-Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni kien informa verbalment lill-persuna konċernata li kellu jibda jipproduċi irċevuti tal-VAT. Għaldaqstant il-kuntratt tiegħu kien mibdul għal wieħed self employed bħala Part-Time Investigator (Chief Inspector of Accidents) fil-Bureau of Air Accident Investigation, b’salarju ta’ Euro 15,000 fis-sena. Fi Frar 2013 din il-persuna għażlet li tieħu l-Voluntary Retirement Scheme tal-Air Malta. Bħalissa l-Ministeru għat-Turiżmu qiegħed jieħu l-pariri neċessarji dwar jekk persuna li ħadet il-Voluntary Retirement Scheme tal-Air Malta tistax taħdem mal-Gvern fuq bażi ta’ self employed.
Leg 12 PQ #3564 Sitting 50 2013-07-11 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsill Lokali Żejtun -– laqgħa mal-Ministru

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex għal laqgħa li saret riċentement bejn il-Kunsill Lokali taż-Żejtun u l-Ministru riċentament mhux il-kunsilliera kollha ġew mistiedna?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma saret l-ebda laqgħa bejn il-Kunsill Lokali taż-Żejtun u l-Ministru għat-Turiżmu.
Leg 12 PQ #3565 Sitting 50 2013-07-11 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsill Lokali Żejtun — laqgħa mal-Ministru

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ittieħdux minuti tal-laqgħa li saret bejn il-Kunsill Lokali taż-Żejtun u l-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dawn il-minuti? Jekk ma tteħudux minuti waqt din il-laqgħa, x' kien diskuss bejn iż-żewġ partijiet u x'ġie konkluż?

Response (VELLA, KARMENU)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministeru konċernat.
Leg 12 PQ #942 Sitting 48 2013-07-10 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għat-Turiżmu

Bajjiet — Blue Flag

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il bajja għandna bi status ta’ Blue Flag u jekk hemmx il-ħsieb li jkun hemm iktar u fejn?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fl-2012 f’Malta kellna sitt (6) bajjiet bi status ta’ Blue Flag. Jista jkun li matul din is-sena waħda mill-bajjiet bl-istatus ta’ Beach of Quality tieħu ukoll l-istatus ta’ Blue Flag; fost dawn hemm; Fond Għadir tas-Sliema, Golden Bay il-Mellieħa u Paradise Bay Hotel Private Beach fil-Mellieħa ukoll.
Leg 12 PQ #1570 Sitting 48 2013-07-10 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu — konsulenzi minn individwi jew kumpaniji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħata xogħol ta’ konsulenzi lil individwi u/jew kumpaniji mill-2004 sal-lum mill-Ministeru jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista’ jgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender u kemm kienet l-ispiża f’kull każ?

Response (VELLA, KARMENU)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari 1555.
Leg 12 PQ #3456 Sitting 48 2013-07-10 Oral · Final From: CHARLÒ BONNICI To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunċert bla ħlas

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ftehim li sar mal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament sabiex il-kunċert tat-tenur Joseph Calleja fuq il-fosos ikun miftuħ għall-pubbliku mingħajr ħlas? Jista' jispeċifika kemm se jħallas il-Gvern lill-organizzaturi sabiex il-membri tal-udjenza li se jkunu bilwieqfa jidħlu b'xejn? Jista' jgħid kemm tneħħew postijiet standing potenzjali mill-pjan oriġinali tal-organizzaturi tal-kunċert sabiex jinbiegħu biss il-biljetti għas-siġġijiet u l-kumplament jidħlu b'xejn?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sa’ llum għad m’hemm l-ebda ftehim iffirmat.
Leg 12 PQ #3538 Sitting 48 2013-07-10 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

MEPA – kunsilli lokali San Pawl il-Baħar — applikazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-applikazzjonijiet għal xi forma ta' żvilupp li l-Kunsill lokali ta' San Pawl il-Baħar għandu pendenti quddiem l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA)? Liema applikazzjonijiet tal-istess kunsill kienu approvati matul l-aħħar sentejn?

Response (VELLA, KARMENU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 12 PQ #3539 Sitting 48 2013-07-10 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

San Pawl il-Baħar – manutenzjoni ta’ bandli

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma x-xogħlijiet li qed isiru bħalissa fil-bandli ta' Triq Parades San Pawl il-Baħar, mill-Kunsill lokali jew minn xi għaqda oħra? X'xogħol ieħor hu mistenni li jitwettaq fl-istess post fil-futur? Liema applikazzjonhijiet pendenti għandu l-kunsill għal dan is-sit?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li bħalissa għaddej xogħol ta’ manutenzjoni regolari fil-lattrini pubbliċi fil-bandli ta’ Triq Parades. Infurmat ukoll li l-Kunsill Lokali mistenni li jkompli bl-istess proġett għall-istess sit, hekk kif pjanat mill-Kunsilli preċedenti.
Leg 12 PQ #936 Sitting 47 2013-07-09 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għat-Turiżmu

Fondi tal-Unjoni Ewropea — proġetti turistiċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi proġetti turistiċi mistennija jibdew din is-sena b'fondi mill-Unjoni Ewropea? Jista' jgħid f'liema lokalitajiet se jsiru dawn il-proġetti u f'kull każ fiex jikkonsistu?

