Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pulizija fit-toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex l-pulizija li jqassmu r-riferti, li sa ftit ġimgħat ilu kienu jintalbu jidħlu kmieni biex jassistu lill-pulizija tat-traffiku waqt ir-rush hour ta’ filgħodu, m’għadhomx jagħmlu dan? Din hija xi miżura ta’ cost cutting biex jiġi ffrankat l-overtime?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-responsabbilita primarja tal-pulizija li jqassmu r-riferti huwa propju dak li jqassmu r-riferti u għalhekk sa fejn hu possibbli dawn il-pulizija jikkonċentraw fuq dan ix-xogħol. Però ninsab infurmat ukoll illi t-tqassim tax-xogħol pulizija tat-traffiku kien ġie organizzat b’mod li jkopri ħtiġiet fir-rush hour ta’ filgħodu u filgħaxija u b’mod ġenerali kellu riżultati tajbin. Fid-dawl taż-żieda fil-budget li l-Korp tal-Pulizija kellu ghas-sena 2014, nahseb huwa ovvju li dan il-gvern mhux bihsiebu jaghmel l-ebda cost cutting fil-Korp tal-Pulizija li ghandu daqshekk funzjoni important għall-pajjiżna.

Sptar Mater Dei – preżenza ta’ Pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk għadux ikun hemm pulizija l-ħin kollu preżenti fl-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei, u jekk le, għaliex?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fit-taqsima tal-emerġenza tal-Isptar Mater Dei ikun hemm dettaljati xogħol żewġ pulizija il-ħin kollu.

Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali — reklamar u public relations

Question

Jista' l-Ministru inkluż is-segretarju parlamentari jgħid kemm kienet in-nefqa mill-Ministeru tiegħu, inkluż kull entità u dipartiment li hi jew hu fi ħdan dan il-Ministeru, fuq riklamar jew public relations mill-11 ta' Marzu 2013 'il hawn? F'liema media sar dan ir-reklamar u permezz ta' liema aġenzija jew kumpanija?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-nefqa totali hi dik ta €21,687.61 . Ir-riklamar sar lit-times of Malta, l-Orizzont, in-Nazzjon, The Malta Independent, Malta Today . L-Agenziji li intuzaw kienu Allied Newspaper, Union Print, Media Link, Standard Publications Ltd, Dipartment Of Information, Media Today Co Ld, Sound Vision Print Ltd u Market Link.

Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali – riżenja ta’ ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum, kemm-il persuna maħtura mill-Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali f’kariga uffiċjali jew bord, offriet ir-riżenja tagħha? Min kienu dawn il-persuni? X’kienet ir-raġuni wara r-riżenja tagħhom? Min inħatar minflokhom?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kien l-ebda persuna maħtura mill-Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali f’kariga uffiċjali jew bord, li offriet ir-riżenja tagħha.

Pulizija – membri stazzjonati fil-mechanical garage

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li membri tal-Korp stazzjonati fil-mechanical garage (xufiera) għadhom ma tħallsux għall-ħidma tagħhom fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellnt illi peress li l-Malta Police Assocation għadha kemm ġiet rikostitwita, fil-jiem li ġejjin hemm il-ħsieb li ssir laqgħa ma’ din l-assoċjazzjoni kif ukoll mal-Bord tan-Negozjati.

Korp tal-Pulizija — Taqsima tat-traffiku – ilbies protettiv

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jinxatra lbies protettiv għall-membri tat-taqsima tat-traffiku?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għall-mistoqsija parlamentari 4340.

Karta tal-Identità – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara għaliex l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li hu Taljan miżżewweġ Maltija u li ilu Malta aktar minn sena, ilu żmien jistenna l-karta tal-identità?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern, mill-bidu ta’ Jannar 2013 m’għadux joħroġ karti tal-identità lill-barranin. Li joħroġ id-Dipartiment huwa dokument ta’ residenza li jista’ jservi ukoll bħala dokument ta’ identifikazzjoni. L-individwu li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant kien ġie infurmat mid-Dipartiment f’Awwissu 2013 permezz ta’ ittra li jista’ joqgħod u jaħdem Malta. Din il-persuna għandha tikkuntattja lid-Direttur tad-Dipartiment biex isiru l-arranġamenti ħalli jinħariġlu d-dokument ta’ residenza.

