Transport Malta – dettalji ta’ xuffiera mgħoddija lil Autobuses de Leon
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk Transport Malta għaddietx jew tatx dettalji tax-xuffiera li għandha reġistrata magħha Transport Malta lil Autobuses de Leon?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li Transport Malta m’għaddiet l-ebda dettalji tax-xufiera li għandha reġistrati magħha lill-operatur tat-trasport pubbliku.
Kunsill Lokali Ħamrun – Proġett għat-Triq il-Kbira San Ġużepp
Question
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 11260, jista' l-Ministru jgħid meta ser jibdew ix-xogħlijiet ta' upgrading f'parti minn Triq il-Kbira San Ġuzepp fil-Ħamrun? Jista' jgħid jekk ħarġitx tender oħra għal xogħlijiet ta' upgrading f'partijiet oħra minn din it-triq?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fir-rigward ta’ Triq il-Kbira San Ġużepp, id-Dipartiment tal-Kuntratti, ħareġ tender f’isem Transport Malta għal upgrading ta’ din it-triq. Dan it-tender għadu fi stadju ta’ Evalwazzjoni.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 10634, jista’ l-Ministru jgħid jekk Transport Malta inkludietx fil-lista ta' toroq li jaqgħu taħt ir-responsabilità tagħha u li jridu jiġu asfaltati, toroq fil-lokalità tal-Ħamrun?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 11260 għadha tapplika.
Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn l-area li tagħti mill-parkeġġ ta’ taħt is-Sur tal-Furjana, mhux se tibqa’ tintuża bħala parkeġġ u minħabba f’hekk ħaddiema fid-Diviżjoni tal-Edukazzjoni li kienu jipparkjaw bil-permessi meħtieġa, mhux se jkunu jistgħu jibqgħu jipparkjaw b’konsegwenza li tnaqqsu madwar 30 post ta’ parkeġġ? Jista’ jieħu azzjoni minnufih biex din tiġi rimedjata?
San Pawl il-Baħar — Triq San Ġużepp - tneħħija ta' tabella
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14549, billi hemm tabella waħda li taqa' taħt id-deskrizzjoni li hemm fl-istess domanda, għaliex hemm biss kantuniera waħda li taqa' taħt l-informazzjoni li tajt fil-mistoqsija oriġinali, jista' l-Ministru jieħu l-passi biex din l-istess tabella li m'għandha l-ebda funzjoni fil-post fejn qiegħdha tinqala'?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li fi Triq San Ġużepp, kantuniera ma’ Triq San Publiju hemm tabella tan-NO ENTRY. Għaldaqstant l-Onor. Interpellant huwa mitlub li jgħid eżatt dwar liema tabella qed jistaqsi sabiex inkunu f’pożizzjoni li nieħu l-azzjoni meħtiega.
San Pawl il-Baħar — Triq ix-Xagħra tal-Bandieri - asfaltar
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14548, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk twaqqfux l-oġġezzjonijiet legali li kien hemm min xi nies li kienu qed jitolbu li x-xogħol f'din it-triq ma jsirx?Jekk twaqqfu l-oġġezzjonijiet, billi Transport Malta kienet waslet biex tibda x-xogħol fuq il-post, jista' jassigura li l-istess triq tiġi mogħtija t-tarmak? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk hemmx servizzi li għad iridu jsiru f'din it-triq?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellantlli, hekk kif intqal fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 14548 , l-asfaltar ta’ din it-triq huwa responsabilità ta’ Transport Malta u għaldaqstant Transport Malta tagħmel dawk ix-xogħolijiet li jaqgħu taħt ir-responsabilità tagħha. Fir-rigward tas-servizzi, Transport Malta għamlet il-ko-ordinazzjoni neċessarja mal-entitajiet qabel jinħareġ it-tender.
Ċertifikati dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija fil-bini
Question
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex jiġi organizzat il-kors għal dawk il-persuni li jkunu jistgħu jiġu awtorizzati biex joħoġru ċ-ċertifikati dwar l-effiċjenza tal-enerġija fil-bini? Meta hu mistenni li toħroġ is-sejħa għal dawk li huma interessati li jagħmlu dan l-istess kors?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ħarġet sejħa mill-Uffiċċju għar-Regolament tal-Bini biex dawk interessati jagħmlu l-kors ta’ Assessuri għan-non-dwellings. Ir-reġistrar ta’ dawk interessati għalaq fit-23 ta’ Frar 2015 u l-applikanti issa jiġu nfurmati gradatament dwar meta jkun imisshom jattendu għall-lectures relattivi.