Response (VELLA, KARMENU)

Il-gvern qiegħed ikompli jaħdem fuq proġetti turistiċi li huma ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea, fosthom il-proġett ta’ restawr tal-fortifikazzjonijiet, il-proġett tal-akkwarju pubbliku fil-Qawra li huwa parti mill-proġett ta’ titjib fiż-żoni turistiċi, il-proġett ta’ konservazzjoni tal-wirt arkeoloġiku fil-Ġgantija, fit-Tempji ta’ Ħal Tarxien u l-Katakombi ta’ San Pawl, kif ukoll il-proġett tal-Forti ta’ Sant’Anġlu.
Leg 12 PQ #937 Sitting 47 2013-07-09 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għat-Turiżmu

Familji liċenzjati biex iżommu studenti barranin

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm familji li s'issa huma liċenzjati biex iżommu studenti barranin magħhom u kif jitqabbel dan in-numru mal-istess perjodu tas-sena l-oħra?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sat- 2 ta’ Mejju 2013 n-numru ta’ familji liċenzjati biex iżommu studenti barranin magħhom huwa ta’ sitt mija ħamsa u sittin (665). Niġbed l-attenzjoni li din l-informazzjoni fin-norma ma’ tinġabarx xahar b’xahar, minkejja dan nista nikkonferma li sa’ l-aħħar ta’ Lulju ta’ 2012 kien hemm elf u hdax (1011) il-familja liċenzjati.
Leg 12 PQ #3358 Sitting 47 2013-07-09 Oral · Final From: CHARLÒ BONNICI To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu — Deputy chief of staff/head of secretariat

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għandux Deputy Chief of Staff/Deputy Head of Secretariat, u jekk iva min hu/hi l-persuna li qed tokkupa dik il-pożizzjoni bħalissa fis-segretarjat privat tiegħu u/jew l-uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tiegħu fejn applikabbli?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kemm fil-Ministeru kif ukoll fis-Segretarjat Parlamentari ma hemm l-ebda persuna impjegat f’dik il-kariga.
Leg 12 PQ #1555 Sitting 46 2013-07-08 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu – konsulenzi mill-1998

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħata xogħol ta’ konsulenzi mill-1998 sal-lum mill-Ministeru jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista’ jgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender u kemm kienet l-ispiża f’kull każ?

Response (VELLA, KARMENU)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 12 PQ #2640 Sitting 46 2013-07-08 Oral · Interim From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu — kompożizzjoni ta’ bordijiet tal-entitajiet, awtoritajiet u korporazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn min kienu komposti l-bordijiet tal-entitajiet, awtoritajiet u korporazzjonijiet li kienu jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu f’Diċembru tas-snin 2004, 2005, 2006, 2007, 2008, 2009, 2010, 2011 u 2012 ? Jista’ jgħid x’kienu r-remunerazzjonijiet, ħlasijiet u benefiċċji li kienu qegħdin jirċievu dawn il-membri?

Response (VELLA, KARMENU)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.
Leg 12 PQ #3288 Sitting 46 2013-07-08 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsilli lokali – użu ta’ front offices għas-servizzi tal-Gvern ċentrali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux se jħaddan politika li jintużaw il-front offices tal-kunsilli lokali biex jiġu pprovduti servizzi tal-Gvern ċentrali? Jekk iva, jista’ jgħid x’sar f’dan ir-rigward f’dawn l-aħħar mitt jum?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Kunsill Lokali diġà qiegħdin joffru numru ta’ servizzi mill-front offices tagħhom. Għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex ikun aktar speċifiku fit-talba tiegħu. Sadanittant ngħarraf li bħalissa għaddejin diskussjonijiet mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali sabiex nesploraw il-possibiltà ta’ servizzi oħra li l-Kunsilli Lokali jistgħu joffru mill-uffiċini tagħhom. Għadu prematur sabiex wieħed jasal għal xi konklużzjonijiet, iżda jekk fl-affermattiv din l-informazzjoni tiġi ippublikata.
Leg 12 PQ #3537 Sitting 46 2013-07-08 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Ministeru għat-Turiżmu