Programm televiżiv

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-programm li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li kien beda jixxandar fuq il-Public Broadcasting Services twaqqaf ħesrem wara l-ewwel programm? Vera li kien hemm oġġezzjoni fuq il-kontenut tal-programm u jekk iva, minn min kien hemm oġġezzjoni?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Dan m’huwiex l-ewwel u l-aħħar programm li twaqqaf mill-PBS. Il-bordijiet u l-management tal-PBS jkunu qed isegwu l-programmi mxandra kontinwament, u għaldaqsant dawn jintervjenu skont il-ħtiega.

Għases tal-Pulizija — manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta l-aħħar li saret manutenzjoni fl-għases tal-pulizija, tal-11 u t-12-il distrett elettorali, kull lokal b'mod differenti? F'kull ka¿ meta saret din l-aħħar manutenzjoni u fiex kienet tikkonsisti?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Kif diġà kelli l-okkażżjoni ninforma lill-Kamra, ix-xogħol ta' manutenzjoni fl-Għases tal-Pulizija madwar Malta u Għawdex, huwa proċess li jsir kontinwament fejn ikun meħtieg u skont il-prijorità. Għaldaqstant it-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onor. Interpellant, mhux disponibbli taħt forma ta’ statistika. Pero’ għall-għases fil-lokalitajiet imsemmija, matul din is-sena saru xogholijiet, fl-għases tal-Qawra, San Pawl il-Baħar, Mosta, Mellieħa u Għadira.

Korp tal-Pulizija – tul ta’ applikanti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li jitnaqqas it-tul rikjest tal-applikanti fl-ingaġġ li jmiss tal-Korp tal-Pulizija?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninsab infurmat illi r-rekwiżit tat-tul għall-ingaġġ fil-Korp tal-Pulizija huwa dak indikat fis-sejħa ghal-applikazzjonijiet ippublikata fil-Gazzetta tal-Gvern tas-6 ta’ Settembru 2013

Il-Mosta – Qtil ta’ qtates

Question

B’referenza għall-qtates u klieb li nstabu msallba f’dawn l-aħħar sentejn fil-Mosta, ġie stabbilit jekk dawn l-annimali ssalbux waqt li kienu għadhom ħajjin? Jista’ jaċċerta li l-Pulizija qed jagħmlu minn kollox biex isolvu dan il-każ?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Naċċerta lill-Onorevoli Membru illi l-Pulizija għaddejja b’investigazzjoni meħtiega sabiex isir magħruf kull minn hu involut f’dawn ir-reati u jitressaq quddiem il-Qorti skont il-ligi. Però ma nħossx illi f’dan l-istadju ta’ l-investigazzjoni għandu jingħata tagħrif aktar dettaljat.

Każijiet ta’ moħqrija fuq annimali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid mill-bidu tas-sena 2000 sal-lum il-Pulizija kemm irċeviet rapporti jew ġiet mitluba tinvestiga jew investigat fuq inizjattiva tagħha, każijiet ta’ moħqrija fuq annimali? Kemm kienu l-każijiet li ssolvew u kemm minnhom tressqu l-Qorti?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta se titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

MPA – tnaqqis ta’ taxxi

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu n-negozjati mal-MPA rigward it-tnaqqis ta' taxxa għal 15% fuq l-extra duty on payment kif ġie mwiegħed?

Response (MALLIA, EMANUEL)

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 5422, din il-materja se tiġi ukoll diskussa waqt il-laqgħat li huwa previst li jsiru fil-jiem u l-ġimgħat li ġejjin.