Ir-Rabat – Vjal il-Ħaddiem – Triq magħluqa minħabba xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex Vjal il-Ħaddiem fir-Rabat Malta ġie magħluq kompletament miż-żewġ naħat (minn Triq Misraħ Suffara sa Triq is-Salvja) tul it-triq kollha għad-detriment ta' min jgħix u jaħdem fiha, meta setgħet ngħalqet biċċa, imbagħad tingħalaq il-biċċa l-oħra, minħabba li dan qed jaffettwa r-residenti kif ukoll lill-ħwienet? Għaliex, meta mhux qed isiru xogħlijiet fin-naħa t’isfel, lanqas qed jkun hemm aċċess għal din il-biċċa?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-triq imsemmija ġiet magħluqa miż-żewġ naħat biex il-kuntrattur ikun jista' jaħdem minn żewġ postijiet differenti. Dan il-qbil intlaħaq wara laqgħa li saret mal-enititajiet konċernati biex jitnaqqas iż-żmien li fih iddum magħluqa it-triq u b'hekk jitnaqqas ukoll l-inkonvjent lir-residenti.
Fil-preżent, il-kuntrattur qed jonqos milli jimxi ma' dan il-ftehim u ġie notifikat uffiċċjalment mid-Direttorat tat-Toroq u l-Infrastruttura.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ir-residenti tas-Salini ġewx ikkonsultati dwar il-proġett tat-Triq tas-Salina illi qed isir xogħol fuqha bħalissa? Jekk iva, jista’ jgħid meta kkonsulta magħhom? Jista’ jgħid ma’ kemm-il resident ikkonsulta u wkoll jikkonferma illi n-nies illi kkonsulta magħhom attwalment jgħixu s-Salini?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill- Onorevoli Interpellant sabiex tirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 12718.
Fir-rigward tal-proġett tat-Triq tas-Salina u r-residenti t’hemmhekk , jista’ l-Ministru jgħid għala r-residenti għad m’għandhomx proposta finalizzata dwar minn fejn se jkun id-dħul għar-residenzi tagħhom?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li d-dħul u l-ħruġ tal-Hamlet għadhom suġġett ta’ approvazzjoni mill-MEPA u mis- Superintendenza tal-Wirt Kulturali. Hemm indikazzjonijiet li l-proposta ta’ upgrade għal Triq il-Katakombi hija dik ppreferuta mill-awtoritajiet kompetenti.
Zuntier tal-Knisja Arċipretali tal-Gudja — xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk u għala, waqaf ix-xogħol fuq iz-zuntier tal-Knisja Arċipertali tal-Gudja?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li x-xogħol fuq iz-zuntier tal-Gudja ma waqafx. Ninsab infurmat li għaddej xogħol important relatat ma’ dan il-progett f’postijiet oħra. Sa issa fuq il-post tlestiet l-ewwel fażi tax-xogħol, jiġifieri l-bdil ta’ xogħol ta’ ġebel b’xogħol ġdid b’ġebel tal-qawwi fil-parti t’isfel taz-zuntier. Barra dan inqala’ wkoll il-ħadid dekorattiv taz-zuntier li ttieħed l-MSD biex isir ir-restawr tiegħu fil-garaxx tal-Gvern tal-Marsa. Fil-frattemp , fil-maħżen tal-kuntrattur qed isir il-qtugħ tal-blokki tal-ġebel u xogħol tal-lavur liema xogħol ikun jista’ jitpoġġa fil-post meta jkun komplut dan ix-xogħol preparattiv.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħata overtime fid-Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi fi ħdan il-Ministeru tiegħu mit-13 ta' Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din l-mistoqsija parlamentari? Min huma dawk l-individwi li bbenefikaw minn dan l-overtime u kemm kien l-ammont ta' flus f'overtime li bbenefikaw minnu, xahar b'xahar?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fid-Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi fi ħdan il-Ministeru tiegħi bejn it-13 ta’ Marzu 2013 u Jannar 2015 inħadem b’ ekwivalenti ta’ €1006 f’overtime għal kull ras. Il-komplament tal-informazzjoni ma tistax tingħata minħabba kwistjoni ta’ Data Protection.
Jista’ l-Ministru jikkonferma li riċentament hawn nuqqas kbir ta' parts tat-traffic lights (fosthom belisha lights u pelican crossings)? Jista’ jgħid kemm intefqu flus f'parts tat-traffic lights mit-13 ta' Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din l-mistoqsija parlamentari?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li bħalissa m’hemm l-ebda nuqqas ta’ parts tat-traffic lights tal-pelican crossings. Mit-13 ta’ Marzu 2013 sas- 17 ta’ Frar 2015, intefqu €34,788 fi spare parts.