Heritage Malta – tibdil fil-Head office

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ċ-Chairman il-ġdid ta’ Heritage Malta tax ordni sabiex tinqala’ mill-ġdid il-board room li hemm fil-head office ta’ Heritage Malta? Jista’ jikkonferma li l-bibien kollha fil-kuridur tal-Administration li huma tal-aluminium bil-ħġieġ, issa jrid jibdilhom kollha għal bibien ġodda tal-injam li jridu jkunu stallati sal-aħħar ta’ din is-sena? Veru li fil-kuridur qabel tidħol fl-uffiċċju taċ-Chairman, li qabel kien okkupat mill-Kap Eżekuttiv, se jiġi stallat bieb sabiex il-ħaddiema ma jkollhomx aċċess bħalma kellhom sal-lum? Kemm se tiġi tiswa din l-ispiża kollha? B’din l-ispiża ma setgħux saru xogħlijiet pendenti fis-siti u mużewijiet ta’ Heritage Malta li jistgħu jitgawdew mill-viżitaturi?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat li Heritage Malta mexxiet il-Head Office tagħha mill-Belt Valletta għal Bighi f’Dicembru 2010. Sa dakinhar il-bini kien għadu jintuża bħala skola. F’dak l-istadju ma sar l-ebda xogħol f’Bighi, iżda sempliċiment titjib fis-sistema tad-dawl u tibjid. Klassi minnhom tħalliet biex tintuża bħala Board Room bla ma sarilha x-xogħol neċessarju, peress li l-Bord preċedenti kien jiltaqa’ band’oħra. Fil-Board Room qiegħed isir xogħol ta’ tibjid, ri-organizzazjoni tas-sistema elettrika u tan-network, kif ukoll tqegħid ta’ parquet ‘laminate’ biex jgħatti l-art li fiha ħafna ħsara. Dan ix-xogħol kollu qiegħed isir minn ħaddiema ta’ Heritage Malta, u l-materjal sewa inqas minn €1500. L-Onorevoli Interpellant japprezza li l-kumpless ta’ Bighi huwa bini storiku, Grade 1. Għaldaqstant dejjem kien hemm il-ħsieb u l-parir sabiex il-bibien interni jinbidlu għal bibien tal-injam, kif kienu oriġinarjament. Għalissa max-xogħol tal-Board Room ser jinbidlu l-ewwel bibien, il-kumplament ser isiru aktar ‘il quddiem skont l-esigenżi finanzjarji. Ngħarraf li l-ħaddiema ser jibqalhom l-aċċess li għandhom bħalissa. Ix-xogħlijiet meħtieġa f'Bighi bl-ebda mod m’huma jtellfu xogħolijiet fis-siti u l-mużewijiet l-oħra.
Leg 12 PQ #1741 Sitting 45 2013-07-03 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għat-Turiżmu

Valletta 18 – Ċerimonja għat-titolu ta’ Belt Kulturali Ewropea 2018

Question

Jista' l-Ministru jgħid min kien preżenti minn Malta għaċ-ċerimonja li saret fi Brussell u li fiha l-Belt Valletta irċeviet formalment it-titolu ta' Belt Kulturali Ewropea 2018? Għaliex il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta ma kienx rappreżentat għal din l-okkażjoni? Għaliex ma nħassitx il-ħtieġa li jkun preżenti l-ex Chairman tal-V18 li kien strumentali sabiex il-bid ta' Malta tiġi aċċettata?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li preżenti kien hemm is-Segretarju Parlamentari għall-Kultura u Gvern Lokali, iċ-Ċermen tal-Valletta 18 u tlett uffiċjali tekniċi tal-Ministeru. Il-Kunsill Lokali tal-Belt kien rappreżentat mis-Sindku tal-Belt iżda lejliet il-vjaġġ dan kien iċċertifikat marid u ma setax isiefer. Is-Segretarjat Parlamentari ħass li kellu jitla’ iċ-Ċermen il-ġdid.
Leg 12 PQ #3252 Sitting 45 2013-07-03 Oral · Final From: SILVIO SCHEMBRI To: Ministeru għat-Turiżmu

aġenzija tal-gwardjani lokali – pagamenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallsu flus minn kull reġjun kull 6 xhur minn Jannar 2012 sal-lum lill-aġenzija tal-gwardjani lokali, lill-uffiċjali awtorizzati, lill-prosekuturi u oħrajn? X’kien id-dħul u x’kien il-ħruġ tal-istess reġjuni?

Response (VELLA, KARMENU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba, skont kif miġbura mill-Kumitati Reġjonali.
Leg 12 PQ #3338 Sitting 45 2013-07-03 Oral · Interim From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsilli lokali — servizzi

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 3017, filwaqt li nikkonferma li xtaqt l-informazzjoni għal kull tip ta' servizz, jista' l-Ministru jagħti tagħrif għal dawk li huma servizzi ta' xogħol b'direct order u xogħol ieħor li qed isir minn ħaddiema li qed jingħataw kuntratti temporanji jew li għalkemm qed jirreġistraw għax-xogħol qed jiġu attached mal-kunsilli lokali kunsill kunsill għal dak li jirrigwardja d-9 u t-12-il distrett?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba qed tinġabar mingħand il-kunsilli lokali rispettivi permezz ta’ ċirkolari elettronika maħruġa mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali u għaldaqstant tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.