Korp tal-Pulizija –leave

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li l-membri tal-Korp għadhom ma bbenefikawx mill-miżura tal-ftehim kollettiv taċ-ċivil 2011 – 2016 fejn dawn jistgħu jibbenefikaw minn 40 siegħa leave, li jittieħdu siegħa siegħa?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninsab infurmat illi billi l-implementazzjoni ta’ din il-miżura hija suġġetta għall approvazzjoni maniġerjali u x-xogħol u serviz tal-Korp tal-Pulizija huwa neċċessaru 24 siegħa kuljum, din l-implemntazzjoni u l-proċedura tagħha għadha qed tigi evalwata sabiex ikun magħruf kif din tista’ taffettwa l-operat u s-servizz tal-Korp, kif ukoll sabiex ikun assigurat illi b’tali miżura ma’ jonqosx il-livell u kwalità ta’ servizz li joffri l-Korp liċ-ċittadin. Fl-istess waqt qed jigi aċċertat li l-korp tal-pulizija jigi mgħammar bir-rizorsi umani meħtieġa li tant kien nieqes minnhom.

Pulizija – użu ta’ kpiepel

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li jinbidlu l-kpiepel użati fil-preżent mill-Pulizija nisa?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninsab infurmat illi fil-preżent m’hemm ebda ħsieb li jkun hemm xi kambjament fl-istil tal-kpiepel użati mill-pulizija nisa, għalkemm dejjem miftuħin għas-suġġerimenti li jistgħu jsiru.

Korp tal-Pulizija – promozzjonijiet fir-rank ta’ spettur

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li membri tal-Korp li mhumiex fil-kariga ta' surġent u lanqas huma gradwati tħallew japplikaw għall-promozzjoni fir-rank ta' spettur?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninsab infurmat illi filwaqt li s-sejħa għall-applikazzjonijiet għal post ta’ spettur tal-Pulizija kif pubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern kienet turi x’kienu ir-rekwiżiti tal-eliġibilita’, din ma kienetx teskludi lill min jista japplika. Għaldaqstant għad irid isir l-proċess ta’ short listing ta’ dawn l-applikazzjonijiet mill-bord ta’ l-għażla sabiex ikunu magħrufa l-applikanti li huma eligibbli.

Kuntistabbli ta’ riżerva

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-kriterji li qegħdin jintużaw sabiex jiddaħħlu kuntistabbli ta' riżerva?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninsab infurmat illi fil-preżent sabiex persuna tkun eliġibli għall impieg bħala kuntistabbli ta’ riserva jridu jkunu bejn it-18 u s-60 sena u li jkunu irtiraw mill-Korp tal-Pulizija jew mill-korpi dixxiplinati inkluż gwardjani privati u gwardjani lokali. Il-kondizzjoni medika tagħhom trid tkun ta’ l-istess livell bħall dik rikjesta ghall membri tal-Korp regolari.

Kuntistabbli ta’ riżerva – interview board

Question

Jista' l-Ministru jgħid min qiegħed fuq l-interviewing board li se jiddeċiedi l-kuntistabbli ta' riżerva jiġux aċċettati lura fil-Korp jew le?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninsab infurmat illi l-persuni li applikaw sabiex iservu bħala kuntistabbli ta’ riserva fil-Korp tal-Pulizija se jiġu assessjati mill-Kummissarju tal-Pulizija.

Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali — persons of trust

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx persuni li huma ngaġġati bħala persons of trust (POT) fi ħdan il-Ministeru tiegħu jew entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu li ngħataw permess biex jagħmlu xogħol bit-telework? Jekk iva min huma u kemm bħala persentaġġ jistgħu jagħmlu telework mill-ħin kollu?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Pulizija – mobile squad — vetturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il vettura hemm disponibbli fil-preżent għall-mobile squad tal-Pulizija? Ta' liema marka huma dawn il-vetturi? Kemm minnhom qed ikunu assenjati għal kull shift?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Kif diġà kelli l-okkażżjoni ninforma lill-Kamra, b’effett mill-1 ta’ Lulju ta’ din is-sena l-Iskwadra tal-Mobile u l-Special Assignment Group fil-Korp tal-Pulizija kienu ġew amalgamati fi skwadra waħda magħrufha bħala Rapid Intervention Unit. Fil-preżent din it-Taqsima għandha għad-dispożizzjoni tagħha 30 vettura tal-marka Ford Focus, 4 Landrovers u 4 Kia Sedona u 2 vannijiet wieħed Ranault u l-iehor Ford Transit. Dawn jintużaw skont kif ikunu l-ħtiġijiet tax-xift.