Jista’ l-Ministru jikkonsidra li f'junctions importanti fil-pajjiż, it-traffic lights isirilhom bħal UPS (backup battery) ħalli meta f'dik l-area partikolari ma jkunx hemm dawl, dawn jibqgħu jaħdmu u jiġi evitat xi inċident jew inkella konġestjoni tat-traffiku?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li skont informazzjoni mgħoddija lili minn Transport Malta, dawk it- traffic lights u controllers li huma kkunsidrati mportanti fil-pajjiż ser ikunu parti integrali mill-proġett tal-MODUS u dawn ser ikollhom installazzjoni ġdida li ser tinkludi UPS (backup battery).
Jista’ l-Ministru jikkunsidra li t-traffic lights kollha ta' Malta u Għawdex jiġu kkonnettjati fuq network ħalli meta jiġrilhom il-ħsara dawn il-ħsarat jiġu rraportati b'mod awtomatiku f'’call centre biex b'hekk tiġi mtejba l-effiċjenza fl-irranġar ta’ traffic lights li jkunu bil-ħsara?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li dawk it-traffic lights u controllers li huma kkunsidrati mportanti fil-pajjiż ser ikunu parti intergrali mill-proġett tal-MODUS u dawn ser ikunu konnettjati mat-Traffic Control Centre fejn ħsarat ser jiġu rrappurtati b’mod awtomatiku fis-sistema.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il speed camera inbidlu mit-13 ta' Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din l-mistoqsija parlamentari? Liema speed cameras inbidlu? Kien hemm każijiet fejn inbidlitilhom il-pożizzjoni tagħhom? Jekk fl-affermattiv, liema kienu dawn it-traffic lights u għal liema raġuni nbidlitilhom il-pożizzjoni?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li skont informazzjoni mgħoddija lili minn Transport Malta, ninsab infurmat li nbidlu tmintax-il speed camera fejn dawn saru ġodda. L-ispeed cameras li ġew mibdula huma kif ġej:
· Triq Nutar Zarb, Attard
· Triq Dun Karm, Iklin
· Triq Dun Karm, Msida
· Regional Road, San Ġiljan
· Regional Road, San Ġwann
· Regional Road, Santa Venera towards Marsa
· Regional Road, Santa Venera towards Msida
· Triq Ħal Far, Gudja
· Triq is-Sebħ, Qormi towards Rabat
· Triq is-Sebħ, Qormi towards Qormi
· Triq Imdina, Qormi southbound
· Triq Imdina, Qormi northbound
· Triq Imdina, Żebbug southbound
· Triq Imdina, Żebbug northbound
· Triq Burmarrad, Burmarrad
· Triq Sant’Andrija, Pembroke
· Triq tal-Barrani, Żejtun northbound
· Triq tal-Barrani, Żejtun southbound.
Kien hemm tlett speed cameras li ġiet mibdula l-pożizzjoni tagħhom bi ftit metri minĦabba l-linji ta’ viżibilita’. Dawn huma kif ġej:
· Triq Dun Karm, Iklin
· Triq is-Sebħ, Qormi towards Rabat
· Triq Imdina, Qormi northbound
Birżebbuġa – Il-Qajjenza – proġett ta’ promenade – slip-way
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk mal-proġett tal-promenade tal-Qajjenza f'Birżebbuġa, ġiex inkorporat slip-way?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li apparti mill-permess għat-tisbih tal-promenade, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet għandu l-permessi meħtieġa tal-MEPA biex titranġa l-islipway fil-post fejn tinsab fil-preżent. Jirriżulta li xi residenti lmentaw mal-Awtorita’ tat-Turizmu (MTA)biex din ma tibqax fil-post fejn tinsab sal-lum. Id-Dipartiment jinsab f’kuntatt mal-MTA biex tinstab soluzzjoni għal din il-kwistjoni.
Transport Malta – inċidenti f’Għawdex — talba għal kumpens għal ħsarat
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il talba għal kumpens saret lil Transport Malta għal ħsarat li ġarrbu persuni fil-vetturi tagħhom f’Għawdex konsegwenza ta’ inċidenti fit-toroq li ġraw minħabba toroq mhux miżmuma tajjeb, mill-1 ta’ Settembru 2014 sal-lum? Jista’ jgħid x’tip ta’ ħsarat kienu u kemm kienu l-ammonti mitluba minn dawn il-persuni għall-ħsarat li ġarrbu fil-vetturi tagħhom?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — positions of trust
Question
Jista' l-Ministru jelenka u jgħid liema huma l-positions of trust li hemm fi ħdan l-Uffiċju tiegħu u l-entitajiet u d-Dipartimenti kollha li jaqgħu taħtu?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 14114.